Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadu ma bediex ix-xogħol fi Triq ir-Redentur, Żabbar biex titwessa' (faċċata ta' Triq it-Tut)
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fi Triq ir-Redentur, Żabbar beda. Dan ma setax jibda qabel għaliex kien hemm proċeduri għaddejjin ma` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex xi strutturi ma jitwaqqgħux u li issa hemm deċiżjoni dwarhom.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser issir l-ewwel surfacing fi Triq Baħrija (bejn Triq il-Kappuċċini u Triq Nikola Cottoner) ġo Ħaż-Żabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li l-parti ta` Triq il-Baħrija qiegħda fl-istess żona nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 28960.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir l-ewwel surfacing ta' Triq Nikola Cottoner ġo Ħaż-Żabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jaħdem fuq programm ta` xogħolijiet ta` asfalt f`din il-lokalita' u t-triq imsemmija qiegħda nkluża f`dan il-programm.
Meta l-proċedura li qed issir għall-espropjazzjoni ta` l-art meħtieġa għat-twettieq ta` dan il-proġett titlesta', tkun tista` tiġi ppubblikata sejħa għall-offerti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 28514, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni skond l-etajiet li dawn il-persuni għandhom maqsuma f'dawk li għandhom anqas minn 29 sena, bejn it-30 u l-45 u 'l fuq minn 46?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-etajiet tal-membri tal-Bordijiet, Awtoritajiet u Kummisjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex parti minn Vjal il-Ħaddiema, Rabat, issir one way billi t-traffiku li jkun niżel minn dik it-triq jiġi devjat għal Triq Għajn Qajjed u jkun evitat il-periklu li nħoloq għat-tfal u r-residenti tal-Qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjed, wara li Triq G.B. Olivier saret one way?
Fid-dawl li dawn l-miżuri proposti huma ntiżi sabiex jiġi evitat kull skomdu u periklu fis-sistema tat-traffiku tar-Rabat, jista' l-Ministru jara li l-awtoritajiet konċernati jispezzjonaw inħawi oħra fir-Rabat li jistgħu jkun suġġett ta' l-istess problemi? Jekk fl-affermattiv meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li s-sistema ta' one way fi Triq Borġ Olivier daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Ottubru, 2001 huwa kmieni wisq li wieħed jieħu deċiżjonijiet ulterjuri ta' immaniġjar ta' traffiku qabel ma jkun hemm assessment dettaljat tas-sistema u l-miżuri li jridu jittieħdu f'toroq oħra. Madanakollu, mhux eskluż li jkun hemm bżonn jittieħdu miżuri bħal dawk li msemmija mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li it-trejqa li tagħti minn Triq Ġuże Borġ, taż-Żwejt għal b' Kara/Iklin titwessgħa jew issir one way minħabba l-inkonvenjent għat-traffiku li jeżisti bħalissa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt it-talba ta` l-Onor. Interpellant lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jara x`jista` jsir.
Jista' l-Ministru jgħid meta jiġu introdotti traffic lights jiġi studjat x'impatt dan jista' jkollu fuq n-negozji fl-inħawi? Dawn in-negozji fil-fatt jiġu ikkonsultati bil-quddiem?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li kull fejn jiġu ntrodotti Traffic Lights jogħla l-livell ta` safety mhux biss għas-sewwieq iżda wkoll għall-pedestrians, għaldaqstant l-impatt għan-negozji fl-inħawi jkun dejjem posittiv.
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi riduzzjoni ta` spazju għall-parkeġġ, din ir-riduzzjoni għandha tiġi kkunsidrata mall-vantaġġi li jinħolqu bl-introduzzjoni ta` Traffic Lights.
Jista' l-Ministru jgħid peress li fi Triq il-Palazz l-Aħmar Qormi, hemm kamra biswit Dar is-Sammaritan li, skond kif jien infurmat, hija mimlija b' materjal jew gases li huma combustible x' inhuma l-prekawzjonijiet li ġew imposti biex din il-kamra ma tkunx ta' periklu għar-residenti u l-iskola li hemm fil-qrib?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant mhuwiex kompetenza ta` dan il-Ministeru, iżda minħabba l-informazzjoni mgħoddija d-Dipartiment tat-Toroq irrefera il-każ lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 27785 (Seduta 594 - 27/07/2001), jista' l-Ministru jgħid kif ix-Xbieha tal-Madonna tal-Grazja ġiet inkorporata fil-ħrieġ tal-belli tal-Milied, għax hemm stennija kbira wara l-festi li saru u billi issa ż-żmien, daħal sew għat-tħejjija tad-disinji? Dawn id-disinji huma diġa lesti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Kif diġa kelli l-okkażżjoni li ngħid fit-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 27785 mill-istess membru f`dan ir-rigward, il-Bord li jagħti pariri dwar id-disinn tal-bolli għamel rakkomandazzjoni li x-Xbiha tal-Madonna tal-Grazzja għandha tiġi nkorporata fis-sett tal-Bolli tal-Milied ta` din is-sena.
Tali rakkomandazzjoni ġiet mgħoddija lil-Maltapost.
Jista' l-Ministru jgħid fejn qed imur l-ilma li jinżel fil-culvert taħt il-bankina fi Triq l-10 ta' Settembru 1797 ġewwa Ħaż-Żabbar? Jikkonferma l-Ministru li dan l-ilma, snin ilu kien imur ġewwa ġibjun u dan issa ma jistax isir għax il-ġibjun ġie magħluq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x`qed jiġri fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir l-ewwel surfacing ta' Bieb is-Sultan ġewwa Ħaż-Żabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ilu żmien jipprova jasal fi ftehim ma` propjetarji ta` l-art ma ġenb ta` din it-triq sabiex l-art tgħaddi għand il-Gvern u t-triq tinfetaħ.
Peress li dan il-ftehim ma ntlaħaqx, id-Dipartiment m`għandux alternattiva u ser ikollu jirrikorri biex issir esproprijazzjoni. Għalhekk sakemm dan isir, it-triq se tkun asfaltata il-wiesgħa li hi biex ir-residenti fit-triq ikunu moqdija.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-ewwel surfacing ta' Misraħ Alofju Wignacourt ġewwa Ħaż-Żabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq diġa għamel surveys tal-lokalita` biex fejn hemm bżonn tittieħed l-art biex it-toroq ikunu jistgħu jinfetħu u jsiru kollha, u għalhekk l-asfalt ikun jista` jsir meta dan il-proċess jitlesta`.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-ewwel surfacing ta' Triq il-Għasel ġewwa Ħaż-Żabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li din it-triq qiegħda fl-istess żona bħal Misraħ Alojfu Wignacourt, għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28960.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq Ġużeppi Micallef ġewwa Ħaż-Żabbar li għalkemm tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti biex issir, hi ta' inkonvenjent kbir lir-residenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq Ġużeppi Micallef qiegħda fl-istess żona ta` Misraħ Alojfu Wignacourt, allura l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 28960.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir dwar it-triq f'Burmarrad biex meta tibda niżla x-xita, ma jibqax għaddej u jmur fir-residenzi tan-nies?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hija waħda mir-responsabilitajiet definiti fil-kuntratt tal-bini ta` din it-triq li l-kuntrattur li qed jagħmel dan ix-xogħol taħt id-direzzjoni tal-perit li hu responsabbli mill-kostruzzjoni tal-proġett kif imqabbad ukoll skond dan il-kuntratt, irid jieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji biex il-propjeta ta` terzi ma tkunx effetwata minn xi għargħar li jista` jirriżulta mill-esekuzzjoni tax-xogħolijiet.
Jista' l-Ministru jintervjenu u jieħu dawk il-passi kollha neċessarji sabiex l-ilma li jaqa' min Triq Bronja, Triq il-Karmelu u Triq Alessandru, Żurrieq ma jibqax jaqa' fi Sqaq St. Edwardu li jrid jgħaddi min żewġ sprolli madwar pied u nofs kubu bil-konsegwenza li t-triq tegħreq u ma jkunx possibbili li n-nies joħorġu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment u l-Kunsill Lokali diġa` ddiskutew din il-problema u d-Dipartiment qiegħed jara x`jista' jsir.
Jista' l-Ministru jgħid peress li fil-qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjed qed jgħaddi t-traffiku li soltu kien jgħaddi minn Triq G.B. Olivier r-Rabat, Malta jista' l-Ministru jara li ssir pelican lights jew zebra crossing bejn id-djar numru 7 u 13 ta' l-entratura tal-H.E. min naħa ta' Triq Għajn Qajjed?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex flimkien mat-Traffic Control Board u l-Kunsill tar-Rabat jaraw x`jista' jsir dwar is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid b' riferenza għall-PQ nru W258 dwar Triq G. Muscat Azzopardi Qormi, jekk id-Dipartiment tat-Toroq għamilx l-ispezzjoni fit-triq imsemmija u x' konklużjonijiet hemm?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment spezzjona t-triq msemmija mill-onor. Interpellant u jirriżulta illi żewġ terzi min din it-triq huma diġa asfaltati. It-terz li baqa` għadu mhux asfaltat u x-xogħol f`din il-parti tat-triq ikun jista` jsir meta d-Dipartiment tat-Toroq ilesti l-programm għal asfaltar ta` toroq li qed iħejji u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi 27073?
Jista' jgħid jekk id-diffikultajiet waqt il-proċess tat-tender għal provista tal-photocards ingħalbux?
Lil min ingħatat din l-offerta?
Kemm applikaw għall-offerta u kemm talbet kull kumpanija eċċ?
Meta hu maħsub li jintbagħtu l-liċenzji l-ġodda tas-sewqan bil-photocard?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-diffikultajiet waqt il-proċess tat-tender għall-provista tal-liċenzji tas-sewqan photocard ġew superati u t-tender ingħatat mid-Dipartiment tal-Kuntratti lid-ditta Joseph Cachia & Sons Ltd.
Kien hemm żewġ offerti mingħand:
A.G. Packaging Systems Ltd.
Joseph Cachia & Sons Ltd.
Peress li din it-tender ġiet proċessata skond it-Tmien Skeda tar-Regolamenti ta` l-1996 dwar akkwisti li jsiru mis-Servizz Pubbliku, jiġifieri li l-offerti jsiru fi tliet pakketti separati, jista` jingħata biss tagħrif dwar l-offerta finanzjarja tad-ditta li ġiet mogħtija l-kuntratt, Joseph Cachia & Sons Ltd. li offriet Lm1.29c għal kull Liċenzja tas-Sewqan photocard.
L-offerta finanzjarja ta` A.G. Packaging Systems Ltd. mhux magħrufa għaliex skond it-Tmien Skeda msemmija l-pakkett finanzjarju ma jiġix miftuh jekk l-offerta ma tiġix rikkommandata wara li jkunu nfetħu l-ewwel żewġ pakketti.
Mis-27 ta` Settembru 2001 bdew jintbagħtu l-ewwel liċenzji tas-sewqan photocard.