Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Karozzi mikrija
Question
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji liema kienu l-karozzi uffiċjali u mikrija mill-ministeru li kienu nvoluti f'kolliżjonijiet mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm ġew jiswew l-ispejjeż tal-ħsarat ta' dawn il-kolliżjonijiet?
Min kienu l-uffiċjali jew impjegati li fi żmien li saret il-kolliżjoni kienu responsabbli mill-vettura nvoluta?
F'kull każ min kien qiegħed issuq il-vettura fil-ħin li saret il-kolliżjoni?
Response (BORG, JOE)
Mill-5 ta' Settembru 1998 l'hawn, kien hemm karozza uffiċċjali waħda li kienet involuta f'kolliżżjoni. Il-karozza nvoluta kienet Mazda, numru GVN 317. L-ispejjeż tal-ħsarat kienu jammuntaw għal Lm235. Il-vettura kienet misjuqa mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru li huwa wkoll responsabbli minn din il-vettura.
Jista' l-Ministru jinforma x'kienet l-ispiża li saret tul is-snin 1996, 1997 u 1998 fl-ambaxxati u High Commissions fil-pajjiżi ta' l-Ingilterra, l-Italja, Franza, Awstrija, Ġermanija, Olanda, Russja u Amerika?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant rigward l-ispiża li saret fl-1996, 1997 u 1998 fl-Ambaxxati u Kummissjonijiet Għolja ta' Malta fil-pajjiżi indikati minnu minn barra ta' l-Olanda peress li Malta m'għandhiex u ma kellhiex Ambaxxata fl-Olanda tul is-snin indikati.
L-ispejjeż mogħtija jirrapreżentaw l-ispejjeż kollha minfuqa mill-Ambaxxati fil-perjodi rispettivi msemmija.
Jista' l-Ministru jara f'liema stadju wasal il-proċess ta' l-għażla ta' policy officers fi ħdan l-EU Directorate, liema proċess inbeda f'Mejju li għadda? Huwa possibbli li jingħad sa meta se jkunu ġew magħżula dawn il-policy officers?
Response (BORG, JOE)
Il-Proċess ta' l-għażla tal-Policy Officers huwa kondott mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku u kwalunkwe referenza għal dan il-proċess għandha ssir lill-istess Kummissjoni.
Nista, pero, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sar il-proċess tal-interviews u r-rapport relattiv intbagħat lill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.
Peress li l-Ministru kien jitkellem b'ċertezza assoluta li Malta se tingħata Lm100 miljun b'parti self u parti grants, jista' l-Ministru jgħid illum x'kienet id-deċiżjoni li l-Unjoni Ewropea peress li issa hemm ħsieb li ningħataw Lm10 miljuni biss?
Response (BORG, JOE)
Ir-Raba Protokoll Finanzjarju bejn l-Unjoni Ewropeja u Malta ser jispiċċa fl-aħħar ta' din is-sena. L-ammont ta' fondi mogħtija mill-Unjoni Ewropeja lil Malta, f'forma ta' grants għall-perjodu mis-sena d-dieħla sad-data ta' sħubija għadu mhux finaliżżat għalkemm jidher li għas-sena elfejn dawn aktarx ikunu madwar 6 miljun Euro. Għadu kmieni li wieħed jgħid kemm ser ikunu il-fondi f'forma ta' grants li Malta tkun intitolata għalihom għas-snin sussegwenti sad-data tas-sħubija.
Matul il-perjodu ta' pre-adeżjoni Malta tkun intotolata wkoll għall-fondi mill-Bank għall-Investiment Ewropew f'forma ta' self. Ovvjament b'effett mid-data tas-sħubija fl-Unjoni Ewropeja Malta tkun intitolata għal fondi sostanzjalment akbar bħala fondi strutturali u fondi ta' coeżjoni bħala grants u fondi mill-Bank għall-Investiment Ewropew f'forma ta' self.
B'riferenza għad-dokument "Engagement of Staff for Private Secretariats" imqiegħed mill-Prim Ministru fuq il-Mejda tal-Kamra aktar kmieni din is-sena, jista l-Ministru jagħti lista, bl-isem, il-kunjom, il-curriculum vitae u l-indirizz ta' l-impjegati kollha fi ħdan is-segretarjat privat tiegħu, kif ukoll jgħid liema salarji u benefiċċji oħra dawn igawdu, kif ukoll jgħid xi gradi jew pożizzjonijiet kienu jokkupaw qabel bdew jaħdmu kif imsemmi?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-isem, il-kunjom u l-grad preżenti ta' l-impjegati kollha fi ħdan is-segretarjat privat tiegħi kif ukoll il-gradi li kienu jokkupaw qabel.
Is-salarji, benefiċċji jew allowances oħra li jgawdu dawn l-impjegati huma skond id-dokument imsemmi fil-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li fil-preżent jinsabu jaħdmu fil-Libja? Kemm kien in-numru ta' dawn il-ħaddiema matul l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (BORG, JOE)
Records jew statistika ma jeżistux dwar in-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li jaħdmu fil-Libja. Kif jaf l-Onorevoli Interpellant l-ħaddiema mhumiex obbligati jindikaw lill-Ambaxxata li qed jaħdmu l-Libja. Ħadd ma jirraporta speċifikament lill-Ambaxxata li qiegħed il-Libja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema Maltin li talbu għajnuna lill-Ambaxxata Maltija fil-Libja sabiex tintervjeni dwar xi problemi li rriżultawlhom matul dawn l-aħħar sentejn, sena b'sena fil-ħidma tagħhom fil-Libja? X'azzjonijiet ittieħdu?
Response (BORG, JOE)
L-Ambaxxata Maltija fi Tripoli, minn żmien għal żmien ikollha żjarat minn Maltin li jaħdmu l-Libja, dwar għajnuna li jkollhom bżonn matul il-perjodu ta' xogħol fil-pajjiż. Records jew statistika ta' dawn il-viżiti u każijiet għal assistenza ma jinżammux. L-Ambaxxata tagħti kull għajnuna u assistenza possibli lil dawn il-Maltin sabiex issolvi il-problemi li jistgħu jkollhom.
Peress li l-follow-up minutes tas-27 ta' Awissu, 1997 jikkonfermaw żviluppi wara l-protokoll bejn Malta u l-Libja fl-oqsma tas-sajd, u l-fatt li kellhom jsiru xogħlijiet sabiex jitkattar ix-xogħol fit-tarznari lokali u opportunitajiet ta' mpjiegi oħra fil-Libja għall-ħaddiema Maltin, jista' l-Ministru jgħid x'sar matul l-aħħar 12-il xahar?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kif inħatret Dr. Antoinette Cutajar bħala Adviser European Parliament Matters?
X'kondizzjonijiet għandha u kif intgħażlet?
Response (BORG, JOE)
Dott. Antoinette Cutajar ġiet impjegata b'kuntratt għal tlett snin mill-1 ta' Novembru bħala Adviser tal-Ministeru fuq materji li jirrigwardaw il-Parlament Ewropew. Dan sar fuq bażi tal-kwalifiki li Dott. Cutajar tipposedi kif ukoll fuq esperjenza relatata. Dan il-kuntratt ġie approvat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Annex A tal-kuntratt, li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda, jinkorpora t-terms of reference tal-Adviser.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li diversi korpi kostitwiti ġieli qed jirċievu position papers mill-MEUSAC fejn jiġu mitlubin jagħtu ir-reazzjoni tagħhom mil-lejl għan-nar? Peress li din l-attitudini tista' tiftiehem li hi biss rubber stamping min-naħa tal-gvern, jaħseb il-Ministru li l-gvern għandu jiżgura li dawn id-dokumenti jaslu għand il-korpi kostitwiti kmieni biżżejjed bil-quddiem biex jagħtuhom żmien adegwat biex jixtarru dawn id-dokumenti?
Response (BORG, JOE)
Il-preparazzjoni tal-position papers hija bbażata fuq il-proċess ta' paragun bejn il-liġijiet tal-Unjoni Ewropeja u dawk ta' Malta. Kemm il-darba jsiru konsultazzjonijiet mal-korpi kostitwiti anke meta tkun għadha qegħda tiġi ppreparata l-position paper. Qed isir kull sforz biex dawn il-position papers jaslu għand il-korpi kostitwiti kmieni kemm jista' jkun qabel il-laqgħat tal-MEUSAC. Fil-fażi li jmiss li hija dik ta' tħejjija għan-negozjati il-ħsieb huwa li d-dokumentazzjoni kollha tingħata lill-membri tal-MEUSAC kmieni biżżejjed qabel il-laqgħa relattiva.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-membri tal-MEUSAC li siefru fuq xogħol ta' l-isreening li sar Brussels? Tista' tiddentifika l-okkażjonijiet meta sar dan?
Response (BORG, JOE)
In-nies illi telgħu għal laqgħat ta' l-iscreening fi Brussels bħala Core Group members tal-MEUSAC huma:
DATA MEMBRI MEUSAC SUĠĠETT
22 Sep Prof Lino Briguglio Regional Policy &
Co-ordination of
Structural Instruments
05-06 Oct Dr Godfrey Baldacchino Fisheries
06-07 Oct Dr George Abela Consumer & Health
11-13 Oct Ms Antoinette Cutajar Free Movement of
Services
14-15 Oct Prof Lino Briguglio Statistics
18-19 Oct Dr Joanna Drake Customs Union/Taxation
Dr Roderick Pace Customs Union/Taxation
22 Oct Dr Roderick Pace External Relations
25-29 Oct Dr Joanna Drake Customs Union
Dr Roderick Pace Taxation
06-10 Oct Dr Joanna Drake Competition Law
B'riferenza għall-protocol ta' kooperazzjoni fl-oqsma tal-biedja u sajd bejn Malta u l-Libja, jista' l-Ministru jgħid xi progress sar matul l-aħħar 12-il-xahar li għaddew?
Response (BORG, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta għad-domanda parlamentari numru 9762. M'għandi xejn aktar xi nżied ma dik ir-risposta.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10720, jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti ngaġġati u x'konsulenza qed jagħtu?
Response (BORG, JOE)
It-tagħrif mitlub huwa kif ser jingħad:
(i) Is-Sinjuri Marcella Zahra, Daniel Bonello, Deborah Attard
Montalto u Charles Sultana qed jagħtu servizz ta'
konsulenza dwar policy matters u xogħol ieħor
fil-Ministeru u fil-preżent qed jagħmlu dan fid-Direttorat
għal-Unjoni Ewropeja.
(ii) Is-Sur Saviour Falzon, jagħti servizzi ta' konsulenza dwar
l-Unjoni Ewropeja u huwa wkoll il-Kap tad-Direttorat
għall-Unjoni Ewropeja. Is-Sur Falzon ilu jokkupa din
il-kariga sa mill-1 ta' Settembru 1996 u l-kuntratt
preżenti jiskadi fil 31 ta' Awwissu 2002.
(iii) Dr Alan Xuereb huwa ingaġġat bħala konsulent legali
fid-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropeja. Il-kuntratt tiegħu
huwa għall-perjodu bejn l-10 ta' Settembru u t-30 ta'
Novembru 1999.
(iv) Dwar il-kuntratt ma' kumpanija privata li għamilt
referenza għalih fit-twegiba li tajt għall-mistoqsija
10720, il-persuna li saret referenza għaliha hija
Dr Simon Busuttil li huwa konsulent responsabbli għat-
twaqqif u t-tmexxija tal-Malta-EU Information Centre li
tiegħu huwa Kap skond Klawsola 3 tal-Kuntratt. It-terminu
tal-kuntratt preżenti huwa għal żmien sena li beda
jiddekorri mill-1 ta' Mejju 1999.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?
Response (BORG, JOE)
Matul il-perjodu msemmi ġew impjegati għoxrin (20) persuna li minnhom sebgħa (7) ġew nominati Ambaxxaturi bla ħtieġa ta` applikazzjoni, waħda ġiet impjegata mill-ġdid bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, tmienja (8) ġew impjegati b'kuntratt ma l-Malta - EU Information Centre wara sejħa għall-applikazzjonijiet, u erbgħa (4) oħra ġew impjegati b'kuntratt mad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropeja skond il-provvedimenti ta' Sezzjoni 110 (5) (b) tal-Kostituzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema kollha fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xgħol imsemmi?
Response (BORG, JOE)
Fil-perjodu msemmi, kien hemm żewġ impjegati li ngħataw il-permess biex jiġu trasferiti fuq talba tagħhom stess. Wieħed ġie trasferit fis-Segretarjat Privat tal-Ministru għal Għawdex u l-ieħor ma' l-Education Division.
Hemm pendenti xi talbiet oħra għal transfer magħmula mill-impjegati nfushom li għadhom qed jiġu kkunsidrati. Deċiżjoni aħħarija tittieħed fl-interess ta' l-esiġenzi tas-servizz.
B'riferenza għall-protokoll bejn Malta u l-Libja fl-oqsma tal-biedja u sajd, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi żviluppi kien hemm matul dawn l-aħħar 12-il xahar?
Response (BORG, JOE)
Peress li l-imsemmi Protocol jaqa` taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministru ta` l-Agrikoltura u Sajd, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' l-għajnuna finanzjarja li Malta ngħatat u utilizzat taħt il-Financial Protocolls li Malta kellha ma' l-EU mill-1987 sa l-1996?
Response (BORG, JOE)
Fil-perjodu bejn il-1987 sal-1996 Malta rċeviet is-segwenti għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropeja.
It-Tieni Protokoll Finanzjarju (1983-1988) kien jipprovdi għal 29.5 MECU għajnuna finanzjarja għal Malta. Minn dawn il-flus kien hemm 10.5 MECU bħala 'grants', 16 MECU bħala self tal-Bank ta' l-Investiment Ewropew (EIB) u 3 MECU bħala 'soft loan'.
L-element tal-'grants' intuża kif ġej:
- 2.4 MECU għall-industrija tat-turiżmu
- 3.1 MECU għall-infrastruttura
- 4.5 MECU għall-edukazzjoni u t-titjib ta' l-'istandards'
teknici
- 0.5 MECU għall-koperazzjoni amministrattiva u studji
ekonomiċi.
Is-self ta' l-EIB (16 MECU) intefaq fit-terminal il-ġdid fl-ajruport ta' Hal-Luqa waqt li s-'soft loan' (3 MECU) mar għall-proġett ta' l-impjant tar-riċiklaġġ.
It-Tielet Protokoll Finanzjarju (1988-1993) kien fih 38 MECU li minnhom 23 MECU kienu taħt forma ta' self mil-Bank ta' l-Investiment Ewropew (EIB), 2.5 MECU Risk Capital u 12.5 MECU 'grants'.
Is-self ta' l-EIB intefaq kif ġej:
- 10 MECU fl-impjant ta' 'desalination' ta' Pembroke
- 7 MECU għal diversi proġetti tad-dranaġġ
- 6 MECU għal xiri ta' makkinarju fil-qasam tat-traffiku
ta' l-ajru.
Ir-'Risk Capital' mar għal 'equity' u 'joint venture projects' fil-qasam ta' l-industrija u t-turiżmu.
L-allokazzjoni tal-'grants' (12.5 MECU) intefqu kif ġej:
- 2 MECU biex jitħallsu l-interessi fuq is-self tal-Bank
ta' l-Investiment Ewropew (EIB)
- 2.4 MECU għall-proġett fuq il-ħarsien tal-kosta Maltija
mit-tniġġiż taż-żejt
- 4.2 MECU għall-proġetti fl-oqsma tas-saħħa u
telemomunikazzjoni - xiri ta' makkinarju u taħriġ. 2 MECU
minn dan l-ammont li kienu allokati għall-proġett tas-sistema
tat-telefon fil-Belt Valletta ma ġewx utiliżżati
- 2.2 MECU fi proġett li jinkludi xiri ta' makkinarju u
taħriġ għall-laboratorju ta' l-istandards
- 1.7 MECU fi proġetti u studji varji li l-għan tagħhom
kien li jsaħħu r-rabtiet ekonomiċi bejn iż-żewġ naħat
Ir-Raba Protokoll Finanzjarju (1995-1999)
Dan gie iffinalizzat fl-1996 u kien jinkludi 13 MECU bhala 'grants', 2 MECU bhala 'risk capital' u 30 MECU f'self mill-EIB. Wara t-tibdil tal-Gvern,fl-1996 il- programm indikattiv kellu jigi rivedut.
Il-Progetti ta' dan il-Protokoll li qegħdin jigu implimentati bhalissa jinkludu 3 miljuni Euro fi Progetti varji: koperazzjoni fil- qasam ta' l-istatistika, boroz ta'studju u assistenza teknika f'diversi oqsma ta' l-ekonomija. Għadu kif gie ffirmat ukoll ftehim bejn l-EIB u bank Malti biex jigu utilizzati ir-'risk capital' li jammonta għal 2 miljuni Euro.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent għandu ngaġġat mal-ministeru tiegħu u kemm jitħallsu dawn il-konsulenti individwalment?
Response (BORG, JOE)
In-numru ta` konsulenti ngaġġati mal-Ministeru tiegħi huwa sitta (6) li jitħallsu kif ser jingħad:
(i) erbgħa konsulenti li kull wieħed jitħallas Lm429.49
fix-xahar li ġew ingaġġati għal perjodu limitat li ser
jiskadi fil-31 ta` Diċembru 1999.
(ii) konsulent li jokkupa l-kariga ta` Kap tad-Direttorat
għall-Unjoni Ewropeja li jitħallas Lm15,000 fis-sena li
Lm2,000 minnhom jitħallsu mill-Ministeru lill-individwu
konċernat kemm il-darba dan ma jibqax iservi bħala
membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ċentrali
ta` Malta.
(iii) konsulent part-time għal-perjodu limitat li
jitħallas pro rata a bażi ta` 50% ta` Lm4,942 fis-sena,
liema konsulenza tispiċċa fl-aħħar ta` dan ix-xahar.
Nixtieq inżied li jeżisti wkoll kuntratt bejn il-Ministeru u kumpannija privata (Law Firm) biex tipprovdi servizz ta` konsulenza fil-persuna tal-kap tal-Malta-EU Information Centre. Il-Ministeru jħallas lill-kumpannija konċernata s-somma ta` Lm17,500 fis-sena li tinkludi l-VAT kif jidher fil-kopja tal-kuntratt mogħtija lill-Membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.
Jista' l-Ministru jipprovdi lista tad-delegazzjonijiet li marru Brussels fuq eżerċizzju ta' l-iscreening, il-persuni fuq kull delegazzjoni, is-suġġett ta' l-iscreening f'kull każ, iż-żmien li matulu kull delegazzjoni damet hemm u kemm ġiet l-ispiża ta' kull delegazzjoni?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ħlief għal dak li jirrigwardja l-ispiża ta` kull delegazzjoni.
L-ispiża li tikkonċerna il-Ministeru tiegħi sal-bidu ta` Ottubru hija ta` Lm13,864. Iċ-ċifra hija proviżorja għar-raġuni li n-nefqa attwali għad trid tiġi stabbilita, primarjament minħabba fl-iskond ta` 50% li jingħata fuq l-ispejjeż ta` l-ajru mill-Air Malta. Iċ-ċifra tinkludi l-ispejjeż ta` lukandi, subsistence allowance, contingencies u l-ispejjeż tal-ajru mingħajr l-iskond tal-50%.
Fid-dawl tal-informazzjoni komprensiva li ingħatat ma nħossx li hemm il-ħtieġa li tingħata l-ispiża għal kull delegazzjoni separatament ġaladarba din tinvolvi ħafna xogħol ieħor u spejjeż ta` riżorsi umani bla bżonn.
Dwar l-ispiża ta` Ministri oħra, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeri konċernati.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni li għandhom jew kellhom inkarigu ta' xi tip, fulltime jew part-time, imħallas mill-MEUSAC? X'kien l-inkarigu tagħhom? Kemm tħallsu u/jew qed jitħallsu?
Response (BORG, JOE)
Fost il-Membri tal-MEUSAC ġew maħtura sitt persuni fil-kapaċita tagħhom bħala tekniċi f`oqsma differenti li huma:
1. Dr Stephen Calleya
2. Sur Charles Rapa FCCA, FIA, CPAA, MBA (Brunel)
3. Dr Joanna Drake
4. Dr George Abela
5. Dr Godfrey Baldacchino
6. Professur Lino Briguglio
Dawn jitħallsu onorarju ta` Lm2,000 fis-sena kull wieħed b`effett min April 1999.