Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jbigħu alkaħol lill-minuri s-sena l-oħra, x'weħlu u fejn sar ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 4 persuni talli servew xorb alkoħoliku lill-persuni taħt is-sittax il-sena, f'Wied il-Għajn, iż-Żurrieq u San Ġiljan. Wieħed instab ħati u weħel Lm500 multa, tnejn instabu mhux ħatja u l-każ l-ieħor kien ġie dikjarat preskritt.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu tfal ġewwa postijiet ta' divertiment is-sena l-oħra u din is-sena u fejn inqabdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 il-Pulizija bdiet proċeduri quddiem il-Qorti kontra 23 persuna responsabbli minn postijiet ta' divertiment, wara li kienu nstabu 48 persuna taħt is-sittax il-sena f'postijiet ta' divertiment, ġewwa San Ġiljan, B'Bugia, Żurrieq, Fgura, Marsa u Rabat (Għawdex). Infurmat ukoll li matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena il-persuni responsabbli minn postijiet ta' divertiment mressqa l-Qorti kienu 16, filwaqt li l-persuni taħt is-sittax il-sena li nstabu f'postijiet ta' divertiment kienu 46. Il-postijiet kienu f'San Ġiljan u Wied il-Għajn.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-inkjesta dwar il-party ta' l-MCC tas-sena l-oħra tlestitx u jekk le fiex waslu?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm fil-mistoqsija ma hemmx dettalji suffiċjenti naħseb li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-mewta traġika ta' persuna quddiem il-Mediterranean Conference Centre, il-Belt Valletta fl-01/01/2006 fis-2.00am.
Jekk huwa hekk, l-inkjesta intbgħatet l-ewwel darba għand l-Avukat Ġenerali fid-29 ta' Marzu 2006, ġiet lura għand il-Maġistrat Inkwerenti fl-4 ta' Mejju 2006 u reġgħet ġiet rinvjata lura fit-8 ta' Mejju 2006 u għadha hemm.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija hiex beħsiebha toħroġ permessi għal rave parties f'postijiet fejn l-għasfur nazzjonali l-merill ikun qed ibejjed din is-sena, bħal per eżempju, Paradise Bay?
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-kiosks li jarmaw fil-bajjiet tagħna humiex obbligati bil-liġi li jinġiebu fil-post fil-għodu u jitneħħew fil-għaxija għax ma jeżistux fixed kiosks?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, il-liċenzji tan-negozju m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija hijiex se tieħu passi kontra sid il-Bamboo Bar, f'Paceville wara li dan allegatament biegħ alkaħol lil tfajla ta' 14-il sena u li wara ġiet irrejpjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każ ta' stupru imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għadu fl-istadju ta' l-Appell quddiem il-Qorti u għaldaqstant m'għandu jingħad xejn li jista' jippreġudika proċeduri fil-Qorti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru reati kriminali kontra reliġjużi u anzjani s-sena l-oħra u x'ġara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 il-Pulizija kellha 2,103 rapport minn persuni li għandhom aktar minn 60 sena. Ir-reati rrapurtati kienu kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi l-informazzjoni dwar il-kariga, stat jew attivita' personali tal-persuna li tkun għamlet ir-rapport ma tinżammx taħt forma ta' statistika.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux serqiet minn postijiet reliġjużi s-sena l-oħra, u jekk iva fejn u x'insteraq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 il-Pulizija kellha 22 rapport ta' serq minn knejjes, kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-liġi u l-pulizija jagħmlux distinzjoni bejn bar jew stabiliment non-alcaholic u dawk alcaholic? Jista' jgħid ukoll kemm huwa n-numru ta' non-alcaholic bars jew stabilimenti f'pajjiżna li huma reġistrati mal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, il-liċenzji tan-negozju m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19376, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li s-sitwazzjoni tiġi rimedjata bla aktar telf ta' żmien u dan għall-fatt li l-uċuh tar-raba' iridu jinħadmu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-bdiewa konċernati ser jiġu rikonoxxuti fl-art li ma ntużatx għat-triq, hekk kif id-Dipartiment ta' l-Artijiet jiġi mogħti pjanti eżatti tal-kobor tal-art li fadal. Fil-frattemp il-bdiewa jistgħu jkomplu jaħdmu dawk il-partijiet li fadalhom mir-raba li kellhom.
Uffiċċju Konġunt — Każ dwar post milqut bil-possession & use
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-post bid-dettalji qed jintbagħtu separatament hux maqbud b'possession and use?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond l-arkivji tat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern il-post li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant mhux maqbud b'possession and use.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif qed javvanza x-xogħol fuq il-ġnien Howard fir-Rabat u jekk hemmx ħsieb li dan jitlesta qabel jispiċċa s-sajf?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi x-xogħol ta' tisbiħ fi Ġnien Howard qed isir mill-Ministeru għat-Turiżmu u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil dak il-Ministeru.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' visas li nħarġu mill-pulizija matul l-2006 u x'pajjiżi jikkonċernaw? Kemm fil-fatt kien in-numru ta' talbiet rifjutati u minn liema pajjiżi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19494, jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra dokument li juri li l-isqaq huwa tal-gvern u mhux tal-privat?
Response (BORG, TONIO)
Kif għidt fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 19494, l-isqaq in kwistjoni huwa rreġistrat f'isem il-Gvern ta' Malta fir-Reġistru tal-Artijiet. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni tar-Reġistru tal-Artijiet hija waħda pubblika.
Ħal Far l/o Żurrieq — Splussivi fil-barriera tal-qawwi
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-Bord ta' Appelli dwar Liċenzji tal-Pulizija se jieħu deċiżjoni wara ż-żjara li għamel fuq il-post nhar it-Tlieta 21 ta' Frar 2006, dwar l-isplussivi fil-barriera tal-qawwi, nru. 19, Tal-Mnieżep, Ħal Far, l/o Żurrieq? Kopja ta' l-ittra qed tintbagħat separatament.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Tribunal ta' Appelli dwar Liċenzji tal-Pulizija kien għamel ir-rapport nhar 28 ta' April 2006. Wara li sema' is-sottomissjoni tal-partijiet, kif ukoll wara li saret laqgħa ma' uffiċjali tal-MEPA, it-Tribunal ikkonkluda li 'ma kienx hemm ksur tal-Kundizzjonijiet tal-Liċenzja u jirrakkomanda li l-isparar għandu jibqa' jsir b'mod ikkontrollat'.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min qiegħed jara li jiġu ripatriati lejn pajjiżhom l-immigranti llegali? Jikkonferma li hemm kumpannija privata li qed tassisti f'din il-proċedura? Min hi? Jikkonferma li dan ix-xogħol qed isir minn ġo Marsilja fi Franza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-ripatrijazzjoni ta' persuni li jinsabu f'Malta illegalment issir mit-Taqsima ta' l-Immigrazzjoni tal-Pulizija. Il-proċedura ssir kollha kemm hi mill-Pulizija mingħajr ebda assistenza ta' xi kumpanniji privati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti n-numru ta' persuni li ttrasferew ir-residenza u l-karta ta' l-identita' tagħhom minn Malta għal Għawdex, xahar xahar mill-ewwel ta' Mejju 2005 'il hawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, minn April sa Settembru 2005, kien hemm 191 persuna li ttrasferew ir-reġistrazzjoni tar-residenza tagħhom minn Malta għal Għawdex ma' l-Uffiċċju Elettorali, li jamministra l-proċess ta' ħruġ u tibdil tal-Karta ta' l-Identita' u pubblikat fir-Reġistru Elettorali, filwaqt li minn Ottubru 2005 sa Marzu 2006 kien hemm 89 persuna. Infurmat ukoll illi l-istatistika dwar trasferimenti ta' indirizzi ma tinżammx xahar xahar, iżda f'perijodi ta' sitt xhur.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tenders ingħataw għall-istallazzjoni tad-dawl u ilma u platforms tal-concrete biex jitqiegħdu t-tined fuqhom għall-immigranti irregolari? F'liema bini ngħataw dawn it-tenders? Lil min ingħataw? Saret sejħa għal offerti jew ingħataw b'direct order? Kemm jiswew dawn it-tenders u lil min ingħataw?
Response (BORG, TONIO)
Ma inħarġet ebda tender ta' dan it-tip fiċ-ċentri taħt il-kontroll tal-Pulizija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu prostituti l-qorti u pimps s-sena l-oħra u x'weħlu? Kemm minn dawn kienu diġa' misjuba qabel u kemm-il darba f'kull każ individwali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm 83 persuna, 30 minnhom l-ewwel darba, li bejniethom tressqu l-Qorti 379 darba fuq akkużi ta' tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni. Dawk li l-każi tagħhom ġew deċiżi u misjuba ħatja ġew mogħtija sentenzi sospiżi, multa jew ċanfira u twiddiba. Infurmat ukoll li matul is-sena l-oħra wkoll kien hemm 6 persuni li tressqu l-Qorti fuq prostituzzjoni ta' ħaddieħor, kollha l-ewwel darba. Minn dawn, każ wieħed ġie deċiż fejn wara li l-persuna kienet misjuba ħatja, ġiet mogħtija sentenza ta' 2 ħabs sospiżi għal 4 snin.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq probation illum u kemm hawn li għandhom aktar minn waħda? Jista' jagħti breakdown ta' kemm għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond ir-rekords ta' l-Uffiċċju tal-Probation, fis-16 ta' Mejju 2006, kien hemm 289 Ordnijiet ta' Probation attivi.
Minn dawn l-Ordnijiet ta' Probation, 13-il persuna għandhom aktar minn Ordni ta' Probation waħda hekk kif imniżżla hawn taħt:
10 persuni għandhom żewġ Ordnijiet ta' Probation
3 persuni għandhom tliet Ordnijiet ta' Probation