Tista' il-Ministru tgħid xi strateġija kellu l-gvern tul dawn l-aħħar 20 sena biex jassigura s-sostenibbilta' ta' l-iskema nazzjonali tal-pensjonijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 18385 u 18386 f'din l-istess Seduta.
Tista' il-Ministru tgħid jekk mill-fond li jinġabar permezz tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurta' soċjali hux qed jiġu utilizzati fondi għall-iskema tas-saħħa, pensjonijiet mhux kontributorji u benefiċċji soċjali u kemm mill-fond huwa allokat għal xi qasam imsemmi jew oqsma oħra li mhux imsemmija f'din il-mistoqsija?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18386 f'din l-istess Seduta.
Tista' il-Ministru tindaga u tgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mhijiex tiġi mogħtija l-attenzjoni u l-għajnuna neċessarja avolja huwa każ li jimmerita attenzjoni u għajnuna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-għajnuna li qed tistenna li tirċievi l-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant hi s-sussidju li kienet tieħu fuq kera tal-post mikri mill-privat, ninsab infurmata li tard is-sena l-oħra din il-persuna kienet infurmat lill-Awtorita' tad-Djar li kienet telqet mill-post li kienet qed tieħu s-sussidju fuqu u marret toqgħod ma' persuna oħra f'appartament tal-Gvern.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex anzjana minn Bormla u li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, armla u li għandha żewġt itfal xebbiet jgħixu magħha qed jiġu mċaħħda u diskriminati milli japplikaw għal post alternattiv quddiem id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali? X'rimedju qed joffri l-ministeru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali altru li mhux jiddiskrimina kontra jew jiċħad lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant milli tapplika. Tant hu hekk, li d-Dipartiment ipprova diversi drabi jikkuntattja lil din il-persuna dwar il-każ, iżda b'riżultat negattiv.
Għalhekk, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lil din il-persuna biex tavviċina t-Taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment.
Tista' il-Ministru tgħid x'rimedju qed joffri d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għal mara separata b'żewġt itfal li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minn Birżebbuga li għandha 235 points u tgħix f'garage b'daqs ta' karozza waħda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Tista' il-Ministru tara li l-Awtorita' tad-Djar tieħu l-passi neċessarji biex mara li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix bir-relief f'post substandard tibbenifika mis-servizz tal-care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma għandha ebda applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata wkoll li, madankollu, l-Awtorita' ħadet nota tad-dettalji provduti u ser tispezzjona l-fond biex tivverifika jekk hux il-każ li din il-persuna tibbenefika taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
Tista' il-Ministru tara li persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minn tal-Ħawli, Birgu tibbenefika minn servizz tal-care and repair ta' l-Awtorita' tad-Djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma għandha ebda applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata wkoll li, madankollu, l-Awtorita' ħadet nota tad-dettalji provduti u ser tispezzjona l-fond biex tivverifika jekk hux il-każ li din il-persuna tibbenefika taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
Tista' il-Ministru tgħid x'possibbilta' għandha mara separata b'tifel li tgħix f'kamra tas-sodda waħda u li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex tieħu post alternattiv mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex koppja anzjana li l-ewwel qalulha li approvawlha s-sussidju u wara qalulha li ma ġiex approvat, tara jekk dan kienx żball? Dokumenti relattivi qed jintbagħtu separatament.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li permezz ta’ ittra bid-data tat-18 ta’ Jannar 2006, l-Awtorita’ tad-Djar infurmat lill-koppja li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant, li l-applikazzjoni tagħhom kienet għad qed tiġi mistħarrġa u li, skond l-informazzjoni mogħtija mill-koppja, kien jidher li tikkwalifika għal sussidju fuq xogħlijiet ta’ rranġar u titjib taħt Skema Z. F’din l-ittra kien hemm ċar li dan ma kienx ifisser li b’xi mod l-Awtorita’ kienet qed tintrabat li l-koppja kienet ser tingħata xi sussidju qabel ma jsiru l-verifiki meħtieġa u l-applikazzjoni tiġi approvata.
Ninsab infurmata wkoll li, fil-fatt, mill-istħarriġ sussegwenti rriżulta li l-assi ta’ din il-koppja kienu jammontaw għal aktar milli tippermetti din l-iskema u għalhekk l-applikazzjoni ġiet rifjutata. Il-koppja ġiet infurmata b’dan permezz ta’ ittra li ġġib id-data tas-17 ta’ Marzu 2006.
Peress li diversi residenti f'Santa Luċija li kienu joqogħdu ġewwa postijiet tal-gvern b'kera xi snin ilu ġew mogħtija l-possibbilta' li jixtru l-proprjeta' tagħhom iżda minkejja li saru l-kuntratti u dawn in-nies saru proprjetarji ta' djarhom il-kuntratti tagħhom ma' l-Awtorita' tad-Djar ġew iffriżati u l-ispejjeż legali tal-kuntratti għadhom ma tħallsux, tista' il-Ministru tgħid meta l-gvern beħsiebu jirrimedja dan l-inkonvenjent?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar ma tistax tiffinalizza kuntratti ta’ bejgħ ta’ postijiet qabel ma jiġi trasferit fuqha mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet it-titolu legali ta’ l-art li fuqhom ikunu mibnija dawn il-postijiet. Ninsab infurmata li t-trasferiment ta’ l-art dwar il-postijiet indikati mill-Onor Interpellant għadu ma sarx u għalhekk l-Awtorita’ tad-Djar ma tistax tiffinalizza l-kuntratti tal-bejgħ.
Tista' il-Ministru tgħid jekk l-għalqa triangolari li hemm fit-tarf ta' Triq Pawlu Grech, l-Iklin, liema għalqa għandha naħa tmiss ma' Dun Karm bypass u naha oħra ma' Triq Erin Serracino Inglott, hijiex proprjeta' tal-gvern jew tal-privat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Peress li l-art indikata mill-Onor. Interpellant ma jirriżultax li hi proprjeta' ta' l-Awtorita' tad-Djar nitolbu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm avukati/nutara impjegati full-time jew part-time mal-ministeru u l-enti li jaqgħu taħtha? Tista' tgħid f'liema dipartiment jew enti jaħdmu u x'inhu x-xogħol tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid fil-każ tal-housing department u l-Awtorita' tad-Djar jekk dawn għandhomx nutara biex jippubblikaw il-kuntratti tal-housing u/jew ta' l-Awtorita' tad-Djar? Tista' tgħid jekk għall-pubblikazzjoni tal-kuntratti l-ministeru u/jew enti li jaqgħu taħtha jagħmlux użu minn servizzi ta' nutara speċifiċi jew huwa x-xerrej li jagħżel in-nutar tiegħu kif hi l-prassi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar għandha żewġ nutara mpjegati magħha fuq bażi ta' kuntratt u li l-klijenti ta' l-Awtorita' jingħataw l-għażla li jużaw is-servizzi ta' dawn in-nutara jew tan-nutar privat tagħhom.
Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandu ebda nutar impjegat miegħu.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni fit-tromba tat-taraġ ta' Blk D, Door 4, flat no. 8, Għajn Qajjed, Rabat għadhom ma sarux?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar jagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni, inkluż ix-xogħol ta’ tibjid ta’ trombi tat-taraġ fi blokki tal-Gvern, fid-dawl tal-prijoritajiet u r-riżorsi disponibbli.
Ninsab infurmata li skond il-programm ta’ xogħlijiet mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar, ix-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant mistenni jsir is-sena d-dieħla.
Tista' il-Ministru tara x'ġara mill-manutenzjoni fil-gallerija ta' Flat 8, Blk D, Door 4, Housing Estate Għajn Qajjed, Rabat? Meta se jsiru x-xogħlijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant hu responsabbilta’ ta’ l-inkwilin. Fil-fatt l-inkwilin ġie nfurmat b’dan mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar ftit xhur ilu.
Jista' il-gvern jagħmel ix-xogħol ta' manutenzjoni u tiswijiet meħtieġa fi djar tal-gvern fi Triq William H Prescott, San Ġiljan għax ix-xogħol li sar fuqhom sar minn ġewwa biss u huwa għalxejn għax l-ilma jibqa' dieħel mill-ħsarat li hemm minn barra u fuq il-bjut?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt l-ilment ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar biex jispezzjona l-post indikat u jivverifika x’hemm bżonn isir biex jindirizza l-problema.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Post alternattiv
Question
Tista' il-Ministru tgħid għaliex familja ta' ħamsa miż-Żurrieq li għandhom applikazzjoni quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali għal post alternattiv u apparti li d-dipartiment diġa' informahom illi l-applikazzjoni tagħhom qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili, x'rimedju qed joffri l-ministeru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
F’dan l-istadju l-Ministeru ma għandu xejn xi jżid ma’ dak li ġie komunikat lill-applikanti mid-Dipartiment, kif indikat mill-Onor. Interpellant.
Tista' il-Ministru tara li koppja anzjana mill-Birgu li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jibbenefikaw mis-servizz tal-care & repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar ma għandha ebda applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata wkoll li, madankollu, l-Awtorita’ ħadet nota tad-dettalji provduti u ser tispezzjona l-fond biex tivverifika jekk hux il-każ li din il-persuna tibbenefika taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
Tista' il-Ministru tara li persuna marida u bla xogħol li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jibbenefika mis-servizz tal-care & repair ta' l-awtorita' tad-djar, biex tiniddel il-kamra tal-banju tal-fond tal-gvern li jinsab f'Ħaż-Żabbar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar ma għandha ebda applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata wkoll li, madankollu, l-Awtorita’ ħadet nota tad-dettalji provduti u ser tispezzjona l-fond biex tivverifika jekk hux il-każ li din il-persuna tibbenefika taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.
Tista' il-Ministru tgħid x'passi se jieħu l-ministeru tagħha rigward każ ta' mara li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minn Sta Venera li tkeċċiet bil-qorti mill-fond tagħha u qed tiġi mċaħħda milli tapplika għall-post alternattiv mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-applikazzjoni tal-persuna ndikata ma ġietx aċċettata għax ma kelliex ir-rekwiżiti meħtieġa stabbiliti mid-Dipartiment sabiex l-applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva tiġi milqugħa.