Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' proġetti taħt l-iskema tal-Private Public Partnership? Liema huma u kemm tinvolvi f'ċifra ta' flus kull proġett?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi l-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt fit-8 ta’ Lulju 2002 għall-Mistoqsija Numru 34475.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm-il bord hemm maħtura fid-diversi dipartimenti tal-gvern u minn min huma komposti dawn l-imsemmija?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta’ Bordijiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi u minn min huma komposti dawn il-Bordijiet, inklużi Awtorita`, Kumitat u Kummissjonijiet.
Rigward bordijiet li jaqgħu taħt Ministeri oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministri responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi minn prinċipal 'l fuq fiċ-ċivil? Jista' jagħti l-informazzjoni skond l-iskala u skond id-dipartiment?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li hemm 53 vakanza f’pożizzjonijiet minn Assitent Direttur ’il fuq.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista li turi f’liema Ministeri qegħdin il-vakanzi f’dawn il-pożizzjonijiet.
Mhux possibli li ngħid kemm hemm vakanzi fi gradi oħra peress li ma jeżistux “complements” fissi u għalhekk in-numru ta’ vakanzi jinbidel kontinwament skond l-esiġenzi tas-Servizz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-darba siefret il-banda tal-forzi armati tul dawn l-aħħar sentejn? Minn min kienet immexxija? Min kien is-surmast jew assistant surmast f'kull safra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta bħalissa qegħda tipparteċipa f’festival internazzjonali ta’ Baned Militari ġewwa Modena, fl-Italja. Il-Banda hi mmexxija mill-Uffiċjal Kmandant, Logutenent M Mallia, u taħt id-direzzjoni ta’ l-Aġent Surmast “Warrant Officer” L Pace.
Din hija l-unika darba li l-Banda siefret tul dawn l-aħħar sentejn.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 34066, jista' jgħid jekk l-applikanti kollha ssejħux għall-intervista? Jekk fin-negattiv, kemm kien hemm li ma sejħulhomx u għaliex? Min ħa d-deċiżjoni? Jista' jgħid dik id-deċiżjoni tistax tiġi kkontestata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
In-nomina ta’ uffiċjali pubbliċi biex jimtlew postijiet ta’ Diretturi u Diretturi Ġenerali ssir mis-“Senior Appointments Advisory Committee.”
Dan il-Kumitat jintervista biss lil dawk l-applikanti li jidhirlu hu skond l-applikazzjoni tagħhom. Applikanti li jkunu magħrufa mill-Kumitat mhux dejjem ikun hemm bżonn jiġu intervistati.
Kull uffiċjal pubbliku għandu dritt iressaq petizzjoni dwar ħatriet fis-Servizz Pubbliku, inklużi ħatriet f’karigi għola, quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku skond it-termini ta’ Sezzjoni 1.1.10 tal-“Public Service Management Code.”
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija 34088, ladarba d-direttorati li kien baqa' fi skala 5 ġew upgraded għal skala 4 minnħabba l-ħatra ta' l-assistenti diretturi, jista' jgħid 'il għala, bl-istess kriterju, id-direttorat tal-customer services f'Għawdex ma ġiex upgraded qabel, ladarba f'dan id-direttorat diġa kien hemm assistent direttur u tliet kapijiet oħra ta' sezzjoni fi skala 5? Jista' jgħid ukoll għaliex meta l-ewwel okkupant ta' din il-ħatra kien jagħmel talbiet għall-upgrading qatt ma ġie infurmat b'xejn, imma t-talbiet tiegħu kienu jiġu injorati għal kollox?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-każ tad-Direttorat tal-“Customer Services” f’Għawdex ma kienx differenti minn dawk ta’ Direttorati oħra fi skala 5 u li d-Diretturi li ħadu dik il-ħatra kienu applikaw minn rajhom għal dik il-pożizzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta kienu nħolqu d-direttorati ta' l-office of review tad-diversi ministeri u l-għala dak ta' Għawdex inħoloq wara?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Id-direttorati ta’ l-“Office of Review” f’numru ta’ Ministeri nħolqu f’Ottubru 2000 mal-ħarġa taċ-Ċirkulari Nru OPM/37/2000 tas-6 t’Ottubru, 2000.
Dak iż-żmien ma nħassitx il-ħtieġa li għandu jkun hemm Diretturi ‘Office of Review” f’xi Ministeri nkluż dak t’Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju l-ex-direttur tal-customer services intgħażel biex jieħu l-ħatra diretta ta' direttur ta' l-office of review fil-ministeru għal Għawdex? Għaliex intgħażel huwa u mhux id-direttur tal-corporate services jew id-direttur tal-projects and development?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 34256 nhar l-24 ta’ Ġunju 2002 f’Seduta numru 760.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għall-mili tal-post ta' direttur corporate services fil-ministeru għal Għawdex? Kemm minn dawn ma ssejħux biex jersqu għall-intervista u għaliex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kien hemm 4 applikanti għall-pożizzjoni ta’ Direttur, Servizzi Korporattivi fil-Ministeru għal Għawdex.
Is-“Senior Appointments Advisory Committee” mhux obbligat jintervista l-applikanti kollha. Madankollu f’dan il-każ partikolari li l-ħatra eżistenti tagħlaq fit-28 ta’ Awwissu 2002, il-proċess ta’ l-għażla għadu ma bediex għax qed jiġu pproċessati ħatriet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus f'safar ministerjali u dipartimentali tal-ministeru għax-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu April u Mejju ta' din is-sena?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
MISTOQSIJA NUMRU 34028
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba dwar ħidma uffiċċjali barra minn Malta għax-xhur minn Jannar 2002 sa Mejju 2002.
B'riferenza għal mistoqsija 34443, jista' l-Minsitru jgħid x'inhi l-funzjoni taċ-change managers?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
MISTOQSIJA NUMRU 34592
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-“Position Description” ta’ “Director (Strategy and Planning)” fl-Uffiċċju tiegħi u l-“Position Description” li għandu kull “Director (Office of Review)” f’Ministeri oħra.
Jista' l-Ministru jgħid xi trid tagħmel il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament sabiex ikollha d-dritt tal-vot peress li hi ċittadina Maltija?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
MISTOQSIJA NUMRU 34596
Ninsab infurmat mill-Kummissarju Elettorali Ewlieni li l-persuna ndikata għandha tmur personalment l-Uffiċċju Elettorali l-Belt Valletta fil-ħinijiet ta’ l-uffiċċju biex tapplika għar-reġistrazzjoni tal-vot. Hi għandha tieħu magħha dawn id-dokumenti:
1. Ċertifikat taċ-ċittadinanza Maltija;
2. Ċertifikat taż-żwieġ;
3. Ċertifikat tat-twelid mir-Reġistru Pubbliku;
4. Passaport jew passaporti tagħha; u
5. Il-karta ta’ l-identita` li għandha preżentament.
Dawn id-dokumenti huma meħtieġa sabiex ikun aċċertat li din il-persuna għandha l-kwalifiki elenkati f’Artiklu 57 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.
B'riferenza għal mistoqsija 34275, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-konrrispondenza / kommunikazzjoni mitluba? Jekk ma jistax, jista' jispjega r-raġuni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
MISTOQSIJA NUMRU 34601
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma għandiex x’nżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34275.
Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna fi grad ta' supervisor (mad-diviżjoni ta' l-ambjent) li ġie boarded out minħabba mard għal perjodu ta' tliet snin jistax jerġa' jidħol lura għax-xogħol ladarba jiġi ċertifikat li hu tajjeb biex jerġa' jibda' jaħdem?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
MISTOQSIJA NUMRU 34546
Ninsab infurmat illi mpjegat pubbliku li jiġi rtirat minn bord mediku jista’ jerġa’ jidħol lura għax-xogħol ladarba jiġi ċċertifikat li hu tajjeb biex jerġa’ jibda jaħdem, bil-kundizzjoni li:
1. jipproduċi ċertifikat minn speċjalista mediku, li jgħid li fieq mill-kundizzjoni li kien ibati minnha u li għalhekk hu tajjeb għax-xogħol;
2. il-Kap tad-Dipartiment fejn kien jaħdem l-impjegat irid jiċċertifika li għandu bżonn is-servizzi ta’ dan l-impjegat u jirrikmanda li jerġa’ jidħol lura għax-xogħol;
3. l-impjegat irid ikun għadu taħt il-ħamsin sena;
4. l-impjegat jiġi eżaminat mill-bord mediku tal-Gvern u jkun iċċertifikat li hu tajjeb għax-xogħol;
5. fil-każ li jkun ibbenefika minn xi pensjoni, irid jintrabat li jħallas sitta fil-mija (6%) fis-sena fuq is-somma li jkun ħa, jekk ikun ħa pensjoni u somma.
6. impjegati li jidħlu lura fis-servizz jitpoġġew fl-aħħar tal-lista ta’ l-anzjanita’ fil-grad tagħhom; u
7. l-impjegat jidħol lura għax-xogħol biss fuq ir-rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy uffiċjali tal-gvern dwar it-tħaddim ta' skemi fuq bażi Private Public Partnership?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
MISTOQSIJA NUMRU 34475
L-inizjattiva li nieda l-Gvern imsejħa “Private Public Partnership” għandha l-għan li, permezz ta’ skema li titħadem mal-privat u b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, proġetti tal-Gvern jiġu mmaniġġjati mill-privat u x-xogħol isir minn ħaddiema tal-Gvern.
Qegħdin bħalissa naħdmu fuq proġett pilota ta’ “landscaping” għall-pajjiż. Huma ppjanati proġetti oħrajn.
Ser ikun assigurat illi taħt din l-iskema l-ħaddiema involuta jibqgħu impjegati tal-Gvern mingħajr ebda telf ta’ benefiċċji preżenti jew futuri. Minbarra dan, il-ħaddiema jingħataw opportunitajiet ta’ taħriġ, “flexibility bonus” u benefiċċji oħrajn.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jerġa' jkun hemm sejħa għal ingaġġ ta' rekluti ġodda fl-AFM?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
MISTOQSIJA NUMRU 34528
L-aħħar sejħa għal ingaġġ ta’ Suldati fil-Forzi Armati ta’ Malta saret fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern Nru 17193 li ġġib id-data ta’ l-1 ta’ Frar 2002. Bħalissa qed isir il-proċess ta’ l-għażla u l-ingaġġ ta’ dawn is-suldati mistenni jsir aktar tard din is-sena.
Jien informat li sejħa oħra għall-applikazzjonijiet tiġi ppubblikata kmieni s-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' l-impjegati tal-gvern li qed jagħmluha ta' change agents? Jista' jgħid f'liema dipartimenti qegħdin u xi scale huma?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għaċ-“Change Managers”.
Id-“Director (Office of Review)” f’diversi Ministeri huwa ċ-“Change Manager” fil-Ministeri rispettivi.
Fl-Uffiċċju tiegħi l-funzjoni ta’ “Change Manager” hija responsabbiltà tad-“Director (Strategy and Planning)”.
Fil-Ministeri tat-Turiżmu u ta’ l-Affarijiet Barranin din il-funzjoni hija responsabbilta’ Assistenti Diretturi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 31504 u cioe, jista' jgħid kemm fil-fatt kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus għal rapporti /studji dwar l-operat tat-temexxija tal-gvern u dwar l-impatt ta' sħubija ta' Malta fl-UE li saru mill-ministeru u jew id-dipartiment u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999, 2000 u 2001?
Liema kienu dawn ir-rapporti separatament u kemm minnhom tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba draw rapporti/studji marbuta mas-sħubija fl-Unjoni Ewropeja kienet tifforma parti mit-tweġiba li tajt fit-13 ta’ Frar 2001 għall-Mistoqsija Numru 23461 għas-snin 1999, 2000 u l-ewwel xhur ta’ l-2001. Għall-kumplament ta’ l-2001, fid-dekasteru tiegħi, żdied rapport wieħed ikkumissjonat mill-MITTS Ltd li kien dwar “The Application to MITTS Ltd of the EU Public Procurement Rules”. Dan ir-rapport sewa LM4,639 u ma tpoġġiex fuq il-mejda tal-Kamra.
Il-parti tal-mistoqsija dwar “rapporti/studji dwar l-operat tat-tmexxija tal-Gvern” għadha vaga u vasta wisq. Naħseb li l-Onorevoli Interpellant jaqbel li mhux possibli li jiġi kkalkolat l-infiq (inkluż ukoll il-pagi ta’ min jagħmilhom) fuq rapporti u studji li jsiru, jew ikunu qegħdin jinkitbu kontinwament u ta’ kuljum mill-impjegati waqt l-operat normali ta’ kull dipartiment u entita’ tal-Gvern.
Sa kemm ma jkunx iżjed speċifiku fuq din il-parti tal-Mistoqsija, li nista’ nagħmel f’dan l-istadju hu li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt fit-12 ta’ Ġunju 2001 għall-Mistoqsija Numru 25542 li kienet tinkludi l-ammonti ta’ kemm ġew iqumu rapporti ppublikati mill-Ministeru tiegħi u mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi fl-1999, 2000 u fl-ewwel ħames xhur ta’ l-2001. Jekk irid nista nara li tinġabar informazzjoni simili għall-kumplament ta’ l-2001 u li tindika wkoll liema minn dawn ir-rapporti tqieghdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jinvestiga kif il-familja li d-detttalji dwarha qed jintbagħtu separatament qegħda mniżżla fuq il-lokal ta' l-Imsida filwaqt li l-persuna li isimha ukoll qed jintbagħat separatament li toqgħod fl-istess indirizz ma' l-istess familja hija mniżżla fuq il-lokal ta' San Ġwann?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat mill-Kummissarju Elettorali Ewlieni li wara li saret spezzjoni mill-Kummissjoni Elettorali fuq il-post, irriżulta li l-persuni ndikati, li għandhom kunjom differenti, attwalment jgħixu fl-istess dar minkejja li persuna minnhom kellha l-isem tad-dar imniżżel ftit differenti minn ta’ l-oħrajn. Fil-fatt it-triq speċifikata hija maqsuma fuq żewġ lokalitajiet, jiġifieri fl-Msida u San Ġwann, it-tnejn fid-disa’ distrett elettorali.
Il-persuna konċernata ser tkun notifikata u r-reġistru elettorali li mistenni jkun ippubblikat f’Ottubru 2002 għandu jirrifletti din l-emenda.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern fuq il-punt imqajjem fil-petizzjoni mibgħuta lilu bid-data tat-13 ta' Ġunju 2002 mill-bdiewa li jaħdmu r-raba' taħt tal-Virtu` bit-talba li l-gvern jara li l-"l-ftehim li Malta għamlet mas-Santa Sede jiġi rispettat in toto u art agrikola tibqa' wżata bħala tali"?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li l-Għaqda Bdiewa Progressivi permezz tas-Segretarju tagħha s-Sur Joseph Farrugia mhux l-ewwel darba li attirat l-attenzjoni tal-Gvern għall-materja tal-bini tal-“golf course”. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta’ ittra iffirmata mis-Sur Farrugia, Segretarju tal-Għaqda Bdiewa Progressivi datata 19 ta’ April 1998.
Ma jidhirx li l-kontenut ta’ din l-ittra jaqbel mal-petizzjoni msemmija.