Legislature:
Category:
Reset
Active:

Koperattiva tat-tjur Limited — Inkjesta

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rapport ta' inkjesta li ġiet maħtura fis-17 ta' Marzu, 2004 sabiex tinvestiga l-operat tal-koperattiva tat-tjur limited, liema rapport ġie ppreżentat fit-23 ta' Ġunju, 2004?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Birkirkara — Pjazza Santa Liena

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ġibjun li hemm fi Pjazza Santa Liena, Birkirkara jaqax taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ġibjun li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant jaqa' taħt ir-responsabbiltá tal-Water Services Corporation.

Rabat — Ta' l-Isqof

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jingħataw il-konkos it-trejqat fl-għelieqi fl-area magħrufa bħala Ta' l-Isqof, l/o Rabat, peress li l-applikazzjonijiet li saru mill-bdiewa ilhom aktar minn sentejn u x-xogħol baqa' ma sarx?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Dawk il-bdiewa li jridu jagħtu l-konkos fit-trejqiet rurali jistgħu, issa, japplikaw taħt l-iskema tal-għajnuna mill-Unjoni Ewropea, li taqa' taħt il-Pjan ta' Żvilupp Rurali. Diġa saru applikazzjonijiet simili minn bdiewa oħra għal din l-għajnuna.

EU — Sussidju fuq butir u ġobnijiet

Question

Jista' il-Ministru jagħtina breakdown f'ċifra ta' flus tas-sussidju li wara sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea tħallsu fuq l-importazzjoni ta' butir u ġobnijiet lill-imprendituri lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Is-sussidju lill-imprendituri lokali jitħallas erba’ (4) darbiet f'sena: Sussidji fuq importazzjoni bejn Jannar u Marzu jitħallsu f'Ġunju, Sussidji fuq importazzjoni bejn April u Ġunju jitħallsu f'Settembru, Sussidji fuq importazzjoni bejn Lulju u Settembru jitħallsu f'Diċembru, Sussidji fuq importazzjoni bejn Ottubru u Diċembru jitħallsu f'Marzu tas-sena ta’ wara. Fis-sena 2004, ninsab infurmat li, rigward l-importazzjoni tal-butir saru l-pagamenti li jmiss: Mejju - Ġunju: Lm 6,273.70 Lulju - Settembru: Lm 104,115.98 Ottubru - Diċembru: Lm 103,023.24 Total ta' Lm 213,412.92 Fis-sena 2005, rigward l-importazzjoni ta' butir s'issa saru pagamenti kif jidher hawn taħt : Jannar - Marzu: Lm 48,627.43 April - Ġunju: Lm 97,332.77 Total ta' Lm 145,960.20 Ma ingħata l-ebda sussidju fuq il-ġobnijiet. Dawn is-sussidji ngħataw skond dak li l-Gvern Malti nnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea u għenu sabiex il-prezzijiet għall-konsumaturi ma jogħlewx ħafna.

Rabat/Siġġiewi — Extension Services

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14522, jista' il-Ministru jgħid x'sens jagħmel li jżarma l-extension services tar-Rabat u Siġġiewi u jsostni li l-bdiewa qed jingħataw servizzi aktar? Jista' jikkunsidra mill-ġdid li jerġa' isaħħaħ lura l-extension services tar-Rabat u s-Siġġiewi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Bħal ma diġa ġie msemmi fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari No. 14010, is-servizz ta' extension services għadhom jingħataw. Din l-għajnuna qiegħda tingħata lill-bdiewa direttament mis-sezzjonijiet relattivi skond l-esiġenza tal-biedwa. Għalhekk, il-biedwi qiegħed jirċievi għajnuna iktar diretta u speċifika.

Extension Services

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14010, jista' il-Ministru jinformana liema huma s-servizzi li żdiedu għall-bdiewa b'effett ta' l-għeluq ta' l-extension services tar-Rabat u s-Siġġiewi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor Interpellent għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nu.14708.

Ipproċessar ta' laħam

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14008, jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' biċċiera li għandhom il-kapaċita' tad-deboning and cutting fil-mument fil-Biċċerija? Għaliex mhux jagħmlu dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-biċċiera kollha li jaħdmu fil-biċċerija huma kollha mħarrġa fis-sengħa ta' l-ispulpjar u qtugħ tal-laħam. Ta’ min iżid li dawn attendew kors tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.

Ċentri tal-biedja

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 14523, jaqbel il-Ministru li jkun aktar prattiku li fid-dawl tan-numru kbir ta' bdiewa li għadhom jużaw l-extension services, jerġa' jirristruttura aħjar l-extension services tar-Rabat u s-Siġġiewi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif diġa ġie spjegat inħasset il-ħtieġa li jsir użu aħjar tal-ħaddiema mxerdin fid-diversi ċentri ta' 'extension services'. Il-pariri tekniċi se jingħataw xorta waħda minn uffiċjali speċjalizzati fl-oqsma diversi ta’ l-agrikoltura bħala parti mix-xogħol regolari tagħhom.

Bdiewa — Għajnuna finanzjarja

Question

Jista' il-Ministru jagħti breakdown ta' l-għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-bdiewa, raħħala u sajjieda separatament għall-immodernizzar ta' makkinarju, bini ta' strutturi u rziezet matul l-2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f'Ġunju 2005 saru 71-il kuntratt li ammuntaw għal Lm1,006,520 ma’ bdiewa u raħħala li kienu applikaw għall-ewwel sejħa tal-miżura dwar Investiment fi Strutturi Agrikoli li kienet għalqet f'Ottubru 2004. Minn dawn kien hemm 21 raħħal li ġew allokati Lm531,639 u 50 bidwi li ġew allokati Lm474,881. L-għajnuna finanzjarja li ngħatat lis-sajjieda minn Jannar sa Settembru 2005 tammonta għal Lm347,408.60.

Bajja tal-Mistra

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jsir bini ta' vilel/appartamenti ġo xi area f'radius ta' 2 mili mill-bajja tal-Mistra, biċ-ċentru ta' dawn iż-żewġ mili jkunu n-nases tal-ħut li hemm fil-bokka ta' din il-bajja? Jekk iva, x'se jsir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

F’radius ta’ żewġ mili mill-bajja tal-Mistra jinqabad kull żvilupp fill-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Qawra, Buġibba u Wardija. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jkun iżjed speċifiku.

MEPA

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA hux suppost tapplika l-policies tat-temporary previous scheme jew dawk kif spjegati fid-draft local plans meta dawn ikunu differenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed nassumi li t-"temporary previous schemes" li qed jirreferi ghalihom l-Onor. Interpellant huma fil-fatt t-"Temporary Provisions Schemes"(TPS) . Skond il-provvedimenti tal-liġi, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tapplika dawk il-policies li jkunu approvati. Fejn ikun hemm konflitt bejn it-Temporary Provisions Schemes u l-Pjan Lokali li jkun għadu fi stadju ta' abbozz u li jkun ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika, jiġu meħuda in konsiderazzjoni iċ-ċirkustanzi tal-każ, u jekk l-iżvilupp propost ikunx sejjer jippreġudika il-pjan emerġenti. Jiġi wkoll mistħarreġ bir-reqqa kemm ikun kbir l-effett ta' dan il-preġudizzju fuq l-istess pjan emerġenti. Ta' min ifakkar li l-proċess tad-determinazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp huwa wieħed trasparenti għall-aħħar u li llum il-ġurnata wieħed jista’ saħansitra isegwi l-proċess kollu fuq l-Internet.

Għawdex — Ta' Ċenċ

Question

Peress li saru diversi lmenti minħabba storbju kkawżat mill-pompa li hemm fil-ġibjun ta' l-ilma f'Ta' Ċenċ, Sannat, Għawdex, jista' il-Ministru jara li din il-problema tissolva?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

EU — Għaġin, ross u żejt tat-tisjir

Question

Jista' il-Ministru jinformana kemm kienu l-kwantitajiet ta' għaġin, ross, żejt tat-tsjir u dqiq li l-gvern talab lill-Unjoni Ewropea għan-nom tal-familji Maltin u Għawdxin li qed jesperjenzaw xi forma ta' faqar minn wara sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor Membru aktarx li qed jirreferi għall-miżura ta’ l-Unjoni Ewropea Regolament Numru EEC Reg 3149/1992 kif amendata bir-Regolament Numru 1903/2004, rigward il-provvista ta’ ikel minn intervention stocks għal dawk l-aktar fil-bżonn fil-kommunità. Il-proċedura hija li l-iStati Membri jintalbu jindikaw sal-15 ta’ Frar tas-sena preċedenti lill-Unjoni Ewropea jekk humiex se jipparteċipaw f’din il-miżura, u fil-każ affermattiv l-iStati Membri għandhom sal-31 ta’ Mejju ta’ l-istess sena, sabiex jinfurmaw lill-Kummisjoni, fost l-oħrajn bil-kwantitajiet ta’ kull tip ta’ prodott. Fil-każ ta’ Malta fl-2004 intalbet din l-għajnuna: Ross: 2,500 Tunnellata Pasta: 1,000 Tunnellata Ħalib: 100 Tunnellata Laħam: 60 Tunnellata Kemm attwalment ġie allokat lil Malta permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 4356 Ross: 1,383 Tunnellata Pasta: 553 Tunnellata Ħalib: 55 Tunnellata * * Għotja ta’ 113,404 Euros biex jinxtara ħalib mis-Suq Kommunitarju Il-valur totali tal-programm tas-sena 2005 huwa ta’ 347,642 Euros Il-Kummissjoni tippubblika l-pjan ta’ tqassim ta’ ikel għas-sena li ssegwi fil-bidu ta’ Ottubru. Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara jekk bil-Mistoqsija Parlamentari qed jimplika li l-faqar tal-familji Maltin u Għawdxin, li għalih qed jirreferi, seħħ wara s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Nittama wkoll li l-Onor. Membru jaqbel li pajjiżna ma jitlef ebda opportunità mill-programmi li toffri l-Unjoni Ewropea inklużi dawk bi bżonnijiet partikolari.

EU — Sussidju fuq laħam aħmar

Question

Jista' il-Ministru jagħtina breakdown f'ċifra ta' flus tas-sussidju li wara sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea tħallsu fuq l-importazzjoni ta' laħam aħmar (beef) lill-imprendituri lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Is-sussidju lill-imprendituri lokali jitħallas 4 darbiet f'sena: Sussidji fuq importazzjoni bejn Jannar u Marzu jitħallsu f'Ġunju, Sussidji fuq importazzjoni bejn April u Ġunju jitħallsu f'Settembru, Sussidji fuq importazzjoni bejn Lulju u Settembru jitħallsu f'Diċembru, Sussidji fuq importazzjoni bejn Ottubru u Diċembru jitħallsu f'Marzu tas-sena ta’ wara. Fis-sena 2004, rigward l-importazzjoni ta' laħam aħmar, ninsab infurmat li saru l-pagamenti li jmiss: Mejju - Ġunju: Lm 23,181.14 Lulju - Settembru: Lm 48,254.69 Ottubru - Diċembru: Lm 57,826.09 Total ta' Lm 129,261.92 Fis-sena 2005, rigward l-importazzjoni ta' laħam aħmar, s'issa saru l-pagamenti li jmiss: Jannar - Marzu: Lm 53,423.14 April - Ġunju: Lm 66,966.79 Total ta' Lm 120,389.93 Dawn is-sussidji ngħataw skond dak li l-Gvern Malti nnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea u għenu sabiex il-prezzijiet għall-konsumaturi ma jogħlewx ħafna.

EU — Sussidju fuq qmuh u ċereali

Question

Jista' il-Ministru jagħtina breakdown f'ċifra ta' flus tas-sussidju li wara sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea tħallsu fuq l-importazzjoni ta' qmuh u ċereali lill-imprendituri lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-sussidju lill-imprendituri lokali jitħallas erba’ (4) darbiet f'sena: Sussidji fuq importazzjoni bejn Jannar u Marzu jitħallsu f'Ġunju, Sussidji fuq importazzjoni bejn April u Ġunju jitħallsu f'Settembru, Sussidji fuq importazzjoni bejn Lulju u Settembru jitħallsu f'Diċembru, Sussidji fuq importazzjoni bejn Ottubru u Diċembru jitħallsu f'Marzutas-sena ta’ wara. Rigward l-importazzjoni ta’ xgħir, fis-sena 2004 saru pagamenti kif jidher hawn taħt: Mejju - Ġunju: Lm 81,846.05 Lulju - Settembru: Lm 77,536.15 Ottubru - Diċembru: Lm 193,048.07 Total ta' Lm 352,430.27 Rigward l-importazzjoni ta' qamħirrun, fis-sena 2004 saru pagamenti kif jidher hawn taħt: Mejju - Ġunju: Nil Lulju - Settembru: Lm 144,610.56 Ottubru - Diċembru: Lm 494,842.60 Total ta' Lm 639,453.16 Fis-sena 2005, rigward l-importazzjoni ta' xgħir, s'issa saru l-pagamenti li jmiss: Jannar - Marzu: Lm 68,086.98 April - Ġunju: Lm 150,388.62 Total ta' Lm 218,475.60 Fis-sena 2005, rigward l-importazzjoni ta' qamħirrun, s'issa saru l-pagamenti li jmiss: Jannar - Marzu: Lm 42,330.70 April - Ġunju: Lm 130,640.73 Total ta' Lm 172,971.43 Dawn is-sussidji ngħataw skond dak li l-Gvern Malti nnegozja ma’ l-Unjoni Ewropea u għenu sabiex il-prezzijiet għall-konsumaturi ma jogħlewx ħafna.

Pieta' — Triq ix-Xatt

Question

Jista' il-Ministru jara jekk hux possibbli li jinżabru s-siġar li jinsabu fi Triq ix-Xatt, Pieta - dettalji qed jintbagħtu separatament - liema siġar qed jikkaġunaw inkonvenjent sostanzjali lir-residenti li joqogħdu f'din it-triq peress li huma goffi ħafna li qed joħonqu wkoll il-vista ta' dawn in-nies u l-weraq li jaqgħu minnhom qed iħammġu t-toroq, btieħi, gallariji, bjut u anke jsoddu l-katusi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif diġa għidt fit-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 11809 u 12365, dan ix-xogħol taż-żabra fit-triq imsemmija kien sar min-naħa ta’ l-Environmental Landscaping Consortium (ELC) f’April 2005. Ma tagħmilx sens li jerġgħu jinżabru dawn is-siġar bħalissa.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Prodotti Maltin

Question

Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm kienet in-nefqa s'issa fil-promozzjoni għall-prodotti Maltin bħal tiġieġ, majjal, ċanga, ħalib frisk, tadam, u nbejjed separatament li nieda l-ministeru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.

MEPA — Permess ta' stabiliment

Question

Tista' il-MEPA tinvestiga jekk l-istabiliment li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux qed jopera bil-permessi kollha meħtieġa mingħandha għal dawn l-aħħar sentejn peress li l-istabiliment qed iqajjem dwejjaq kbar qalb ir-residenti ġirien?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Disinn ta' l-Enoteka

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13998 jista' il-Ministru jinformana kemm kien il-ħlas li rċevew il-konsulenti għas-servizz tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-assistenza teknika kienet ipprovduta permezz ta’ proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. Ma kienx hemm ħlasijiet speċifikament deskritti bħala ‘konsulenza fuq l-Enoteka.’