Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – detenuti – ġlied

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul ix-xahar ta’ April 2015 ġewx irrappurtati lill-awtoritajiet tal-abs inċidenti ta’ ġlied u swat tal-persuni preżentament detenuti ġewwa l-Ħabs Ċivili ta’ Kordin? Jekk iva, jista’ jgħid: (a) Meta seħħew dawn l-inċidenti; (b) Min għamel ir-rapport dwar dan/dawn il-każijiet; (c) Min kienu l-priġunieri involuti; (d) Kienx hemm uffiċjali tal-Ħabs involuti (e) Ġewx infurmati l-pulizija sabiex jinvestigaw x’seħħ; (f) Ġiex infurmat il-Maġistrat tal-Għassa; u (g) Infetħitx inkjesta interna? Min qed imexxi din l-inkjesta? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li saru dwar tali inċidenti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inċident sar f’April 2015. L-uffiċjali għamlu rapport dwar l-inċident sabiex jittieħdu passi kontra l-priġunieri nvoluta. Ninformah ukoll li ma kien hemm l-ebda uffiċjali tal-ħabs nvoluti f’dan l-inċident. Il-Maġistrat ta l-Għassa ma ġiex informat minħabba li l-vittma nvoluta fil-każ sofra grieħi ħfief u meta l-awtorita ġabet lil-Pulizija biex jagħmlu rapport, il-persuna nvoluta rrifjutat li jagħmel dan jew li jittieħdu passi bil-Qorti kontra t-tlett agressuri.

Ħsarat Strutturali fis-CID Block

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm ħsarat strutturali fis-CID Block li hemm fid-depot tal-Pulizija fil-Furjana? Jista' jikkonferma li ftit tal-ġimgħat ilu l-periti għamlu żjara fil-post imsemmi minħabba l-ħsarat li hemm? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċertifikati u rapporti magħmula mill-periti in kwestjoni li bihom ikkonfermaw jew ma kkonfermawx li l-binja imsemmija hi tajba biex il-pulizija jaħdmu fiha kif ukoll li hemm jew mhemmx perikolu għas-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema waqt il-qadi ta' dmirijiethom fl-istess blokk?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li m’hemmx ħsarat strutturali fis-CID block li hemm fid-Depot tal-Pulizija fil-Furjana. Instabu xi konsenturi zgħar f’xi ħitan interni iżda peress li dawn il-ħitan mhumiex strutturali, m’hemmx periklu. Infurmat ukoll li hu kkonfermat li l-periti tal-Works and Infrastructure Department għamlu diversi żjarat fil-post imsemmi biex jagħmlu spezzjonijiet u investigazzjonijiet. Barra min dan inbeda wkoll monitorġġ ta’ ċaqlieq tal-ħitan esterni tal-binja. Ir-rapport fuq dan il monitoraġġ, li fost investigazzjonijiet oħra jinkludi l-istallar ta’ diversi strain gauges, jingħata wara sitt xhur mid-data tat-13 ta’ Mejju 2015, jiġifieri fit-13 ta’ Novembru 2015. Irid jingħad li l-investigazzjonijiet li saru s’issa mil-Periti responsabbli ma jindikawx li hemm difetti strutturali fil-post u li l-binja mhix tajba għall-użu. Għalhekk m’hemm l-ebda indikazzjoni li hemm perikolu għas-saħħa u sigurtà tal-ħaddiema waqt il-qadi ta' dmirijiethom fl-istess blokk iżda kif indikat iktar kmieni, ċ-ċertifikat finali jinħareġ f’Novembru tal-2015. Tajjeb li wieħed jgħid li minħabba nuqqas ta’ maintenance fi żmien amministrazzjoni preċedenti din il-binja tinsab f’din is-sitwazzjoni.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – librerija/Education Unit

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-preżent il-librerija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mhix aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Jista’ jgħid meta hu ppjanat li tittieħed azzjoni biex il-librerija ssir aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità kif mitlub mil-liġi, minħabba t-taraġ li hemm biex wieħed jasal għaliha? Jista’ jgħid jekk l-Education Unit tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hux mgħammar bl-apparat u l-affarijiet neċessarji li jiżguraw is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema u d-detenuti fuq il-post tax-xogħol? Jista’ jgħid jekk l-amministrazzjoni tal-ħabs ħaditx il-passi meħtieġa biex jinxtara l-equipment neċessarju skont ma titlob il-liġi għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol? Jista’ jgħid meta dan il-materjal daqshekk importanti se jkun stallat fl-Education Unit tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-librerija hija aċċessibbli permezz ta’ taraġ, biss jekk issir talba minn kwalunkwe priġunier li jsib diffikulta jitla’ dan it-taraġ, l-istaff tal-Education Unit tal-Faċilita jgħinu sabiex jinġibilu l-kotba li jkun jixtieq minn ġol-librerija. Sadanittant, fil-preżent qed isir audit bi skop ta’ rakkomandazzjonijiet minn perit b’kollaborazzjoni mal-KNPD dwar l-aċċessibilitia fil-Faċilità, inkluż fil-librerija. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jittieħdu in konsiderazzjoni mill-awtoritajiet tal-Faċilità. L-Education Unit hija mgħammra b’fire extinguisher u bi staff li jkun qed jissorvelja l-area ikkonċernata. Matul il-ħinijiet tal-ftuħ ta’ l-Education Unit, in-nursing staff ġewwa l-Faċilita stess huma aċċessibbli l-ħin kollu u f’każ li jinqala’ xi inċident dawn jiġu msejħa fuq il-post.

Ċentri tad-detenzjoni – immigranti irregolari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm fil-preżent persuni/immigranti irregolari fiċ-ċentri tad-dentenzjoni? Jista’ jindika fejn huma mqassma u ta’ liema nazzjonalità huma?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm għaxar persuni fiċ-ċentri ta Detenzjoni ġewwa Ħal Safi u huma mqassma kif ġej: Benin 1 Libya 3 Nigeria 3 Somalia 2 Syria 1

Identity Malta – Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv ta’ Identity Malta? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Identity Malta ma hemmx kariga ta' Kap Eżekuttiv.

Ċittadinanza — każ ta' individwu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13485, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru ntbagħtu separatament rigward applikazzjoni għal ċittadinanza li ilha erba’ snin pendenti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għal ċittadinanza tal-persuna li dettalji dwaru ngħataw separatament, għadha qed tiġi proċessata.

Ċentri miftuħa – immigranti irregolari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni/immigranti irregolari fil-preżent fiċ-ċentri miftuħa? Jista’ jindika fejn huma mqassma u ta’ liema nazzjonalità huma?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħabs ta’ Kordin – inċidenti bejn detenuti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul ix-xahar ta’ Marzu 2015 ġewx irrappurtati lill-awtoritajiet tal-ħabs inċidenti ta’ ġlied u swat bejn persuni preżentament detenuti fil-Ħabs Ċivili ta’ Kordin? Jekk iva, jista’ jgħid: (a) Meta seħħew dawn l-inċidenti; (b) Min għamel ir-rapport dwar dan/dawn il-każijiet; (c) Min kienu l-priġunieri involuti; (d) Jekk kienx hemm uffiċjali tal-ħabs involuti; (e) Jekk ġewx infurmati l-pulizija sabiex jinvestigaw x’seħħ; (f) Jekk ġiex infurmat il-Maġistrat tal-għassa; u (g) Jekk infetħitx xi inkjesta interna, u jekk infetħet, min qed imexxi din l-inkjesta? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li saru dwar tali inċidenti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda rapport lill-awtoritajiet tal-ħabs fuq inċidenti ta’ ġlied u swat bejn persuni preżentament detenuti fil-ħabs ta’ Kordin, matul ix-xahar ta Marzu 2015.

Tiġdid tal-Karta tal-Identità – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ma ġġedditlux il-karta tal-identità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din id-domanda hija ta’ natura kunfidenzjali. Ninfurmah ukoll li l-persuna li dettalji dwarha ngħataw separatament ġiet ikkuntatjata fuq il-każ.

Tas-Sliema — Għassa tal-Pulizija - ħsarat fl-istruttura

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15194 u jgħid jekk hux minnu li l-għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema hija strutturalment ikkundannata? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċertifikat u dikjarazzjoni tal-Perit tal-Gvern li jindika l-istat li tinsab fih fil-pre¿ent l-istruttura tal-istess għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infumat li hu minnu li xi partijiet mill-għassa tal-Pulizija ta’ tas-Sliema huma strutturalment ikkundanati. Fil-fatt ittieħdet azzjoni mmedjata meta dan sar magħruf biex dawk il-partijiet fejn hemm il-ħsarat jigu vakati, filwaqt li sar xi xogħol temporanju biex il-periklu jitneħħa. Sadanittant wara li saru ix-xogħolijiet temporanjament biex jitneħħa il-periklu, qed isiru arrangamenti biex jibdew it-tiswijiet meħtieġa f’dawk il-partijiet tal-għassa fejn hemm il-ħsarat u dan qed isir skond il pariri tal-periti konċernati. Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra iż-żewġ dikjarazzjonijiet tal-Perit konċernat dwar il-ħsarat.

Korp tal-Pulizija — Passi dixxiplinarji kontra membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi dixxiplinarji ttieħdu kontra membri tal-Korp tal-Pulizija (madwar 15), inkluż il-pulizija li d–dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li kienu involuti f’użu abbużiv u eċċessiv ta’ forza mal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament f’ħanut ġewwa Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta, nhar it-8 ta’ Jannar 2015 għall- ħabta tal-4.30pm.

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li in konnessjoni mal-allegat inċident ta’ użu abbużiv u eċċessiv ta’ forza mal-individwu li dettalji tiegħu ingħataw separatament, li seħħ f’ħanut ġewwa Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta, nhar it-8 ta’ Jannar 2015 għall-ħabta tal-4.30pm, saru l-investigazzjonijiet meħtieġa mit-taqsima tal-Internal Affairs fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. F’dawn l-investigazzjonijiet barra li ġew interrogati is-seba’ Pulizija involuti, ġew mitkellma wkoll tlett persuni li nzertaw fil-lok tal-inċident u nvoluti fil-każ. Mill-istħarriġ li sar irrizulta li l-uffiċjali tal-Korp aġixxew b’mod tajjeb waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

San Pawl il-Baħar – Neighbourhood watch

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra li fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar tiġi stabbilita sistema ta’ neighbourhood watch bejn ir-residenti u l-Korp tal-Pulizija? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-Korp hux diġà qed jieħu sehem f’xi neighbourhood watch ieħor f’xi lokalità oħra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 11650.

Wied il-Għajn – rapporti ta’ kaċċa illegali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pulizija investigatx rapporti ta’ kaċċa illegali li allegatament seħħet fl-inħawi tal-Bellavista, Wied il-Għajn l-Erbgħa 6 ta’ Mejju, għall-ħabta tas-6:00pm, u jekk għamlet hekk x’irriżulta minn din l-investigazzjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija tad-Distrett u dawk tal-ALE ma rċevew l-ebda rapport jew informazzjoni fuq l-allegat kaċċa illegali li allegatament seħħet fl-inħawi tal-Bellavista, Wied il-Għajn l-Erbgħa 6 ta’ Mejju, għall-ħabta tas-6:00pm.

Passaport Diplomatiku – security clearance

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15765, jista' l-Ministru jgħid meta nħareġ il-passaport diplomatiku tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista' jgħid għal kemm-il sena hu validu dan il-passaport diplomatiku?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn xi nzid mar-risposta għal mistoqsija parlamentari 15765.

San Pawl il-Baħar — Għassa tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'xogħol sar fl-għassa tal-Pulizija ta' San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sena? Min wettaq l-istess xogħol? billi qed jirriżulta li dan ix-xogħol tejjeb sostanzjalment id-dehra tal-istess għassa, jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-għassa hiex se tintuża għal xi użu partikolari, li fih jistgħu jinqdew ir-residenti ta' San Pawl il-Baħar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li saru diversi xogħolijiet fl-Għassa tal-Pulizija ta' San Pawl il-Baħar, matul l-aħħar sena. Fosthom ġew mibruxa il-ħitan li ħafna minnhom kienu mizbugħa b’żebgħa taż-żejt u wara li ġew imkaħħla u trattati kif titlob is-sengħa, tħallew fuq il-ġebla naturali. Sar ukoll l-għorik ta’ madum u fejn kien imkisser ġie mibdul. Ġew irranġati is-sistemi tad-dawl u tal-ilma kif ukoll il-wash room u ix-shower fl-istess lok. Xi kmamar li ma kienux jintuzaw ġew irranġati wkoll u llum hemm faċilitajiet ta’ dormitorju li jista jintuza jekk ikun hemm il-ħtieġa minn Pulizija Għawdxin li huma u jkunu Malta. Dan ix-xoghol sar mit-Taqsima tas-Snajja tal-Korp li magħhom kien hemm zewġ priġunieri mil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin. Nikkonferma li l-uzu ta’ dan il-lok ser jibqgħa kif kien qabel u cioe bħala Għassa ta’ Pulizija għal San Pawl il-Baħar fis-sular t’isfel u is-sular ta’ fuq ser jibqa jintuza mid-Dipartiment tas-Saħħa, kif kien fil-passat.

AFM – Deputat Kmandant

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hix prassi li d-Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta ikun Kastilja jisma’ lmenti dwar customer care relatati mal-Forzi Armati ta’ Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant għandu informazzjoni żbaljata.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema li ġew sekondati minn dipartimenti tal-gvern għal mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD)? Jista' jgħid mil-liema dipartimenti dawn ġew trasferiti lejn is-CPD? Jista' jgħid kemm kien hemm gwardjani tal-ħabs li ġew trasferiti mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għal mas-CPD? Jista' jgħid jekk dawn il-gwardjani tal-ħabs li ġew trasferiti hux ser ikunu jaħdmu bil-ġurnata jew inkella bix-shift u b'liema kundizzjonijiet ser ikunu qed jaħdmu mas-CPD? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn il-kundizzjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid jekk dawn il-gwardjani tal-ħabs li ġew trasferiti ngħatawx it-taħriġ meħtieġ? B'referenza għall-ħatra ta' rekluti ġodda fi ħdan is-CPD, li ġrat fis-7 ta' Mejju 2015, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx l-eżami mediku u assessment qabel ma bdew ir-reklutaġġ? Jista' jgħid minn min sar u meta l-eżami mediku tar-rekluti? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema tat-tifi tan-nar li kien hemm mal-Enemalta u li ġew trasferiti mas-CPD, hux ser ikollhom kundizzjonijiet differenti minn dawk tal-ħaddiema tas-CPD u jekk hux ser jibqgħu bl-istess kundizzjonijiet li kellhom mal-Enemalta? Jista’ jpoġġi kopja ta' dawn il-kundizzjonijiet fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġew sekondati żewġ persuni, wieħed Officer 2 mill-Housing Authority u Kuntistabbli tal-Pulizija. Ma ġie trasferit ebda gwardjan tal-Ħabs iżda ġew trasferiti ħames persuni mid-Detention Centres. L-applikanti kienu mitluba li jippreżentaw ċertifikat mediku dwar il-kundizzjoni ta' saħħithom. Rigward il-ħaddiema tal-Enemalta , dawn baqgħu bl-istess kondizzjonijiet li kellhom.

Programm IIP — applikazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15896, jista’ l-Ministru jgħid minn fejn huma dawk it-13-il applikant li ġew aċċettati? Kemm ħallsu dawn it-tlettax-il applikant u lil min ħallsu? Liema bank intuża għal dawn il-pagamenti? Kemm tħallsu kummissjonijiet fuq dawn it-13-il applikant? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn it-13-il applikant ġewx wara roadshows mill-Prim Ministru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li tista' tingħata skont il-liġi, se tingħata fil-mument opportun.

Korp tal-Pulizija – korsijiet barra mill-pajjiż

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15813 u jgħid kemm kien hemm uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija (skont ir-rank tagħhom) li attendew korsijiet barra mill-pajjiż bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u s-27 ta’ April 2015? Jista’ jgħid f’liema pajjiżi marru għal dawn il-korsijiet/taħriġ? Jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn il-korsijiet u x’taħriġ ingħata? Jista’ jgħid min huma l-entitajiet jew organizzazzjonijiet li qed jorganizzaw dawn il-korsijiet/taħriġ? Jista’ jgħid kif u min qed jagħmel l-għażla tal-uffiċjali Maltin li qed jintbagħtu għal dawn il-korsijiet/taħriġ barra l-pajjiż? Jista’ jgħid jekk l-uffiċjali li qed jintbagħtu hux qed jagħtu rendikont tat-taħriġ li qed jieħdu barra l-pajjiż u jekk hux qed jagħtu rapport bil-miktub lill-HR tal-Korp ta’ dak li jkunu tħarrġu fih? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża totali tal-uffiċjali li attendew dawn il-korsijiet/taħriġ bejn Marzu 2013 u April 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija (skont ir-rank tagħhom) li attendew korsijiet barra mill-pajjiż bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u s-27 ta’ April 2015, hu kif jidher fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min isemmi li ċertu uffiċjali setgħu attendew aktar minn kors wieħed fl-istess sena. Fl-istess tabelli jidhru l-pajjiżi fejn dawn l-uffiċjali attendew, l-entità li organizzat il-kors kif ukoll l-ammont tal-ispejjeż marbuta ma’ kull kors. L-Ghażla ssir mill-amministrazzjoni tal-Korp fejn fost affarrijiet oħra tittieħed in konsiderazzjoni l-idonjetà tal-uffiċċjali in kwistjoni, mal-korsijiet li jkunu intgħażlu biex jattendu. Wara li jispiċċa l-kors, kull uffiċjal hu marbut sabiex jgħaddi rapport lit-taqsima relattiva fil-Korp.