Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — każ ta' persuna
Question
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn investigazzjoni li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, irriżulta li ma ġie rreġistrat l-ebda ilment mingħand l-individwu msemmi. Ma setax isir kuntatt mal-individwu peress li n-numru tat-telefon provdut mhuwiex tajjeb, u għalhekk il-Korporazzjoni tissuġġerixxi li l-individwu iċempel fuq il-freephone 80072222 fejn hemm uffiċjali professjonali lesti biex jgħinuh.
Jista' l-Ministru jara li d-dipartiment ikkonċernat isewwi minnufih leakage tad-drenaġġ fil-bypass taż-Żurrieq (quddiem is-substation tal-Enemalta u viċin l-Isqaq l-Imdina) minħabba li kumm meta jkun hemm sadd fid-drenaġġ qed ikun hemm leakge tad-drenaġġ u tinġemma għadira kbira tad-drenaġġ fil-bypass b'riskju għas-saħħa tan-nies anke minħabba l-fatt ta' ammont ta' dubbien u nemus li qed jinġabar fuq din l-għadira? Peress li saru diversi rapporti fuq din il-problema u baqa' ma sar xejn, jista' jara li jsiru tiswijiet neċessarji?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet l-investigazzjonijiet tagħha u nehdiet il-proċess biex finalment tingħadda medda ġdida ħalli l-problema tissolva b’mod definittiv.
Sptar Mount Carmel – azzjoni industrijali mis-social workers
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hemmx jew kienx hemm azzjoni industrijali mis-social workers li jaħdmu fl-Isptar Mount Carmel?
Response (MIZZI, KONRAD)
Fil-preżent hemm azzjoni industrijali tas-social workers ġewwa l-Isptar Mount Carmel. Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja dan, is-servizz ta’ on call għadu qed jingħata lill-pazjenti minn żewġ mental welfare officers li mhumiex milquta mid-direttiva.
Sptar Mount Carmel – azzjoni industrijali – ksur tal-Mental Health Act
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-azzjoni industrijali mis-social workers li jaħdmu fl-Isptar Mount Carmel kenitx tikkostitwixxi ksur tal-liġi skont il-Mental Health Act?
Ftehim ma’ Queen Mary University of London – Barts and the London School of Medicine and Dentistry
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li ġie ffirmat ma’ Queen Mary University of London – Barts and the London School of Medicine and Dentistry fit-18 ta’ Marzu 2015?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva.
Queen Mary University of London – Barts and the London School of Medicine and Dentistry – Studenti f’Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk, minħabba li f’Għawdex mhemmx l-ispeċjalizzazzjonijiet kollha li fuqhom iridu jipprattikaw l-istudenti ta’ Queen Mary University of London – Barts and the London School of Medicine and Dentistry, dawn l-istudenti hux se jiġu jipprattikaw f’Malta, fl-Isptar Mater Dei?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-investiment fl-Isptar t’Għawdex se jwassal għat-tkabbir ta’ dan l-isptar u f’żieda tal-ispeċjalizzazzjonijiet offruti sabiex l-istudenti jkunu jistaw jipprattikaw. Huwa ppjanat li l-Isptar San Luqa ukoll jintuża minn dawn l-istudenti.
Sptar Ġenerali t’Għawdex – speċjalizzazzjonijiet mediċi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema speċjalizzazzjonijiet mediċi mhux qed jiġu offruti fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wieħed ma jridx jara l-Isptar ta’ Għawdex u l-Isptar St Luke’s kif inhuma llum, imma kif huwa propost li jiġi żviluppat. Meta l-Isptar ikun żviluppat fuq il-pjan li ħareġ fuq l-RFP, dan se jkun jista’ jaqdi ħafna mill-bżonnijiet ta’ taħriġ u placements għal Barts Medical School u St. Luke’s. F’każijiet speċifiċi it-taħriġ jista’ jsir f’postijiet oħra wkoll.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni li l-Isptar Boffa jsir sptar ieħor hijiex deċiżjoni finali?
Response (MIZZI, KONRAD)
Wara li titlaq l-onkoloġija mill-isptar Boffa, dan se jibqa' jintużaw bħala sptar għal żmien definit. L-użu long-term tal-Isptar Boffa għad irid jiġi definit.
Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana – spejjeż fuq investiment u manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fl-2013 u fl-2014 kemm nefaq il-Gvern f’investiment u manutenzjoni fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana?
Response (MIZZI, KONRAD)
L-informazzjoni mitluba hi kif ġej.
2013:
Capital Expenditure: €1,333
Maintenance costs: €4,292
2014:
Capital Expenditure: €71,934
Maintenance costs: €3,222
Jista’ l-Ministru jgħid meta se tingħalaq kompletament il-power station tal-Marsa u jgħid konkretament għal xiex se jkun qed jintuża dan is-sit?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li uħud mill-installazzjonijiet tal-Marsa Power Station diġa’ ġew żarmati s-sena li għaddiet, waqt li impjanti oħrajn qed jiġu żarmati fi stadji differenti. L-aktar partijiet antiki, li jinsabu taħt l-art, ser jiġu konservati. Enemalta plc qed tevalwa l-użu ta’ din l-art wara li jitneħħew l-installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku eżistenti, fl-aħjar interess tal-Kumpanija u tar-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li m’hemmx biżżejjed uniformijiet u/jew PPE (helmets, ġgieget hi-vis, safety shoes, eċċ.) ta’ kull qies għall-infermiera tal-ambulanzi?
Response (MIZZI, KONRAD)
Id-dipartiment tas-saħħa jipprovdi uniformijiet u PPE ta' diversi daqsijiet. F’każijiet eċċezzjonali fejn ikun hemm ħtieġa ta’ daqs akbar jew iżgħar minn dak provdut lill-individwu jingħata refund ekwivalenti għall-prezz tal-uniformi.
Nurse in Charge tal-ambulanzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li n-nurse in charge tal-ambulanzi tad-Dipartiment tal-Emerġenza qed jaħdem bħala project manager/co-coordinator? Jikkonferma li din il-persuna ma taħdimx Ħdud u festi imma titħallas xorta tagħhom?
Response (MIZZI, KONRAD)
Iċ-charge nurse tad-Dipartiment tal-Emerġenza huwa involut direttament fil-proċess ta’ ristrutturar li għaddej minnu dan id-dipartiment. Il-ħaddiem involut jaħdem skont l-esiġenzi tas-servizz kif indikat mill-maniġment.
Infermiera tad-Dipartiment tal-Emerġenza – xiri ta’ polo shirts
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra s-sejħa għat-tender għax-xiri ta’ polo shirts għall-infermiera tad-Dipartiment tal-Emerġenza bħal parti mill-uniformi tas-sajf?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tender document huwa accessibli online.
Ħal Tarxien – Żejtun Road, Main Street u Triq il-Kbira – rapporti ta’ ġrieden
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-ispetturi tas-saħħa jmorru ġewwa Żejtun Road, Main Street u Triq il-Kbira ġewwa Ħal Tarxien billi hemm rapporti varji ta’ ġrieden kbar li huma ta’ periklu għas-saħħa tar-residenti speċjalment għall-anzjani u t-tfal?
Response (MIZZI, KONRAD)
Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda rapporti riċenti dwar infestazzjoni ta’ ġrieden fit-toroq indikati, fil-fatt l-aħħar ilmenti reġistrati ma’ dan id-Direttorat dwar dawn it-toroq huma ddatati Jannar u Awwissu tas-sena 2013.
Fis-16 t’April, 2015, Uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali għamlu spezzjoni fit-toroq indikati u ma sabu l-ebda akkumuli ta’ żibel jew ta’ xi drenaġġi miftuħin li jistgħu jipprovdu kenn għall-ġrieden. Uffiċċjali mill-
Pest Control Unit
fi ħdan l-istess Direttorat għamlu wkoll spezzjoni fl-istess toroq iżda trattament għal kontra l-ġrieden ma setgħax isir peress li l-
manholes
tal-
main
tad-drenaġġ fit-toroq indikati huma mgħottija bit-tarmak.
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni lill-Kamra fuq il-kwalità tal-ilma li qiegħed jingħata lir-residenti ta’ Ħal Tarxien billi hemm min qiegħed jilmenta li huwa mielaħ wisq u mimli ġebla?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn testijiet li saru fuq il-kwalità tal-ilma ġewwa Ħal-Tarxien irriżulta li l-ilma huwa tajjeb għax-xorb.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, mar fuq xogħol iċ-Ċina? F’liema dati siefer? X’kien l-iskop ta’ kull mawra li għamel?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija żaret iċ-Ċina f’Novembru 2014, u r-raġuni taż-żjara hija waħda teknika.