Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #31397 Sitting 696 2002-02-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Management & Personnel Office fl-Uffiċċju tiegħu tax il-permess biex il-persuna li isimgħa qed jintbagħat under separate cover jinħatar chairman tal-Capital Projects Group tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada filwaqt li jgħid x'inhi r-remunerazzjoni approvata mill-istess dipartiment biex jitħallas l-individwu msemmi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

l-Istatut tal-Fondazzjoni għall-iskejjel t’Għada jagħti poteri lill-istess Fondazzjoni li tingaġġa persuni għal xogħol fuq kuntratt. Għaldaqstant, ma hemmx il-bżonn tal-permess ta’ xi Diviżjoni fl-Uffiċċju tiegħi.
Leg 9 PQ #31425 Sitting 695 2002-02-11 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Xiri ta' Computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-Gvern rigward xiri ta' computers fid-Dipartiment tal-Gvern?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li kull Dipartiment tal-Gvern jixtri l-“Computers” li għandu bżonn skond il-ħtiġijiet tiegħu. Il-“Computers” jinxtraw kemm tramite l-kumpanija informatika tal-Gvern, il-“Malta Information Technology and Training Services Ltd”, kif ukoll direttament mis-suq. Is-“Central Information Management Unit” fl-Uffiċċju tiegħi jistabilixxi normi minimi li jiżguraw li l-“computers” li jinxtraw mid-dipartimenti jkunu kumpatibbli mas-sistemi ta’ l-informatika li jħaddan il-Gvern.
Leg 9 PQ #31460 Sitting 695 2002-02-11 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PSC

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30530 li tirreferi għal każ li t-trattazzjoni tiegħu saret fid-19 ta' Ottubru 2001, jista' l-Prim Ministru jgħid x'qed iżomm milli jittieħed deċiżjoni fuq dan il-każ? Jekk jekk ittieħdet deċiżjoni, jista' jgħid x'qed iżomm milli tkun ikkomunkata lill-persuni kkonċernati speċjalment li dawn għaddejjin minn ħafna tbatija ikkawżata minn din in-nuqqas ta' deċiżjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-każ li qed tirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ġie konkluż. Ir-rakkomandazzjoni li għamlet il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku dwar dan il-każ ġiet approvata minni u ikkomunikata lill-Kap tad-Dipartiment konċernat, li min-naħa tiegħu għandu jinforma lill-persuni involuti dwarha.
Leg 9 PQ #31282 Sitting 694 2002-02-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-1999, 2000 u 2001 min kien l-persuni li rriżenjaw mill-MITTS? Jista' jgħid f'kull każ x'kienu r-raġunijiet li għalihom irriżenjaw dawn il-persuni? Qatt saret xi riflessjoni dwar għaliex irriżenjaq dawn il-persuni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fl-1999, 2000 u 2001 irriżenjaw b’kollox 77 persuna minn mal-“MITTS Ltd” li minnhom tnejn irtiraw bl-eta` u erbgħa ntemmilhom l-impjieg tagħhom mill-kumpanija, tnejn minnhom waqt iż-żmien tal-prova. Ma narax il-ħtieġa li nindividwa dawk kollha li rriżenjaw. Ir-raġunijiet għar-riżenji huma varji u jinkludu: - xewqa għal-tibdil fl-ambjent tax-xogħol, - kisba ta’ xogħol alternattiv minn kumpaniji oħra b’remunerazzjoni aktar vantaġġjuża, - xogħol barra minn Malta, - xewqa għal bidla radikali ta’ karriera, - waqfien mix-xogħol minħabba raġunijiet familjari, - waqfien mix-xogħol għal raġunijiet ta’ studju barra minn Malta. Fil-qasam ta’ l-informatika, ċ-ċaqliq ta’ riżorsi umani huwa wieħed għoli, mhux biss f’Malta.
Leg 9 PQ #31283 Sitting 694 2002-02-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċentru — Swatar

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni differenti li jmexxu ċ-Ċentru tas-Swatar? Kif intgħażlu dawn il-persuni? Meta saru sejħiet biex jimtlew dawn il-postijiet? Min applika f'kull każ għal dawn il-postijiet?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li ċ-Ċentru tas-Swatar huwa mmexxi minn “Nucleus Training International Ltd” taħt ftehim milħuq f’April 2000 ma’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mal-“MITTS Ltd”. Taħt dan il-ftehim, il-Kap Eżekuttiv tan-“Nucleus Training International Ltd” għandu r-responsabilita` ġenerali tal-“management”, l-iżvilupp u l-ikkumerċjalizazzjoni tal-Faċilitajiet tas-Swatar. Il-“Mitts Ltd” qegħda ukoll tixtri s-servizzi professjonali ta’ “Operations Manager” mingħand l-isess “Nucleus Training International Limited”, biex jgħin fl-immaniġġjar tal-Faċilitajiet tas-Swatar. In- “Nucleus Training International Ltd” għamlet sejħa pubblika għall-pożizzjoni ta’ “Operations Manager” f’Lulju 2001.
Leg 9 PQ #31292 Sitting 694 2002-02-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti għamlet il-MITTS ma' kumpaniji oħra pubbliċi u privati għat-taħriġ fil-qasam ta' l-informatika? Min huma l-kumpaniji mdaħħla f'dan l-arranġament? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ta' dan l-arranġament?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħal ma nsemmi fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 31283 u 31294, il-“MITTS Ltd” għandha arranġament man-“Nucleus Training International Ltd” biex tmexxi ċ-ċentru tas-Swatar. Il-“MITTS” għandha arranġament man-“National Computing Centre (NCC) ta’ l-Ingilterra biex fiċ-Ċentru tas-Swatar ikunu jistgħu jittellgħu programmi ta’ taħriġ fl-informatika. F’dan is-sens l-NCC appuntat lill-“MITTS” bħala ċentru akkreditat ta’ taħriġ. Intlaħaq ftehim ukoll mal-“eMalta Commission” fejn iż-żewġ naħat qablu li jikkoperaw flimkien fit-twaqqif ta’ Akkademja Reġjonali għat-tagħlim u ċ-ċertifikazzjoni fit-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni taħt is-“CISCO Networking Academy Programme”, li hija magħrufa internazzjonalment. Il-“MITTS” għamlet ftehim ieħor mal-Bord ta’ l-Istudji tat-Teknoloġija ta’ l-Informatika ta’ l-Universita` ta’ Malta, fejn iż-żewġ naħat qablu li jikkollaboraw flimkien fil-qasam tat-taħriġ ta’ l-istudenti li jkunu qegħdin isegwu korsijiet ta’ studju fl-informatika fl-Universita` ta’ Malta. Barra minn hekk il-“MITTS” ilha għal bosta snin tikkollabora mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ taħt it-“Traineeship Scheme” fejn, f’dan ir-rigward, il-“MITTS” tipprovdi taħriġ fl-informatika lil bosta studenti li jkunu tressqu mill-Korporazzjoni.
Leg 9 PQ #31294 Sitting 694 2002-02-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċentru tas-Swatar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jitmexxa ċ-Ċentru tas-Swatar fejn isir taħriġ fl-informatika? X'sehem għandha l-MITTS f'din it-tmexxija? X'sehem għandhom kumpaniji privati? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ħruġ u dħul finanzjarju fit-tmexxija ta' dan iċ-Ċentru tas-Swatar?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi l-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 31283. Taħt l-imsemmi ftehim man-“Nucleus Training International Ltd” twaqqaf Kumitat tat-Tmexxija responsabbli għad-direzzjoni u l-kontrol tal-Faċilitajiet tas-Swatar. Dan il-Kumitat, li huwa ppresedut mir-rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, għandu żewġ membri oħra mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, rappreżentant tal-“MITTS Ltd” u rappreżentant tan-“Nucleus Training International Ltd”. Ta’ min isemmi li l-azzjonisti tan-“Nucleus Training International Ltd” huma “MITTS Ltd” (20%), il-Bank of Valletta (20%), in-“KnowledgePool Ltd” (15%), l-HSBC plc (12.5%) u 14-il kumpanija privata tal-IT (32.5%). Dawn ta’ l-aħħar huma Charles A. Micallef Ltd, Computer Solutions Ltd, Computime Ltd, Data-Byte Ltd, Deloitte & Touche Services Ltd, First Computer Ltd, Infomate Ltd, Information Technology Services Ltd, KPMG, Megabyte Ltd, Philip Toledo Ltd, Powerserv Ltd, Shireburn Ltd u l-PricewaterhouseCoopers. Jien infurmat li l-“Financial Statements” għas-sena 2001 ikunu ppublikati aktar tard fis-sena.
Leg 9 PQ #31273 Sitting 692 2002-02-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn huma l-konsulenti li hemm referenza għalihom f'PQ 31123? Kemm qed jitħallas kull wieħed minnhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #31290 Sitting 690 2002-02-04 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Rekluti Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ir-rekluti l-ġodda tal-AFM baqgħu bla paga f'Jannar li għadda? Jaf il-Ministru li fost dawn ir-rekluti hemm irġiel miżżewwġa li jridu jmantnu lill-familja?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li d-data ta’ l-għeluq tat-transazzjonijiet bejn il-Forzi Armati u t-Teżor kienet is-7 ta’ Jannar 2002, u li dawn ir-rekluti ġew ingaġġati f’din l-istess data. Għalhekk ma kienx possibli li jitħallsu f’Jannar stess.
Leg 9 PQ #31189 Sitting 688 2002-01-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment ta' l-Agrikola

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għall-postijiet vakanti ta' tradesmen u senior tradesmen mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura li ġew irriklamati permess taċ-ċirkulari MPO/ 35/2001? Kemm kien hemm postijiet vakanti? Dawn il-karigi imtlew u jekk iva, meta? L-applikazzjonijiet kienu kollha eliġibbli għall-dawn il-postijiet? X'inhi ir-raġuni li ċerti applikanti lanqas biss ġew mgħarrfa il-postijiet imtlewx jew le?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Applikanti għall-kariga ta’ “Tradesman (Mason)” u “Senior Tradesman (Mason)” fid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura li ġiet irriklamata permezz taċ-Ċirkulari MPO/35/2001 kienu sittax (16). Kien hemm vakanza waħda. Mir-rapport li ġie sottomess lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jirriżulta li ħadd mis-sittax-il applikant ma kien jissodisfa l-eliġibilita` mitluba f’paragrafu 5 tas-sejħa għal applikazzjonijiet. Għaldaqstant ħadd mill-applikanti ma ġie maħtur għal din il-kariga, li għalhekk baqgħet vakanti. Jien infurmat li l-kandidati ser jiġu nfurmati bir-raġuni li għaliha ma nstabux eliġibbli.
Leg 9 PQ #31123 Sitting 686 2002-01-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konsulenti Mhux Legali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 30998 u cioe jista' l-Ministru jgħid liema huma l-konsulenti mhux legali mal-Ministeru tiegħek? Kemm qed jitħallsu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Konsulenti mhux legali mal-Ministeru tiegħi huma kif ġej: Dipartiment Numru ta’ Ħlas Konsulenti “Advisers” fl-Uffiċċju 3 Minn Lm4,219 sa Lm5,274 tal- Prim Ministru fis-sena Forzi Armati ta’ Malta 2 Minn Lm1,980 sa Lm4,200 fis-sena “Management Efficiency Unit” 19 Minn Lm5,580 fis-sena għal Konsulent “part-time” sa Lm27,000 fis-sena għal Konsulent barrani
Leg 9 PQ #31056 Sitting 685 2002-01-28 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Deċiżjonijiet Amministrattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid teżistix leġislazzjoni fil-pajjiż li deċiżjonijiet amministrattivi jistgħu jkunu magħmula pubblika wara li jgħaddu ċertu numru ta' snin? Kemm-il darba saret talba minn persuni jew korpi għal informazzjoni amministrattiva dwar deċiżjonijiet li ttieħdu żmien ilu? Xi trid tagħmel persuna sabiex takkwista din l-informazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob lill-Onorevoli Membru biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #31143 Sitting 685 2002-01-28 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, peress li issa għaddew aktar minn seba' xhur minn meta ġie iffirmat ftehim bejn Malta u ċ-Ċina, li permezz tiegħu l-Forzi Armati għandhomx jibbenefikaw minn għajnuna ta' madwar Lm 150,000 għaliex il-Kap ta' l-Armata għadu ma ha l-ebda azzjoni biex din l-għajnuna mwiegħda tissarraf f'fatti u dan meta r-rapporti dwar x'forma għandha tieħu din l-għajnuna ilhom lesti xhur sħaħ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li l-istudji meħtieġa biex jiġi identifikat l-aħjar mod kif l-għajnuna Ċiniża tissarraf f’benefiċċju għall-Forzi Armati Maltin waslu biex jitlestew.
Leg 9 PQ #31145 Sitting 685 2002-01-28 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

L-Armata

Question

B'referenza għall-mistoqsija numru 30002, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-liġi ta' l-Armata tiddistingwix bejn ċanfira u twissija? Jekk iva, minn dawn iż-żewġ kastigi, liema huwa l-iżjed serju? Jista' l-Prim Ministru jgħid kif fil-każ tal-persuna msemmija fil-mistoqsija 30002, jekk veru ngħata ċanfira, din tħassret daqshekk malajr mill-kondotta tiegħu? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll, f'dawn l-aħħar sentejn, kemm il-darba l-persuna msemmija tqabbad jagħmel xogħol ta' storeman u f'hiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol li għalih qed jitħallas?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li fil-fatt il-persuna msemmija ngħatat twissija. Il-Liġi ta’ l-Forzi Armati tiddistingwi bejn ċanfira u twissija. Ċanfira hi l-iżjed serja. It-tnejn jinqatgħu mir-Rekord tal-Kondotta wara ċertu perjodu. Jien infurmat li meta l-individwu kien assessjat għall-promozzjoni, kien għadda l-perjodu stipulat biex t-twissija tinqata’ mir-Rekord tal-Kondotta. L-individwu ma kienx fuq ix-xogħol ta’ “storeman” f’dan l-aħħar sentejn.
Leg 9 PQ #30998 Sitting 681 2002-01-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konsulenti Mhux Legali — Ħlas

Question

Liema huma il-konsulenti mhux legali mal-Ministeru tiegħek? Kemm qed jitħallsu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #30176 Sitting 680 2002-01-21 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Public Service Commission — Pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqatgħu każijiet mill-Public Service Commission din is-sena? Jista' jgħid kemm hemm każijiet pendenti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jekk l-Onorevoli Membru qed tirreferi għall-każijiet ta’ dixxiplina ta’ uffiċjali fis-servizz pubbliku, ninsab infurmat li sa nofs Diċembru 2001 kien hemm 43 każ ta’ dixxiplina li ġew riferuti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku taħt Regolamenti tad-Dixxiplina ta’ 1977 u l-1999. Il-Kummissjoni għamlet rakkomandazzjonijiet fuq 35 minn dawn il-każi. Għalhekk 8 każi għadhom pendenti.
Leg 9 PQ #30181 Sitting 680 2002-01-21 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Diretturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' segretarji permanenti, diretturi ġenerali, diretturi, u assistenti diretturi mas-servizz pubbliku maqsumin skond is-sess u skond id-dipartimenti li għandhom taħthom jew li qegħdin fihom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli, Ministeru Ministeru, bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #30250 Sitting 680 2002-01-21 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 18025, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għad fadal ħaddiema mill-2762 ħaddiem imsemmija li ġew impjegati fl-1987, jaħdmu maċ-ċivil? Jista' jgħid ukoll meta spiċċaw minn maċ-ċivil?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi mill-2,762 ħaddiem li ġew impjegati mas-Servizz Pubbliku matul 1987, 1,258 minnhom għadhom fl-impjieg sat-18 ta’ Diċembru 2001. Biex tingħata risposta sħiħa u dettaljata kif mitlub, trid issir riċerka f’“records” antiki li m’humiex kompjuterizzati, u li għalhekk tieħu ħafna żmien. Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq xi informazzjoni fuq xi każ partikolari, nitlobu jagħmel mistoqsija speċifika.
Leg 9 PQ #30669 Sitting 675 2002-01-14 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Increment — Miżuri Dixxiplinari

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 30007?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30014 f’Seduta 653, fit-30 ta’ Novembru, 2001.
Leg 9 PQ #30558 Sitting 673 2001-12-18 Oral · Final From: RITA LAW To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mellieħa — Scanner

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-scanner tar-Red Tower taz-zona tal-Mellieħa jaħdimx? Jekk le, minn meta ilu bil-ħsara?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ma jidhirlix li l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata.