Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tintervjeni biex tara jekk blokk kbir bini li hemm fi Triq Gwiedi, Żejtun u li jagħti għal Triq l-Ispirtu Santu hux qed isegwi l-kundizzjonijiet imposti meta ngħata l-permess għaliex dan is-sit hu żdingat, ilu hekk għall-madwar ħames snin u sar dumping site għall-imbarazz?
Possibbli ssir inspection fl-inħawi u fit-toroq ta' madwar (inkluż Triq il-Gwiedi, Żejtun) għaliex dawn it-toroq spiċċaw kollha ħmieġ w anki hemm periklu għat-tfal għaliex boundary wall li kien sar qed jaqa' bir-riskju li jista' jaqa' xi ħadd għall-isfel?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara spezzjoni li saret mill-uffiċjali ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar fil-post indikat mill-Onor. Interpellant, jirriżulta li kien hemm parti mill-bini mhux skond il-pjanti approvati, u li mhux qed jiġu osservati xi kundizzjonijiet mill-permess.
Dawn huma:
1. Minflok pjan terran li jiġi fi 'Triq Santu Spirtu', nbnew garaxxijiet.
2. Il-boundary wall (hoarding) li qiegħed idawwar is-sit irid ikun żewġ metri mhux 4/3 filati.
3. Fejn hemm il-materjal huwa maħsub li ikun hemm landscape area. Dwar din ukoll hemm kundizzjoni speċifika fil-permess.
Ninsab infurmat ukoll li ġew ikkuntatjati kemm il-perit responsabbli mix-xogħlijiet kif ukoll is-sid, u dawn lesti jirregolaw il-pożizzjoni.
Jista' l-Ministu jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu re-instated xi pulizija li kienu telqu? Kemm hemm ex-pulizija li kienu telqu u talbu li jiġu re-instated? Kemm minn dawn ilhom li telqu aktar min sentejn, aktar minn tlett snin, aktar minn ħames snin w aktar minn 10 snin? Kemm minnhom huma ex-pulizija nisa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa għaddejjin proċeduri sabiex ex-membri tal-Korp li jitqiesu bħala 'asset' għal Korp tal-Pulizija jiġu reinstated.
Bħalissa hemm 62 persuna li għamlu talba sabiex jerġgħu jidħlu lura fil-Korp. Iż-żmien illi dawn ilhom li telqu mill-Korp hu kif jidher hawn taħt:-
Ilhom li telqu
Irġiel
Nisa
Sena
Xejn
1
Sentejn
7
Xejn
Tlett snin
12
1
Ħames snin
17
4
Għaxar snin
20
Xejn
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jieħdu l-appointment it-Trainee Correctional Officers li daħlu fl-1 ta' Ġunju 2000 u issa skadielhom il-perjodu ta' sitt xhur ta' taħriġ skond ma kien indikat fil-Gazzetta tal-Gvern?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-rakkomandazzjonijiet dwar l-ingaġġ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, li saru minn Selection Board maħtur mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, qegħdin għall-approvazzjoni ta` l-istess Kummissjoni skond proċeduri stabbiliti.
B'referenza għad-domanda parlamentari numru 15284 u dawk preċedenti, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba kienx hemm żvilupp pożittiv għal dak li għandu x'jaqsam mal-Fortizza ta' San Anard, x-Xgħajra u din tistax tiġi lura f'idejn id-dipartiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda żvilupp dwar il-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.
B'referenza għad-domanda parlamentari nru. 15283 u l-oħra preċedenti, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba hemmx l-probabbilita' li l-post storiku magħruf bħala Lower St Elmo fil-Belt Valletta jittieħed lura mid-dipartiment konċernat sabiex almenu jkun miftuħ huwa wkoll għall-pubbliku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda żvilupp dwar il-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant u ma jidhirx li jista` jkun hemm żvilupp qabel ma jinstab post alternattiv għal dawk li jaħdmu l-karrijiet tal-karnival f`dan il-post.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm flus tħallsu f'kumpens għall-esproprijazzjonijiet tul is-sena 2000. i.e. sal 31 ta' Diċembru u jistax ukoll jiġi indikat f'liema snin l-artijiet imsemmija ġew effettivament meħuda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 2000 u l-31 ta` Diċembru 2000 is-somma totali li tħallset għall-proprjeta` li ġiet esproprjata kienet ta` ħames miljuni, mitejn u sitta u tmenin elf, tmien mija u tlieta u sittin Lira Maltija (Lm5,286,863.00).
Din il-proprjeta` ittieħdet fis-snin indikati ma` kull kuntratt li sar fis-sena 2000, kif inhu indikat fuq il-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid (i) kemm hemm uffiċjali tal-Pulizija li ħadmu fit-Taqsima ta' l-Immigrazzjoni tal-MIA u tas-Seaport? (ii) Kemm hemm pajżana jaħdmu fl-istess Taqsima fil-MIA u fis-Seaport? (iii) Għal kull wieħed min dawn, kemm ilhom jaħdmu f'dawn it-taqsimiet? (iv) X'sistema ta' xogħol jaħdmu bix-shift jew bil-ġurnata? (v) min hija l-persuna inkarigata mid-detailing ta' l-impjegati, uffiċjal tal-Pulizija jew pajzan? (vi) Kull meta jsir id-detailing ta' l-impjegati? (vii) Min hija l-persuna li f'isem il-Principal Immigration Officer tkun delegata bil-poter li taċċetta u ma taċċettax dħul ta' passiggieri fil-MIA u fis-Seaport? (viii) Din il-persuna tkun dejjem preżenti fil-MIA u fis-Seaport matul il-ġurnata u matul il-lejl?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fit-Taqsima ta` l-Immigrazzjoni tal-M.I.A. hemm stazzjonati 23 membru tal-Korp tal-Pulizija u 71 pajżana, filwaqt li fis-Seaport ma hemmx pajżana u hemm 13-il membru tal-Korp. Kien hemm 45 Immigration Officers li ngħataw din il-kariga f`Jannar 1998 u 18 oħra bejn Mejju u Ġunju 1999. Kien hemm ukoll 8 Assitant Immigration Officers li ngħataw il-kariga f`Ottubru 1998. Dawn jaħdmu bix-xift u jkunu dettaljati għax-xogħol fuq roster ta` day, night, rest u off, liema detail issir kuljum mid-detail officer li huwa membru tal-Korp. Kull uffiċjal tal-Immigrazzjoni, kemm jekk huwa membru tal-Korp tal-Pulizija, kif ukoll jekk huwa uffiċjal pajżan, huwa delegat f`isem il-Principal Immigration Officer bil-poter li jaċċetta jew ma jaċċettax dħul ta` passiġġieri li jaslu Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati bejn l-1 ta' Jannar, 2000 u l-31 ta' Diċembru, 2000? Jista' l-Ministru jikklassifika r-reati?
Response (BORG, TONIO)
Rigward it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għall-perijodu bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Ottubru 2000, nirreferih għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21631.
Għall-kumplament tas-sena 2000, ċioe` f`Novembru u Diċembru, ninsab infurmat li ġew irrapurtati lill-Pulizija 2,449 reat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mwettaq serq bejn l-1 ta' Jannar, 2000 u l-31 ta' Diċembru, 2000? Jista' l-Ministru jikklassifika s-serq?
Response (BORG, TONIO)
Rigward it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għall-perijodu bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Ottubru 2000, nirreferih għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 19988 u Nru. 20941.
Għall-kumplament tas-sena 2000, ċioe` f`Novembru u Diċembru, ninsab infurmat li n-numru ta` serqiet li ġew irrappurtati lill-Pulizija kien ta` 1,469.
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2001 humiex ser jogħlew ir-rati tat-Trading Licences tal-Pulizija? Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2001 negozji u/jew professjonijiet li sal-lum ma jħallsux liċenzji, ser ikollhom jibdew iħallsu għal-liċenzji wkoll?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa għadu għaddej l-eżerċizzju sabiex ikunu devoluti l-liċenzji ta` negozju li jinħarġu mill-Pulizija. Il-ħsieb wara dan l-eżerċizzju mhux sabiex ikun hemm xi żieda fir-rati, iżda sabiex dawn il-pulizija jkunu jistgħu jikkonċentraw l-attenzjoni u l-attivitajiet tagħhom fuq xogħol purament relatat mall-Korp.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi dixxiplinari ttieħdu fil-konfront ta' uffiċjal tal-SRT fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li matul is-sick leave tiegħu inqabad jilgħab id-darts fuq l-iscreens tat-TV tas-Super 1?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li saru l-investigazzjonijiet meħtieġa u l-każ kontra l-uffiċjal imsemmi mistenni li jiġi deċiż aktar tard dan ix-xahar.
Wara x-xogħol li sar mill-Ministeru għall-Ambjent biex tkun livellata u msewwija Triq il-Wied ta' l-Imsida, B'Kara, quddiem is-showroom ta' Pisano Bros Car Dealers, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li z-zona ta' quddiem din ix-showroom ġiet riservata għall-użu kummerċjali ta' l-istess showroom, bħala parking area, u dan b'detriment għar-residenti l-oħra tat-triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din il-parti tas-service road li qiegħed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant mhix riservata, u l-Pulizija qed tieħu passi sabiex ma jkunx hemm ostakolu.
Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-ewwel ħdax(11) il-xahar, kemm il-membru tal-Korp tal-Pulizija ittella' quddiem il-kummissarju minħabba xi ksur tal-kodiċi tal-Pulizija?
X'kienu l-akkużi prinċipali?
X'kien ir-rank ta' dawk li ġew akkużati quddiem il-kummissarju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-ewwel ħdax-il xahar ta` din is-sena, kien hemm 169 membru tal-Korp tal-Pulizija li dehru quddiem il-Kummissarju. Dawn kienu fir-rank ta` Surġent Maġġur, Surġent u Kuntistabbli. L-akkużi kontra dawn il-membri tal-Korp kienu jinkludu diżubbidjenza ta` ordnijiet; traskuraġni ta` xogħol; telf ta` riputazzjoni; assenza bla permess; simulazzjoni ta` mard; nuqqas ta` ndafa; eżerċizzju mhux leġittmu; ħsara; falzita` jew tgħawwiġ ta` fatti; kondotta nsubordinata jew oppressiva; dħul f`postijiet liċenzjati skond il-liġijiet dwar l-għoti ta` liċenzji għal xorb spirituż; ksur ta` fiduċja; kondotta ta` preġudizzju għal bon ordni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien daħħal flus il-gvern min kirjiet ta' artijiet tal-gvern is-sena l-oħra u kemm huwa maħsub illi se jdaħħal wara li issa il-kirjiet għolew?
Response (BORG, TONIO)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jispeċifika għal liema art qed jirreferi peress li ma kien hemm l-ebda żieda fil-kirjiet eżistenti, ħlief, għal dawk li għolew skond xi kundizzjoni li kellhom fil-kuntratt oriġinali.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'tip ta' kuntrabandu kienu s-26 każi ta' kuntrabandu rapportati lill-Pulizija din is-sena skond il-mistoqsija parlamentari nru. 21066?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każi msemmija fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21066, kienu jinkludu apparat elettroniku, għamara, munizjon, sigaretti, żraben, ħwejjeġ, jewellery, għaġin u vettura.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl tal-problemi imsemmija fil-file no. 293/92/11 u l-file 117/76, b'riferenza għal raba' li tinħadem u għammiela u bi żball inħarġet bħala sit għall-ikkampjar, jista' ġentilment jara li tinstab soluzzjoni sabiex din ir-raba'għammiela ma tinqeridx u tkompli tinħadem mill-bdiewa tal-familja konċernata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ma sar l-ebda żball meta l-Gvern ħareġ is-sit in kwistjoni bl-offerti għal ikkampjar għaliex meta sar dan, l-art ma kienetx tinħadem. Kien biss wara li nħarġu l-offerti li terzi persuni abbużivament daħlu fuq l-art in kwistjoni u bdew jaħdmuha.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21359?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn spezzjonijiet li għamlet il-Pulizija fil-lokal imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, ġew identifikati żewġ vetturi abbandunati. Il-Pulizija ser tieħu l-passi meħtieġa sabiex dawn jitneħħew.
Jista' l-Ministru jinfurmani bl-aħħar żviluppi tal-mistoqsijiet tiegħi dwar l-applikazzjoni u l-pożizzjoni tar-Range tal-Plattini tal-Għaqda Kaċċaturi u Nassaba Konservazzjonisti tal-Mellieħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni PA 4430/98 li kienet sottomessa mill-Għaqda Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti Mellieħa ġiet rifjutata fit-30 ta` Awissu 2000. Saret talba għal rikonsiderazzjoni tad-deċiżjoni u din ser tinstema` quddiem il-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp fl-20 ta` Diċembru 2000.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 21269, ta' min huma t-3 applikazzjonijiet li hemm għal-lukandi fil-Mellieħa?
Min huma l-persuni / kumpaniji li ssottomettew l-applikazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:-
Site at Tas-Sellum - Mr. George Fenech obo Easysell Properties
Solemar Hotel - Mr. Charles Polidano
Seabank Hotel - Mr. Silvio Debono obo Seabank Hotel
Ninsab infurmat ukoll illi ma` dawn it-tlieta hemm applikazzjoni oħra tal-Costa del Sol ta` Mr. Twanny Curmi li ġiet riferuta lura lill-Awtorita` mill-Bord ta` l-Appelli.