B'riferenza għal mistoqsija 34044, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji dwar in-numru ta' tenders imsemmija taħt żgħażagħ u sport, jiġifieri liema kienu dawn it-tenders u kemm hu l-ammont ta' flus li dan it-tender ġie aġġudikat?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li d-dettalji tat-tenders huma kif ġej:
Sports Hall ta' l-Universita`
1) Kostruzzjoni ta' saqaf LM 169,000
2) Xogħol u Servizzi ta' Inġinerija Elettrika LM 71,600
3) Tqegħid ta' subfloor LM 40,677
4) Tqegħid ta' Timber Sports Floor LM 73,245
5) Tqegħid ta' madum LM 29,330
6) Surface Water Drainage LM 16,000
7) Xogħol ta' plumbing/drainage LM 25,000
8) Xogħol ta' rendering/plastering LM 13,830
9) Seating LM 8,527
10) Xogħolijiet esterni (l-ewwel fażi) LM 18,425
11) Xogħolijiet esterni (it-tieni fażi) LM 14,500
12) Xogħol tta' resurfacing fuq barra LM 10,595
Infurmat ukoll li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport qed iħallas għat-tenders numri 1, 3, 5, 9 u 11. L-oħrajn se jitħallsu mill-Universita`.
Kumpless Sportiv tal-Marsa
1) Xogħol ta' piling LM 62,987
Kumpless Sportiv tal-Kottonera
1) Xogħol ta' kostruzzjoni LM 1,092,640
2) Xogħol ta' servizzi LM 346,737
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu dwar dawk l-istudenti li minn form 1 tas-sekondarji ġenerali għamlu l-eżamijiet għad-dħul fil-form II tal-junior lyceum, u studenti simili li mis-sekondarja għamlu l-eżamijiet għad-dħul fi klassi superjuri tal-junior lyceum? Kif se jiġu assessjati dawn l-istudenti dwar l-eżamijiet li għamlu? X'se jsir minnhom għas-sena li ġejja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-eżamijiet għad-dħul mit-Tieni sal-Ħames Sena tal-Junior Lyceum saru f'Ġunju li għadda u l-istudenti li qagħdu għalihom se jiġu assessjati fuq ir-riżultati ta' dawn l-istess eżamijiet. Bħalissa dawn ir-riżultati qed jiġu proċessati.
B'riferenza għal mistoqsija 32508 (Bħala Ministru responsabbli mill-isports, x'għajnuna qed tingħata lill-għaqdiet varji biex jiżguraw li ma jkunx hemm min jieħu droga fl-isport?), jista' l-Ministru jgħid kemm tissarraf fi flus din l-għajnuna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għajnuna li ġiet mgħoddija lill-Kummissjoni Regatta tammonta għal LM300, filwaqt li dik li għaddiet lill-Malta Football Association kienet ta' LM4,000. Dawn il-flus jiġu mgħoddija lill-Assoċjazzjonijiet wara li jiġu preżentati r-riċevuti u dan l-ammont se jitħallas fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi eżerċizzju dwar kemm hu maħsub li jkun hemm bżonn ta' ħaddiema fil-kunsill nazzjonali għall-isport, hekk kif ser jitwaqqaf bil-liġi ta' l-isport? Jekk iva, jista' jagħti breakdown tal-lista ta' ħaddiema meħtieġa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa għadu ma ġiex stabbilit kemm hu maħsub li jkun hemm bżonn ħaddiema fil-Kunsill Nazzjonali għall-Isport li ser jitwaqqaf bil-liġi l-ġdida.
Jista' l-Ministru jgħid kif żviluppaw s'issa r-relazzjonijiet bejn iċ-ċentru Nazzjonali tar-restawr u l-Istituto centrale del restauro ta' Ruma? X'inhuma r-relazzjonijiet preżenti? Kif hu mfassal li se jiżviluppaw fil-futur?
Response (GALEA, LOUIS)
Iċ-Ċentru Malti għar-Restawr avviċina l-Istituto Centrale per il Restauro(ICR) ta’ Ruma f’Mejju ta’ l-1999, ftit jiem biss wara t-twaqqif taċ-Ċentru bi proposta għal ftehim ta’ kollaborazzjoni. Dan il-ftehim ġie ffirmat nhar it-3 ta’ Mejju 2000 u kien, skond ix-xewqat ta’ l-ICR, validu għal tul il-ħajja tar-raba’ Protocol Finanzjarju ta’ bejn Malta u l-Italja. Dan il-ftehim formali skada f’Diċembru 2000 flimkien mar-raba’ Protocol. In-naħa Maltija proponiet tiġdid tal-ftehim formali iżda dan ma seħħx peress li l-ICR dejjem esprima preferenza li kwalunkwe ftehim isir fil-kwadru tal-ħames Protocol ta’ bejn Malta u l’Italja, liema Protocol għadu mhux finalizzat.
Fil-bidu ta’ din is-sena, iċ-Ċentru Malti għar-Restawr ikkonferma lill-Gvern Malti li jixtieq ikompli jikkolabora ma’ l-ICR iżda f’ambitu ta’ kollaborazzjoni aktar wiesgħa ma’ entitajiet oħra Taljani. Fil-fatt, fil-ġejjieni qarib mistennija jiġu mħabbra il-ftehim formali bejn iċ-Ċentru Malti u mill-anqas żewġ istituzzjonijiet nazzjonali Taljani involuti fit-taħriġ u r-riċerka fil-kamp tar-Restawr.
B'riferenza għal mistoqsija 23379, jista' l-Ministru jgħid x'ġara u fiex jinsabu l-affarijiet fil-preżent, fir-rigward ta' claim li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament qed jagħmel lill-Pixxina Nazzjonali? Jista' jgħid ukoll jekk l-istess persuna hux qed jagħmel xi claims oħra lill-gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan il-każ għadu sub judice.
Informat ukoll li ma saret l-ebda claim oħra mill-persuna konċernata.
Jista' l-Ministru jaġġorna mistoqsija 32678 (Jista' jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapurtati mill-ministeru u/jew dipartimenti, korporazzjonijiet eċċ, li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru bejn Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? X'valur, x'oġġetti eċċ, ġew misruqa? X'passi ittieħdu? Jista' jinfurmani ukoll bin-numru ta' serqiet li saru matul is-sena li għaddiet 2001) għall-ewwel 6 xhur tas-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema postijiet u ħatriet fid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni ntlew s'issa tul is-sena 2002? F'kull każ, min intgħażel biex jimla dawn il-postijiet? F'kull każ, min applika biex jimla dawn il-postijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed inpoġġi l-lista bl-ismijiet u l-ħatriet li mtlew s'issa matul din is-sena 2002 fuq il-Mejda tal-Kamra. Inħoss li l-ismijiet ta' l-applikanti sabiex jimtlew dawn il-postijiet għandhom jibqgħu kunfidenzjali.
Infurmat li f'din il-lista mhux qed ikunu nklużi l-għalliema li għalkemm l-ittra tal-ħatra ingħatatilhom din is-sena, il-postijiet imtlew u l-ħatriet kienu b'seħħ minn Settembru - Ottubru 2001.
Infurmat ukoll li ma din il-lista mhumiex inklużi l-ħatriet ta' Activity Teachers peress li għalkemm dawn huma approvati diġa`, il-ħatra tagħhom se tkun b'seħħ mill-bidu tas-sena skolastika li ġejja.
Jista' l-Ministru jgħid liema studenti u f'liema istituti tal-MCAST qed jintalbu jsibu sponsors għall-istudji tagħhom? Meta ġew mgħarrfa l-istudenti li jridu jsibu sponsors? Kemm ingħataw żmien biex isibu sponsors? X'jiġri jekk ma jsibux sponsors? X'għajnuna qed jingħata mill-MCAST biex l-istudenti jsibu sponsors?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li dawk l-istudenti li jintalbu jsibu sponsor huma dawk l-istudenti li jaqgħu taħt l-iskemi tat-TAS u ta' l-ESTS. Dawn l-istudenti jattendu l-Istitut ta' l-Inġinerija tal-bini u tal-Kostruzzjoni, l-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn u l-Istitut ta' l-Inġinerija Elettronika.
Infurmat ukoll li l-istudenti ġew mgħarrfa li jridu jsibu sponsor meta rċevew id-dar il-Prospectus ta' l-MCAST kif ukoll fil-laqgħat ta' informazzjoni li saru għall-ġenituri. Tagħrif simili jingħata miċ-ċentru ta' Informazzjoni u Appoġġ ta' l-MCAST li huwa miftuħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Saret ukoll laqgħa mill-ETC biex tinforma lill-istudenti u l-ġenituri tagħhom dwar l-isponsors. Il-maġġor parti ta' l-istudenti jaqgħu taħt waħda mill-iskemi ta' l-apprendistat li huma Extended Skills Training Scheme u Technician Apprenticeship Scheme u huma għaldaqstant apprendisti. Dawn iż-żewġ skemi huma responsabbilita` tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ. Waħda mill-funzjonijiet tal-Korporazzjoni hija li tgħin lil dawn l-apprendisti jsibu sponsors, madanakollu jekk l-apprendist jieħu l-inizjattiva u jfittex sponsor din l-inizjattiva ma titwaqqafx. Pero l-isponsor misjub mill-apprendist xorta jkollu bżonn l-approvazzjoni tal-Korporazzjoni.
Infurmat ukoll li ż-żmien li jingħataw l-apprendisti sabiex isibu sponsor jiġi stipulat mill-ETC.
Fil-passat jekk l-istudent ma jsibx sponsor l-apprendistat tiegħu jiġi mwaqqaf. Madanakollu din is-sena il-Bord tal-Gvernaturi ta' l-MCAST ħa deċiżjoni li dawk l-istudenti li ma jinstabilhomx sponsor jingħataw l-opportunita li jkomplu l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom fil-laboratorji u l-ħwienet ta' taħriġ tal-Kulleġġ.
Fl-aħħarnett infurmat li għalkemm mhix ir-responsabbilta ta' l-MCAST iżda ta' ETC li tgħin lill-istudenti jsibu sponsor, fl-istituti ta' l-MCAST isir ħafna xogħol sabiex jgħinu lill-istudenti jsibu dawn l-isponsors.
B'riferenza għall-mistoqsija 17338, jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni aġġornata sal-preżent, jista' jgħid liema huma dawk l-għaqdiet, clubs, jew organizzazzjonijiet li għandhom premises fil-kumpless tal-pixxina nazzjonali? Fuq liema kriterji ngħataw u kemm hu l-ħlas dovut f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma tal-Malta racing club matul dan l-istaġun? Jista' jagħti rendikont tald-dħul u nfieq ta' l-istess club?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħidma prinċipali tal-Malta Racing Club Committee kienet immirata biex jitwettqu proġetti infrastrutturali u oħrajn ta' rutina ġenerali u amministrattiva permezz tal-ħidma tal-Kumitat Eżekuttiv flimkien u bl-għajnuna tal-ħaddiema tal-Club, wara l-approvazzjoni tal-Bord ta' Tmexxija. Dan biex tkompli tiżdied il-popolarita` tat-tiġrijiet taż-żwiemel, bl-iskop li t-tmexxija tal-korsa tkun waħda sostenibbli għas-sodisfazzjon ta' kulħadd.
B'riferenza għat-tieni parti tal-Mistoqsija ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-Audited Accounts għas-sena finanzjarja li għalqet fit-30 ta' Ġunju 2001. Ir-riżultati kif riflessi f'dawn l-Audited Accounts juru titjib finanzjarju sostanzjali li ġie reġistrat wara l-ħatra tal-kumitat il-ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid kif u fuq liema kriterji jitqassam ix-xogħol tat-trasport tat-tfal ta' l-iskejjel? Lil min ġie allokat ix-xogħol ta' trasport għal outings, sports day u l-ġimgħa tal-karrieri? Jista' jagħti lista ta' min ingħata x-xogħol matul l-2001 u matul is-sena 2002 (sa 1 ta' Lulju 2002)?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li x-xogħol tat-trasport tat-tfal ta' l-iskola jitqassam, kif dejjem ingħata kull sena, lit-tliet uffiċċji, l-Għaqda tal-Mini Buses, ix-Scheduled Bus Service u l-Unscheduled Bus Service, kemm jista' jkun viċin ta' dak tas-snin ta' qabel.L-iSports Day, kemm fl-2001 u kemm fl-2002 ingħatat lil Unscheduled Bus Service li għandhom vetturi kbar minħabba n-numru kbir ta' tfal li jattendu għal din l-attivita`.
Informat ukoll li kull skola tiddeċiedi hi lil min tqabbad għal Outings u waqt il-Ġimgħa tal-Karrieri.
Jista' l-Ministru jara li jintbagħat social worker lil tifel ta' 14-il sena li l-partikolaritajiet qed jintbagħtu separatament minħabba l-problema li għandu dwar l-iskola? L-attenzjoni lil dan it-tifel hija bżonjuża peress li ġej minn broken family?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li l-iSchool Social Work Service ser jibgħat social worker għand il-familja biex tgħin bl-interventi tagħha kemm lit-tifel u lill-familja fejn ikun meħtieġ, speċjalment fuq problemi li qed jaffetwaw l-edukazzjoni tat-tifel.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra xi ħsarat saru fl-iskola primarja tal-Birgu ta' Santu Rokku u jekk dawn diġa ssewew, kemm ġew jiswew u x'irriżulta mill-investigazzjonjiet li saru sa issa fuq l-awtur/i ta' dawn il-ħsarat?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li l-ħsara li saret dan l-aħħar fl-iskola primarja Santu Rokku tal-Birgu ġiet irranġata mill-handyman ta' l-iskola u mill-mastrudaxxi tad-Diviżjoni bi spiża ta' LM300. L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
Infurmat ukoll li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada awtoriżżat lill-kumpanija Kalaxlokk sabiex ittella chainlink fence fuq in-naħa tal-ġnien sabiex l-iskola tkun imħarsa minn atti vandali fil-futur. Dan ix-xogżol stmat li jiswa jiswa madwar LM 2209.73.
B'riferenza għal mistoqsija 34078, jista' l-Ministru jgħid jekk sarux il-ħlasijiet dovuti? Jekk le, x'ser isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li l-ħlas dovut għas-servizzi ta' referees u l-affiliation fee għall-istaġun 2002/2003 ser isiru dalwaqt, wara li l-MESA tiġbor xi flus dovuti minn xi membri tagħha għal attivitajiet li saru matul l-istaġun li għadda.
B'riferenza għal mistoqsija 34438, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra ta' rakkommandazzjoni li jingħad li ntbagħtet f'Jannar'98? Jista' jiċħad jew jikkonferma li din l-imsemmija ittra ntbagħtet fil-fatt f'Mejju 1998 u mhux f'Jannar 1998 jew li din l-ittra ntbagħtet darbtejn jiġifieri f'Jannar u f'Mejju? Jista' jara hemmx żball fil-ħames isem fil-lista, li ħoloq vacancy peress li dan l-assistent kap ma rtirax mill-post li kien jokkupa qabel is-sena 2000? Ma jidhirlux li din l-ittra ta' rakkommandati kienet saret b'mod anomalu peress li fiha ġew rakkomandati biex jilħqu assistenti kapijiet ta' skola a) 3 għalliema li ġew posted to perform assistant head of school duties f'Settembru'97 u b) tnejn oħra li ġew posted f'Settembru'98 - u li l-ħamsa li huma ingħataw l-appointment f'22 ta' Mejju 1998. Secondment to juniour college, joħloq vacancy on the complement u iktar u aktar meta l-istess assistent kap ta' skola mar lura fuq dmirijietu mas-servizz pubbliku bħala assistent kap ta' l-iskola Paolino Vassallo xi żmien wara? Min mela l-vacancies in the school li nħolqu mit-tliet persuni li ismihom qed jintbagħat separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt infurmat li peress li l-verżjoni korretta ta' din il-Mistoqsija waslet f'dan il-Ministeru illum it-Tnejn 15 ta' Lulju 2002, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod il-fundazzjoni skejjel t'għada qed tagħti kuntratti biex isiru xogħlijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada ssegwi l-proċeduri ta' akkwist skond kif regolati bir-Regolamenti ta' l-1996 dwar Akkwisti li jsiru mis-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx statistika ta' kemm għandna biology teachers fil-livell sekondarju fl-iskejjel ta' l-istat, tal-knisja u tal-privat?
Response (GALEA, LOUIS)
Iva. Infurmat li in-numru ta' għalliema li jgħallmu l-Biology fil-livell sekondarju huwa kif ġej:
1) Skejjel ta' l-Istat 54
2) Skejjel tal-Knisja 38
3) Skejjel Indipendenti 9