Wied il-Għajn – Park tal-Familja – pjan għall-manutenzjoni u l-immaniġġjar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefaq sa issa fuq it-tfassil tal-pjan għall-manutenzjoni u l-immaniġġjar tal-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn li għalih saret referenza fid-diskors tal-baġit għall-2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-nefqa għall-manutenzjoni u għall-immaniġġjar tal-Park tal-Familja ġewwa Wied il-Għajn għas-sena 2014, s’issa, t'ammonta għal €324,256.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-programm pilota ta’ investiment fi qsari li jsebbħu ż-żoni urbani u li għalih saret referenza fid-diskors tal-baġit għall-2014? Meta ser jispiċċa dan il-proċess?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’Lulju li għadda kien ġie ffirmat Memorandum of Understanding (MOU) bejn il-Ministeru u erba’ Kunsilli Lokali: Fgura, Msida u San Pawl il-Baħar f’Malta, u Victoria ġewwa Għawdex. B’dan il-ftehim il-Kunsilli nvoluti ntrabtu li jsebbħu r-raħal tagħhom b’diversi siġar, buxxelli u qsari skont il-ħtiġijiet ta’ tali kunsilli. Il-Gvern, minn-naħa tiegħu iffinanzja din l-inizjattiva.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xiri ta' biljetti tal-ajru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, b’mod separat, liema kienu l-aġenziji tal-ivvjaġġar li mingħadhom inxtraw il-biljetti tal-ajru tal-Ministeru, id-Dipartimenti, l-entitajiet, l-aġenziji, il-koporazzjonijiet, l-awtoritajiet, il-kummissjonijiet, il-kumpaniji, u l-fondazzjonijiet li jaqgħu taħtu u kemm kien il-ħlas f’kull każ? Jista’ jagħti din l-informazzjoni għas-snin bejn l-2004 u l-2012, sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm tħallset kull aġenzija b’mod totali fis-snin indikati? Jista’ jgħid f’kull każ jekk il-ħlas sarx b’direct order jew le?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qegħda tinġabar u se tingħata fil-ġejjieni qrib.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – kuntratti ta’ konsulenza
Question
B’referenza għat-tweġieba tal-mistoqsija parlamentari 11562, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba u li tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2013 sat-30 ta’ Settembru 2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru rċeviex xi talbiet biex il-palm li hemm fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar, jinqala minn fejn jinsab? Jekk iva, x'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru dwar dan l-istess palm?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari W301 u ninfurmah illi minn dak iż-żmien il hawn id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti ma rċieva l-ebda talba biex il-palm li jinsab fi Triq il-Mosta, San Pawl il-Baħar jiġi maqlugħ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru rċeviex talbiet għall-kumpens wara l-ħsara li ġarrbu s-sajjieda ta' Marsaxlokk wara l-maltempata li kien hemm matul l-aħħar jiem? Jekk iva, kemm saru talbiet? X'qed jagħmel il-Ministeru biex sitwazzjonijiet kif imsemmija fuq jiġu evitati kemm jista' jkun?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ma rċievejna l-ebda talba tat-tip li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza li wieħed ftit li xejn jista’ jagħmel biex jiġu evitati maltempati u l-ħsarat li jiġu kkawżati minnhom.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux se jieħu xi inizjattivi ġodda biex ir-riforma tal-Pitkalija tkun tista' ssir b'pass iktar mgħaġġel milli jidher li qed isir bħalissa? X'inhi l-pożizzjoni tar-rappreżentanti tal-bdiewa dwar dan is-suġġett, almenu kif komunikati lill-Ministeru?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, r-riforma tal-Pitkalija qiegħda fl-implementazzjoni tal-proġett pilota. Dan il-proġett qiegħed isir flimkien mal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa. Il-proġett pilota qiegħed fil-fażi ta’ xiri ta’ makkinarju neċessarju u sistemi ta’ kontroll.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal it-tfassil tal-Politika Nazzjonali dwar l-ambjent li għaliha saret referenza fid-diskors tal-baġit għall-2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-isforz biex tkun imbuttata l-quddiem il-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent tal-2012, din is-sena, wara diskussjonijiet li saru fl-għola livelli, tniediet sistema ta’ Focal Points f’kull Ministeru responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha, bil-għan li naraw li jiġu implimentati l-miżuri tal-policy meqjusa fattibbli mill-Ministeri nfushom, sabiex tingħata spinta l-quddiem lill-implimentazzjoni u lill-monitoraġġ ta’ din il-Politika u dan wara li tlaqqaw is-Segretarji Permanenti rispettivi ukoll. Saru diversi laqgħat dwar il-miżuri msemmija fil-Politika mal-Focal Points fil-Ministeri u fejn kien hemm bżonn saru laqgħat mal-aġenziji kkonċernati li jaqgħu taħt kull Ministeru. Fl-istess żmien tkompliet tinġabar informazzjoni dwar l-istatus tal-miżuri fil-Policy.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal it-twettiq tal-istrateġija tal-Green Jobs li għaliha saret referenza fid-diskors tal-baġit għall-2014?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2014 sar xogħol konsiderevoli fuq din l-istrateġija li qed tkun pilotata mill-Ministeru tiegħi flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol. Diġa tfassal abbozz preliminari flimkien ma’ lista ta’ miżuri proposti li qed ikunu diskussi mal-Ministeri l-oħra. Is-settur privat intalab ukoll jagħmel il-proposti tiegħu. Kif il-lista ta’ miżuri li għandhom il-potenzjal li jħaddru l-ekonomija tkun finalizzata u maqbula bejn il-Ministeri, din sa tiġi suġġetta għall-evalwazzjoni ekonomika biex jiġi identifikat il-potenzjal ta’ dawn il-miżuri għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol. Il-ħsieb huwa li l-abbozz ikun lest matul l-ewwel nofs tas-sena 2015.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — direct orders
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11547, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tad-direct orders li ngħataw u ċjoè lil min ingħataw dawn id-direct orders, x’kien is-servizz jew prodott mitlub u kemm kien l-ammont li tħallas mill-Gvern f’kull każ?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Wara l-maltemp ta' nhar il-Ġimgħa, 7 ta' Novembru 2014, jista' l-Ministru jgħid kellux rapporti ta' ħsarat minn bdiewa? Jekk iva, kemm kienu r-rapporti mil-lokalitajiet tar-Rabat (Malta), l-Imġarr, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, l-Imtarfa u l-Imdina?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mhux il-każ li jsiru / jintlaqgħu rapporti fuq ħsarat ikkaġunati mill-maltemp għaliex il-prassi dejjem kienet li t-tali ħsarat, s’issa, m’humiex koperti taħt xi skema ta’ kumpens. Madanakollu kif imwiegħed fil-programm elettorali tal-Gvern hemm il-ħsieb li tkun imnedija skema ta’ assigurazzjoni għall-agrikoltura u fil-fatt infurmat ukoll li din il-materja qegħda inkluża fl-abbozz tal-programm għall-iżvilupp rurali tal-Gvern li qed ikun diskuss mal-Kummissjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-fondi ewropej li kienu allokati għall-bdiewa u r-raħħala fl-2014, u mil-liema programm dawn tħallsu, u jekk possibli, f'liema lokalitajiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Fondi Ewropej li kienu allokati għall-bdiewa u r-raħħala fl-2014 kienu mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEĠ) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). B’dawn il-fondi tħallsu bdiewa u raħħala minn 68 lokalita` ammonti ta’ €7,082,799.69 u €5,225,030.31 rispettivament.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11132, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-organigramma li ġiet iċċirkulata lil xi impjegati tal-Wasterserv mill-Kap Eżekuttiv ftit tal-ġranet ilu? Jista' jindika kemm hemm vakanzi għall-post ta' Facility Manager u għal Plant Engineer u fejn jeżistu dawn il-vakanzi? X'inhuma l-iskala u l-allowances marbuta ma' dawn il-gradi? Jista' jgħid jekk f'dawn l-aħħar tliet xhur imtlewx xi vakanzi f'dawn iż-żewġ rwoli u jekk iva, imtlewx minn barra jew minn ġewwa?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jien infurmat mill-WasteServ li filfatt ma tqassmet l-ebda organigramma lil xi impjegat tal-WasteServ. Infurmat ukoll li fil-preżent ma hemmx vakanzi ta’ Facility Manager iżda hemm waħda ta’ Plant Engineer għall-proġett tal-Malta North.
L-iskala ta’ dawn il-gradi hija waħda maniġerjali skont l-istruttura tal-WasteServ li tinkorpora l-ħlas ta’
allowances
bħalma huma
obnoxious, disturbance
, mowbajl u
car allowance
.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11130, jista' l-Ministru jgħid minn ġie ngaġġat minflok il-persuni msemmija u x'kienu l-kwalifiki u l-esperjenza fl-industrija tal-iskart tal-persuni magħżula?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra b’lista ta’ pożizzjonijiet ta’ professjonisti li ġew mimlija wara li impjegati oħrajn fl-istess pożizzjoni jew simili irriżenjaw jew kienu redeployed.
Impjant ta’ Sant’ Antnin – elettriku ġġenerat mill-iskart organiku
Question
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10838, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-ammont ta' enerġija ġġenerata mill-impjant f'Settembru 2014 għadda għand l-Inspire?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-twegiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10838 tat informazzjoni fuq kemm jiġi ġġenerat eletrikku mill-iskart organiku u mhux enerġija fil-forma ta’ sħana. Is-sħana żejda kollha li tiġi ġġenerata mill-impjant qed tgħaddi għall-użu mill-Aġenzija Inspire.
Wasteserv – Tibdil fil-proċessi tal-Impjant ta’ Sant’Antnin
Question
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10837, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm titjib fil-proċessi indikati fl-istess tweġiba u li l-Wasteserv stess ammettiet li jikkontribwixxu għall-irwejjaħ fl-Impjant ta' Sant'Antin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li b’żieda mal-informazzjoni li tatni l-WasteServ għal-Mistoqsija Parlamentari 10837, il-kumpanija diġa bdiet ittejjeb l-operat tagħha biex tnaqqas l-irwejjaħ fl-Impjant ta’ Sant’ Antnin. Xhieda ta’ dan huwa l-Varied Environmental Permit li ġie fis-seħħ fl-10 t’ Ottubru ta’ din is-sena fejn il-ħinijiet għat-tindif u l-manteniment tal-impjant ġew stabbiliti, u żewġ timijiet ta’ cleaners ġew ingaġġati biex jitnaddaf l-impjant wara kull ġurnata tax-xogħol. Madankollu, il-WasteServ hija mpenjata li tibqa’ tagħmel dak kollu li hu possibli sabiex l-irwejjaħ iġġenerati mill-Impjant ta’ Sant’ Antnin jiġu mnaqqsa kemm jista' jkun.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali biex jissewwew iż-żewġ digester tanks fl-Impjant ta' Sant'Antnin? Jista' jgħid jekk ħarġitx sejħa għall-offerti biex isiru dawn it-tiswijiet jew jekk dan sarx b'direct order?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, l-ispiża totali biex jissewwew iż-żewġ digester tanks tammonta għal €32,485.36 li tinkludi l-makkinarju neċessarju għat-tindif, materjali għat-tank, konsulenza fuq is-saħħa u s-sigurta’ kif ukoll spejjeż oħra. Għal dawn ix-xogħolijiet, ħarġu diversi sejħiet għall-offerti apparti s-servizzi u materja fl-ammont ta’ €10,958 li ġew ordnati direttament mingħand il-manifattur tat-tankijiet.