Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #34341 Sitting 763 2002-07-01 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Xufiera ta' l-Ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-tilwima industrijali li teżisti bejn il-gvern u l-UHM rigward ix-xufiera ta' l-ambulanzi għadha ma' ġietx riżolta wara xahrejn sħaħ? B'riżultat li bis-saħħa ta' din it-tilwima qed ikun hemm ħafna tbatija fuq il-pazjenti infushom, l-istaff tal-casualty, u argumenti bejn ix-xufiera stand-by u x-xufiera tal-ambulanzi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Gvern ma jħossx illi t-talbiet li qegħdin jagħmlu x-xufiera ta’ l-ambulanzi huma ġustifikati. Il-Ministeru tas-Saħħa qiegħed jagħmel minn kollox biex il-konsegwenzi ta’ l-azzjoni li qegħda tittieħed mix-xufiera ta’ l-ambulanzi jkollha riperkussjonijiet mill-anqas.
Leg 9 PQ #34354 Sitting 763 2002-07-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Environment Impact Assessment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-Environment Impact Assessment/Statement saru minn Settembru ta' l-1998 sal-lum, fuq talba tal-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Minn min saru u kemm swew?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu imsemmi l-Forzi Armati, fuq talba ta’ l-Awtorita` ta’ l-Ippjanar, ikkummissjonaw studju wieħed ta’ dan it-tip (EIA). Dan kien dwar il-proġett ta’ estensjoni tal-moll tal-bażi marittima f’Xatt it-Tiben, Floriana u sar mill-Kumpanija “Environment Management Design and Planning”. B’kollox, l-istudju sewa Lm11,600.
Leg 9 PQ #34358 Sitting 763 2002-07-01 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tiġdied ta' Karti ta' l-Identita`

Question

Waqt it-tiġdied tal-karta ta' l-identita` qiegħed jiġi enfasizzat li fejn hemm in-numru tar-residenza dan għandu jieħu l-priorita` fuq kull mezz ieħor ta' identifikazzjoni ta' dik ir-residenza partikolari? X'inhi l-policy li qiegħda tuża l-kummissjoni elettorali f'din il-materja? In-numru tar-residenza qiegħed jiġi rifless u jkun aġġornat fuq ir-reġistru elettorali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat mill-Kummissjoni Elettorali Ewlieni li n-numru tal-bieb tar-residenza jieħu l-priorita` fuq il-mezz l-ieħor ta’ identifikazzjoni (jiġifieri l-isem) tar-residenza minħabba li n-numru jkun dak uffiċċjali mogħti mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Insfrastruttura. L-Uffiċċju Elettorali jaġġorna d-“database” tiegħu sabiex sew ir-reġistru elettorali u sew il-karta ta’ l-identita` l-ġdida jkunu stampati bin-numru l-ġdid. Meta jkun il-każ, l-isem tar-residenza, li għandu l-importanza tiegħu, jidher ukoll fuq il-karta ta’ l-identita` wara n-numru tal-bieb. Fejn m’hemmx numri allokati jidher biss l-isem tar-residenza. Iżda, minħabba raġunijiet tekniċi, fir-reġistru elettorali jidhru l-ewwel l-isem tad-dar, imbagħad in-numru tal-bieb.
Leg 9 PQ #34379 Sitting 763 2002-07-01 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Gazzetta tal-Gvern

Question

Jikkunsidra l-Prim Ministru li jinħatar kumitat biex jirrevedi dik il-parti tal-gazzetta tal-gvern li tirrigwarda emendi għall-liġijiet sussidjarji fis-sens li jkun hemm fuq naħa l-pubblikazzjoni sħiħa ta' l-artiklu eżistenti waqt li fuq parti l-oħra l-istess artiklu kif qiegħed ikun emendat?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

It-tibdil propost mill-Onorevoli Interpellant joħloq diskrepanzi kbar fil-“layout” li jintuża għall-istampar tal-liġijiet (avviżi legali, liġijiet u abbozzi ta’ liġijiet) u jista’ jagħti lok għal kumplikazzjonijiet u żbalji billi jkollok taħlita ta’ liġijiet eżistenti, żidiet, emendi u tħassir fl-istess dokument. Minbarra hekk, żgur joħloq żieda sostanzjali fl-ispiża li d-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni diġa` għandu fir-rigward tal-pubblikazzjoni tal-Gazzetta tal-Gvern. F’każijiet fejn tinħass il-ħtieġa li emendi proposti jiġu spjegati aktar fid-dettal il-Ministru responsabbli għal dik il-liġi partikolari normalment jagħti konferenza stampa jew tinħareġ “press release”. Xi kultant spjegazzjoni għal xi liġi jew emendi għal liġi eżistenti tingħata f’pubblikazzjoni separata.
Leg 9 PQ #34193 Sitting 761 2002-06-25 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Casual Clerks

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibilita' li l-casual clerks isiru tal-post?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nifhem illi l-mistoqsija tirreferi għal dawk il-persuni li ġew impjegati bħala “Casual Typists” mas-Servizz Pubbliku. Nixtieq nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3756 u numru 8656 ta’ nhar il-21 ta’ Jannar 1999 u t-12 ta’ Lulju 1999, rispettivament.
Leg 9 PQ #34197 Sitting 761 2002-06-25 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dritt tal-Vot

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li teħel sentenza sospiża ta' 'l fuq minn sena hux minnu li titlef id-dritt għall-vot?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Persuna li teħel sentenza sospiża ta’ `l fuq minn sena titlef id-dritt tal-vot skond Artiklu 58(b) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li jgħid li: “Ħadd ma jkun kwalifikat li jkun reġistrat bħala elettur… jekk ikun qed jiskonta kundanna ta’ priġunerija (tkun kif tkun imsejħa) ta’ iżjed minn tnax–il xahar …jew ikun taħt kundanna bħal dik ta’ priġunerija li l-esekuzzjoni tagħha tkun ġiet sospiża.”
Leg 9 PQ #34275 Sitting 761 2002-06-25 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

DOI

Question

B'riferenza għall-istqarrija mid-DOI rigward il-pożizzjoni tal-gvern Malti vis-a-vis id-dritt ta' xiri ta' art agrikola minn ċittadini ta' l-UE, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kommunikazzjoni li ntbagħtet lill-UE mill-gvern Malti u dan sabiex jinforma lill-istess UE li hu mhux jaqbel li ċittadini ta' l-UE għandu dritt jixtri art agrikola bi skopijiet ta' biedja sa mill-ewwel jum ta' sħubija sħiħa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li komunikazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea fuq dan is-suġġett kien wieħed kontinwu u jirriżulta b’mod l-aktar ċar li ma hemm l-ebda diskrepanza fl-interpretazzjoni tar-riżultati tan-negozjati bejn iż-żewġ partijiet, dwar is-suġġett tal-proprejta`.
Leg 9 PQ #34312 Sitting 761 2002-06-25 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċju Elettorali — San Ġwann

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga kif il-familja li d-detttalji dwarha qed jintbagħtu separatament qegħda mniżżla fuq il-lokal ta' l-Imsida filwaqt li l-persuna li isimha ukoll qed jintbagħat separatament li toqgħod fl-istess indirizz ma' l-istess familja hija mniżżla fuq il-lokal ta' San Ġwann?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ ingħadda lill-Kummissjoni Elettorali għall-investigazzjonijiet meħtieġa. Għaldaqstant nagħti tweġiba hekk kif inkun infurmat bir-riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet.
Leg 9 PQ #34254 Sitting 760 2002-06-24 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dritt tal-Vot

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-requirements għall-persuna li ilha tgħix Malta għal għaxar snin u li għandha passaport Malti sabiex ikollha dritt għal vot f'elezzjonijiet ġenerali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Biex persuna jkollha dritt għall-vot f’elezzjoni għandu l-isem u l-partikolarijiet tagħha jidhru fir-reġistru elettorali li fuqu tkun ibbażata l-elezzjoni. Persuna jrid ikollha dawn il-kwalifiki li ġejjin biex tkun reġistrata bħala elettur: a) ċittadin ta’ Malta b) għalqet l-eta` ta’ tmintax-il sena u c) residenti f’Malta u matul it-tmintax-il xahar minnufih qabel ir-reġistrazzjoni tagħha hekk residenti għal perjodu kontinwu ta’ sitt xhur jew għal perjodi li jammontaw fit-total globali għal sitt xhur. Dawn il-kwalifiki joħorġu minn Artikolu 57 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant għar-rigward ta’ Arikolu 58 tal-Kostituzzjoni li jitratta dwar skwalifika ta’ eletturi.
Leg 9 PQ #34256 Sitting 760 2002-06-24 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ministeru għal Għawdex — Customer Services

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fuq liema kriterju l-ex-direttur tal-customer services fl-uffiċċju tal-Ministeru ta' Għawdex intgħażel biex jieħu l-ħatra diretta ta' direttur ta' l-office of review fl-istess ministeru? Għaliex intgħażel huwa u mhux id-direttur corporate services jew id-direttur projects and development?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi l-post ta’ Direttur, “ Office of Review”, fil-Ministeru ta’ Għawdex imtela’ mill-ex Direttur tal-“Customer Services” għaliex hu kien l-aktar persuna addattata u idonea biex timla dan il-post il-ġdid fl-istess livell.
Leg 9 PQ #34176 Sitting 759 2002-06-19 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 33189 datata 6 ta' Mejju 2002, nixtieq nistaqsi lill-Ministru biex jgħidilna kemm kienu s-suldati fil-forzi armati ta' Malta li l-Ombudsman irrakomanda biex tiġi maħduma il-promozzjoni tagħhom b'effett mill-1 ta' Jannar 2001. Jista' jgħidilna għaliex dan id-dewmin kollu biex dawn is-suldati jinataw il-promozzjoni mistħoqqa meta d-deċizjoni ta' l-Ombudsman ilha li intbattet mis-7 ta' Marzu 2002, u huwa minnu li qegħdin joħorġu promozzjonijiet fi żmien sitt xhur waħda b'effett mill-1 ta' Jannar 2002 u l-oħra mill-11 ta' Mejju 2002?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li sad-data tal-mistoqsija kien hemm total ta’ tlettax (13)-il rakkommandazzjoni mill-Ombudsman biex tiġi maħduma l-promozzjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar 2001. Disgħa minn dawn ġew implementati waqt li erbgħa oħra qed jiġu kkunsidrati. Hemm numru ta’ każi oħra fil-proċess ta’ evalwazzjoni. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, kien hemm każ wieħed ta’ individwu li kkwalifika bħala “Aircraft Maintenance Engineer”, u għaldaqstant kien eliġibbli għal promozzjoni sa “Warrant Officer II” fi żmien sentejn mid-data li kiseb din il-kwalifika.
Leg 9 PQ #32399 Sitting 756 2002-06-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prodotti ta' l-Ikel

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk il-prodotti ta' l-ikel importati qabel u wara s-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li fuq l-importazzjoni tagħhom se jiddaħħlu kontrolli ta' kwoti, dazji u tariffi? Jikkonferma jew jiċħad il-Prim Ministru li dawn il-kontrolli li l-Unjoni Ewropea sa timponi fuq pajjiżna sa jinvolvu spejjes akbar lin-negozjanti u prezzijiet ta' l-ikel ogħla għall-konsumaturi lokali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #32401 Sitting 756 2002-06-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Levies

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li kawża tat-tneħħija tal-protezzjoni tal-levies tal-biedja, il-Banek lokali sa jkunu kostretti li japplikaw miżuri aktar stringenti fuq l-investmenti li sa jagħmlu l-bdiewa, raħħala, l-agro-industrija, l-industriji ta' l-ikel u ta' l-ipproċessar?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #33235 Sitting 756 2002-06-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Impjegati - Non-substantive

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema fil-ministeri, dipartimenti, fondazzjonijiet u entitajiet oħra tal-gvern u civil, bħal sptarijiet u skejjel, li mis-sena 1998 ingħataw allowances għal pożizzjonijiet ġodda li huma ogħla mis-substantive grade tagħhom? Jista' jgħid kemm għola gradi non-substantive kull ħaddiem f'kull każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li n-numru ta’ uffiċjali pubbliċi li qed jitħallsu, jew tħallsu, fuq skala ta’ salarju ogħla minn dik sostantiva tagħhom minħabba f’pożizzjoni li jokkupaw, jew li kienu jokkupaw, mill-1998 ’l hawn huwa ta’ tliet mija u sitta u erbgħin (343). Mitejn u disgħa u ħamsin (259) minn dawn kienu jew għadhom uffiċjali f’segretarjati privati ta’ Ministeri jew Segretarji Parlamentari u tħallsu jew jitħallsu skond id-dokument “Guidelines on the engagement of staff for Private Secretariats”. Hemm ukoll uffiċjal tal-Forzi Armati li qiegħed jitħallas fuq skala ta’ salarju ogħla minn dik marbuta mal-grad sustantiv tiegħu minħabba fix-xogħol li qiegħed jagħmel fl-Armata. Ma’ entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi hemm ukoll żewġ (2) uffiċjali pubbliċi li qegħdin jirċievu salarju ta’ skala ogħla minn dik marbuta mal-grad tagħhom. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra erba’ (4) listi mmarkati minn A sa D li jagħtu d-dettalji li qiegħed jitlob l-Onorevoli Interpellant. Informazzjoni dwar uffiċjali ma’ entitajiet tal-Gvern f’Ministeri oħra għandha tintalab lill-Ministri konċernati .
Leg 9 PQ #33805 Sitting 756 2002-06-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk AFM records standing instructions - serial no 3 maħruġa fit-19 ta' Novembru 1976, l-instructions dwar il-promozzjonijiet fl-armata għandhomx in vigore u jekk le, biex ġew sostitwiti? Jekk qatt ma ġew sostitwiti u ma għandhomx in vigore, b'liema ordni jew regolament ġew aboliti? Liema regolamenti jew instructions kienu jirregolaw il-promozzjonijiet li kienu ħarġu fl-armata f'Jannar 1993?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fl-1976 l-Amministrazzjoni preċedenti, li introduċiet l-imsemmija “AFM Records Standing Instructions serial No3” maħruġa fid-19 ta’ Novembru 1976 dwar il-promozzjonijiet fil- Forzi Armati, qatt ma osservat l-istess provedimenti ta’ dawn l-“Instructions” fl-għaxar snin u nofs li kienet fil-Gvern, cioe` sa Mejju 1987. Għaldaqstant ma kienx ekwu jew raġunat li jiġu applikati dawn l-istess “Instructions” fil-promozzjonijiet li ġew approvati f’Jannar ta’ l-1992, u mhux fl-1993 kif indikat fil-Mistoqsija. Ir-regolament numru 31 ta’ Avviż Legali Numru 91 ta’ l-1970, cioe` ir-Regolamenti ta’ l-1970 dwar in-Nomini u l-Kondizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta, ġie applikat.
Leg 9 PQ #34149 Sitting 756 2002-06-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Swot Analysis

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ser jitħallas il-konsulent li ismu qed jintbagħat separatament għal xogħol ta' konsulenza bħala co-ordinator tal-inputs tas-Swot Analysis tal-pjan Nazzjonali ta' żvilupp li ġie ikkordinat mill-MCESD flimkien mal-OPM u l-ministeru għas-servizzi ekonomiċi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ix-xogħol ta’ ko-ordinatur ta’ “inputs” tas-“SWOT Analysis” li għamel il-konsulent barrani li fuqu staqsa l-Onorevoli Interpellant kien parti minn proġett ta’ assistenza teknika mħallas taħt ir-Raba’ Protokol Finanzjarju bejn Malta u l-Unjoni Ewropeja. Huwa stmat li din il-parti tal-proġett qamet madwar Euro4,000.
Leg 9 PQ #32391 Sitting 755 2002-06-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

UE

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jew jiċħad li bis-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea l-prezzijiet ta' l-ikel sa jgħolew għall-poplu u għall-industrija tat-turiżmu - X'inhija r-raġuni li meta l-Unjoni Ewropa tapplika bħala miżuri ta' kontingenza s-sistemi magħrufa bħala TARIC , Special Safeguards, Tariff Quotas, Export Refunds sabiex tipprotegi l-biedja tagħha, il-Gvern Nazzjonalista se jneħħi l-ftit protezzjoni ta' kontingenza li fil-mument igawdu l-bdiewa, ir-raħħala u l-agro-industrija lokali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #32398 Sitting 755 2002-06-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Protezzjoni tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li fl-istess nifs li l-Gvern Nazzjonalista qed jgħid li jrid ineħħi l-protezzjoni tal-biedja lokali, daħħal u mpona dazji ogħla fuq l-importazzjoni ta' prodotti ta' l-ikel tal-poplu tagħna u dan minkejja li dawn il-prodotti la jipproduċuhom il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda maltin u għawdxin u lanqas l-agro-industrija lokali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #34053 Sitting 755 2002-06-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

ID Cards

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi fejn nies li ħadu r-ritratti tal-ID Cards il-ġodda fil-bliet u l-irħula tagħhom ġew mitluba imorru mill-ġdid l-uffiċċju elettorali ħalli jerġgħu jieħdu r-ritratti għalhiex qalulhom li kienu ħarġu ħżiena?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat ma kien hemm ħadd li ġie mitlub imur l-Uffiċċju Elettorali biex jerġa’ jieħu r-ritratt għax ħareġ ħażin. Madankollu kien hemm 141 persuna li minn jeddhom marru l-Uffiċċju Elettorali u biddlu l-karta ta’ l-indentita minħabba r-ritratt.
Leg 9 PQ #34056 Sitting 755 2002-06-17 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-regolamenti ta' l-armata għadhomx fis-seħħ fejn għandu x'jaqsam mediċina li jkollha tinxtara minn membru ta' l-armata meta din il-mediċina ma tinstabx fl-isptar jew fl-armata stess u dan peress li sa ftit ta' żmien ilu suppost li meta din tinxtara minn membru ta' l-armata, kien ikollu jiffirma fuq l-irċevuta l-medical officer biex imbagħad dak il-membru jiġi rimbursat lura l-ispejjeż li oriġinarjament kien ħallas għal dik il-mediċina?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li r-regolamenti tal-Forzi Armati dwar provedimenti ta’ mediċini għadhom fis-seħħ.