Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jsir il-ħlas dovut lill-persuna li t-tagħrif dwarha qed jintbagħat separatament minħabba li mhux tirċievi l-pagamenti tal-pensjoni ta' l-invalidita? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-każ tagħha.

Kiri ta' proprjeta` tal-Gvern

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara tistax issir xi ħaġa sabiex dawk il-persuni li joqogħdu f'kiri tal-gvern - pero` mikrija fuq art possession and use - ikunu jistgħu jixtru din il-proprjeta`?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar tbiegħ propjeta' wara li l-art li fuqha tkun mibnija din il-propjeta' tkun mgħoddija lilha mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. Għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Furjana — Stallazzjoni ta' lift - Ħlasijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkunsidra li n-nies li isimhom qed jintbagħat separatament ma jkollhomx iħallsu s-somma ta' Lm1,800 kull wieħed minħabba l-istallazzjoni tal-lift fil-flats fejn joqogħdu? Dawn qed jintalbu jħallsu dawn il-flus peress li kienu xtraw u akkwistaw l-appartamenti in kwestjoni. Peress li l-inkwilini ta' l-appartamenti l-oħra qed jintalbu jħallsu s-somma ta' Lm20 biss, jikkunsidra l-Viċi Prim Ministru li jbiddel din il-policy fis-sens li s-somma ta' Lm1,800 titħallas biss jekk l-appartamenti jinbiegħu lil terzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fil-blokk indikat mill-Onor Interpellant hemm 9 appartamenti li minnhom tlieta huma mikrija. Skond il-kundizzjonijiet ta' l-iskema ta' l-Awtorita' tad-Djar dwar l-istallar ta' lifts, is-sidien ta' l-appartamenti li jridu jagħmlu użu mill-lifts huma dovuti jħallsu sehemhom mill-ispiża tal-lift, liema spiża hi sussidjata b'50% mill-Awtorita'. Infurmat li kull sid ta' appartament fil-blokk indikat intalab iħallas is-somma ta' Lm650, u mhux Lm1,800, jekk irid li jagħmel użu mill-lift.

Tribunali Industrijali — Kawżi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew preżentati kawżi quddiem it-tribunal industrijali matul is-snin 2000, 2001 u 2002? Kemm minn dawn instemgħu quddiem tribunal kolleggament presedut u kemm quddiem iċ-chairman waħdu? Jista' jgħid f'kemm-il każ ġie ordnat reinstatement? Kemm ġie ordnat kumpens fil-kawżi li ġew deċiżi favur l-impjegat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

SVPR — Nursing Aides

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija 33625, jista' jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu xogħol ta' nursing aides f'SVPR u li ħadu l-appointment fl-1993 u daħlu qabel l-1987 pero` mhux jitħallsu daqs nursing aides oħra iżda qed jitħallsu fi skala 14 flok skala 13? X'inhi r-raġuni wara din id-differenza? Meta jaħseb li din l-inġustizzja ma' dan in-numru żgħir ta' nursing aides tkun irranġata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għad fadal sitt (6) Nursing Aides li qed jitħallsu skala 14 u li jista' jkun li jkunu ntitolati li jitilgħu għal skala 13. Ninsab infurmat ukoll li bħalissa għaddej proċess ta' verifika meħtieġ biex jiġi stabbilit jekk dawn in-Nursing Aides għandhomx dritt li jitilgħu fi skala 13 skond il-provedimenti tal-ftehim relatat.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex persuna tirreġistra għax-xogħol jekk issiefer tinqata' mir-reġistrat? X'tista' tagħmel persuna li qed tirreġistra u tixtieq issiefer?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuna li tkun qed tirreġistra għax-xogħol hija obbligata ġġedded ir-reġistrazzjoni tagħha darba fil-ġimgħa, fl-uffiċċji distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali, fil-ġurnata ndikata mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, meta tirreġistra l-ewwel darba. Kull min ifalli milli jġedded din ir-reġistrazzjoni jiġi mwaqqaf milli jirreġistra għax ma jistax jitqies disponibbli għax-xogħol matul dak il-perijodu. Persuna li minħabba safar tkun naqset li ġġedded ir-reġistrazzjoni tista', wara li tirritorna Malta, terġa' tibda tirreġistra fuq l-istess parti tar-reġistru li kienet qabel ma siefret.

Azjendi/Fabbriki — Sensji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33645 u jgħid liema huma dawk l-ażjendi u l-fabbriki li taw is-sensji lill-ħaddiema f'dawn l-aħħar tliet snin jiġifieri minn Settembru ta' l-1998 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba ser tingħata f'seduta oħra.

Awtorita` tad-Djar — Xiri ta' fondi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi bdil fiċ-ċirkostanzi dwar l-iskema ta' l-awtorita` tad-djar li biha min jikri fond tal-gvern ikun jista' jixtrih (RTB) dwar il-fatt li l-art ma tkunx tal-gvern f'dawn il-każi: 71 Triq il-Miratur, Furjana, 73 Triq il-Miratur, Furjana u 76 Triq San Nikola, Valletta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar ma tistax tbigħ propjeta' mibnija fuq art li l-Gvern ikollu b'titolu ta' possession and use. Ninsab infurmat li, skond ir-rekords ta' l-Awtorita', il-fond indikat fil-Furjana jaqa' taħt din il-kategorija filwaqt lil-Awtorita' m'għandha ebda rekord dwar il-fond indikat fil-Belt.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx żviluppi dwar l-użu tal-bitħa sabiex jiġi stallat lift fl-appartamenti bl-indirizz 41 Triq il-Miratur Floriana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar għadha ma rċeviet ebda risposta dwar it-talba għall-approvazzjoni mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u l-kunsens ta' min qed juża l-btieħi biex isir ix-xogħol neċessarju.

Benefiċċju Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li persuna marida, per eżempju bil-polio, ma għandiex dritt tirċievi xi forma ta għajnuna ta' benefiċċju soċjali għall-mard għas-sempliċi raġuni li tkun mara miżżewġa? Jekk dan mhux il-każ, jista' jgħid xi kriterju jista' jigwida tali persuni biex ikollhom xi forma t'għajnuna soċjali minħabba li jkunu disabled?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Irrid ngħid li persuna li tbati minn xi diżabilita' mhux neċessarjament li tkun teħtieġ għajnuna soċjali. Dan jippruvah in-numru ta' persuni b'diżabilita', inkluż persuni li jsofru mill-konsegwenzi tal-polio, li qegħdin jaħdmu. Lanqas m'hu l-każ li persuna ma tkunx intitolata għal għajnuna soċjali jew pensjoni għal diżabilita' għas-sempiċi raġuni li tkun miżżewġa. Id-diversi kundizzjonijiet biex persuna b'diżabilita' tirċievi għajnuna soċjali jew pensjoni għal diżabilita' taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali huma dawk elenkati fl-istess Att. Għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata biex tiddiskuti l-każ speċifiku tagħha mal-Welfare Officer fl-eqreb Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.

Housing — Paola

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir spezzjoni tas-saqaf tad-dar ta' mara separata bi tlett itfal żgħar li d-dettalji tagħha qed jingħataw taħt separate cover, biex jiġi assigurat li mhuwiex perikoluż, peress illi din il-persuna lanqas taffordja servizz ta' perit/surveyor biex isserraħ rasha għax batuta ħafna u ma tistax taħdem minħabba t-tfal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

SVPR

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment li sar f'San Vincenz de Paule f'bini ġdid u rranġar ta' swali? Jista' jgħid x'titjib sar fir-residenza?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-immodernizzar tas-Swali f'San Vinċenz huwa mpenn kontinwu li ilu għaddej fuq medda ta' snin. Jekk l-Onor Interpellant jogħġbu, jagħti ndikazzjoni ta' xi perjodu partikulari, tkun tista' tiġi stabbilita n-nefqa rispettiva.

Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm u liema uffiċjal tal-gvern hemm fl-OPM li huwa eżentat mill-ħlas tal-bolla tan-National Insurance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fir-rigward tal-persuni li għandhom din l-eżenzjoni, ninforma lill-Onor Interpellant li l-Artiklu 133 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprekludi lid-Direttur li jagħti l-informazzjoni kif mitluba.

Rabat — Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema li qed jiffaċċjaw l-anzjani tar-Rabat peress li d-day centre ta' l-Mtarfa għalaq? Jirriżultalu l-Ministru li l-anzjani tar-Rabat ntbgħatu l-postijiet skondi u li jinvolvu anke ħafna turġien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux minnu li d-Day Centre ta' l-Imtarfa ta' l-Anzjani għalaq.

Benefiċċju tal-Mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni nqatgħulhom il-benefiċċju tal-mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Għajnuna għall-Mard, ninformaħ li n-numru ta' persuni li għal xi raġuni jew oħra twaqqfitilhom l-Għajnuna għall-Mard mill-bidu ta' din is-sena sa l-aħħar ta' April hu ta' 539. Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll, li d-dritt għall-Għajnuna għall-Mard li titħallas taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, jiddependi fost ħwejjeġ oħra, fuq it-test tal-meżżi u fuq tibdil fiċ-ċirkostanzi tal-familja bħal per eżempju: a) mewt b) wirt c) żidied fir-riżorsi kapitali d) dħul f'xi sptar statali, jew e) tibdil fin-numru tal-membri tal-familja tal-benefiċċjarju konċernat Tibdil f'xi waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi tista' taffettwa d-dritt ta' persuna għal din l-Għajnuna.

SVPR — Dar Ta' l-Anzjani ta' Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jekk huwiex possibbli li anzjana ta' 82 sena li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħat separatament li qed tistenna li tidħol f'SVPR tiġi ikkunsidrata li tidħol fid-dar ta' Bormla fejn għandha wkoll applikazzjoni biex tidħol peress li hija kapaċi tmexxi waħidha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntattjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.