Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq fir-raba

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'miżuri partikulari ttieħdu mill-Ministeru biex jiġi assigurat li l-aċċess għat-toroq fir-raba jiġi dejjem iktar imtejjeb? Liema kienu t-toroq li fil-fatt il-Ministeru rrakomanda li jiġu rranġati, taħt xi skema tal-Gvern, jew bil-għajnuna tal-Gvern? Kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu, u meta hu mistenni li fiżikament isir ix-xogħol li ġie rakkomandat li jsir?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Żviluppp ta' farms — talbiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma r-raħħala li għandhom it-talba tagħhom għas-sussidju fuq l-iżvilupp tal-farms tagħhom li għadha pendenti, għall-ħlas, minkejja li fil-fatt ix-xogħol rikjest diġà twettaq? Kemm hu l-ammont ta' flus li huma intitolati għalih dawn l-istess raħħala? Meta hu mistenni li dawn ir-raħħala jkunu jistgħu jingħataw il-flus approvati?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema sussidju fuq żvilupp tal-farms qed jagħmel referenza għalih.

Opri tal-Baħar tas-Sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm opri tal-baħar tas-sajjieda li fil-fatt ġew mneħħija mill-użu? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm ġiet tiswa l-operazzjoni biex dawn l-istess opri ma jibqgħux jintużaw mis-sajjieda? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li iktar bastimenti jitneħħew?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema perjodu qed jirreferi għalih.

prodotti ġodda — esperimenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema prodotti ġodda saru esperimenti fuqhom matul din is-sena, permezz ta' persuni li huma mpjegati fid-dipartiment li jaqgħu taħt il-Ministeru? Kemm minn dawn il-prodotti huma ġodda għall-istudju, u kemm minnhom huma b'kontinwazzjoni ma dak li qed isir qabel?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba simili għall-mistoqsija li qed issir issa ingħatat fit-Tweġiba Nru. 10318. Sadanittant l-Onor. Interpellant mill-ġdid huwa mitlub jispeċifika kemm il-prodott kif ukoll is-settur li għalihom qed jagħmel riferenza.

Ċentru tal-akwakultura — esperimenti fuq ħut

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fuq liema speċi ta' ħut qed isir studju/ esperimenti miċ-ċentru ta' l-akwakultura li għandna f'pajjiżna? Liema speċi huma ġodda għal l-istudju li qed isir fuqhom? Liema speċi saru studji s'issa fuqhom fil-passat, u liema hu mistenni li jinbeda l-istudju fuqhom matul ix-xhur li ġejjin? Għal dawk li huma speċi li diġa' saru esperimenti fuqhom, x'riżultat nkisbu s'issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fiċ-Ċentru ta’ Riċerka għall-Akwalkultura għaddej studju fuq diversi speċi ta’ħut, li huma: Awrat, Spnott, Gurbell, Sargi, Dentiċi, Aċċjol, Tonn, Ċeren, Rizzi u Ħjar tal-Baħar. Ninsab infurmat ukoll li minn dawn l-ispeċi msemmija, l-aħħar ħamsa huma kollha speċi ġodda li nbeda studju fuqhom. Peress li l-istudji fuq l-ispeċi msemmija għadu għaddej, m’hemmx pjan għall-immedjat li jinbdew studji/esperimenti fuq speċi oħra. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi d-diversi riżultati li qed jinkisbu minn dawn l-ispeċi li fuqhom qed isir l-istudju.

Wied il-Għajn — Taħdidiet dwar żvilupp ta’ grawnd tal-futbol

Question

B’referenza għall-artiklu fil-ġurnal The Times (Tenders for Family Park Comercialisation), jista’ l-Ministru jindika fiex waslu t-taħditiet bejn il-Gvern u Marsaskala FC dwar l-iżvliupp ta’ grawnd tal-futbol li jservi lill-komunità ta’ Wied il-Għajn?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-art fejn potenzjalment tista’ tintuża għall-proġett imsemmi kienet ġiet irranġata b’fondi Ewropej. Bħalissa għaddej proċess ta’ konsultazzjoni mal-Ministeru responsabbli mill-Fondi Ewropej, sabiex wieħed jara jekk il-proġett jistax jitkompla f’dan l-istadju u kif l-aħjar li dan isir.

Marsaxlokk — investiment għall-breakwater

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jimbarka fuq xi forma ta' investiment ġdid għal dak li jikkonċerna l-breakwater ta' Marsaxlokk? Jekk iva, x'inhu dan l-investiment u meta hemm il-ħsieb li jinbeda?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jispeċifika għal-liema breakwater qed jirreferi.

Naħal ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jipprova jassigura li n-naħal f'Malta ma jiġi effettwat mit-theddida ġdida li teqred in-naħal (u allura l-għasel Malti) minħabba l-importazzjoni ta' naħal li jista', fost l-oħrajn, jiġi minn Sqallija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-mard notifikabbli fl-annimali, inklużi dawk tan-naħal, huma regolati b’liġijiet stretti ħafna, sia fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell internazzjonali, li jimponu restrizzjonijiet fuq moviment kif ukoll miżuri oħra, fl-inħawi affettwati b’din il-marda l-ġdida tan-naħal magħrufa bħala Small Hive beetle. Din hija marda notifikabbli, u għaldaqstant naħal jistgħu jkunu suġġetti għall-kummerċ intra-kommunitarju hekk biss jekk huma jkunu konformi mal-ħtiġijiet tal-ariklu 8 tal-Council Directive 92/65/EEC, hekk kif amendata mill-Commission Implementing Decision 2012/112/EU, u liġijiet relatati lokali. Dan ifisser li ma jistgħux jiġu introdotti naħal minn żoni li huma suġġetti għal Prohibition Order, bħalma hi l-Isqallija bħalissa. Inżid ngħid ukoll li ħarget Stqarrija għall-Istampa fid-19 ta’ Novembru, mehmuża bħala Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, fejn il-pubbliku u dawk li jrabbu n-naħal ġew infurmati b’dan il-periklu u ġew imwissija biex jieħdu kull prekawzjon sabiex jipproteġu l-kaxex tan-naħal tagħhom. Fl-istess waqt ser tiżdied is-sorveljanza fuq min irabbi n-naħal b’spezzjonijiet mill-istaff tal-VPRD flimkien ma’ dawk tad-Dipartiment tal-Agrikoltura. B’dan il-mod, anke jekk dan l-insett jidħol Malta minn triq oħra, bħal mal-frott u mal-pjanti, il-preżenza tiegħu tiġi minnufih innutata u d-danni jiġu limitati.

Pitkalija — investiment

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-investiment li sar fil-Pitkalija matul l-aħħar tnax-il xahar? Fiex kien jikkonsisti dan l-istess investiment u minn min twettaq? X'tip ta' investiment ieħor hu mistenni li jsir fl-istess post matul is-sena li ġejja?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, tul dawn l-aħħar 12 –il xahar, l-investiment fil-Pitkalija kien ta’ madwar €150,000, fosthom għax-xiri ta’ kaxxi ġodda, għax-xiri tas-sistema tal-kameras tas-sigurta` u għall-maintenance ta’ rutina. Rigward ir-riforma tal-pitkalija, sar ukoll investiment ta’ madwar €150,000 ieħor f’sistema ġdida ta’ teknoloġija tal-informatika sabiex jiġi mtejjeb il- management . Din is-sistema qed tiġi mibnija mill-MITA u x-xogħol mistenni jitlesta matul l-2015. Hemm maħsub ukoll li fl-2015 sejjer isir investiment f’makkinarju ġdid għall-użu tal-Pitkalija sabiex itejjeb aktar l-operat.

Spezzjonijiet fuq dħul fis-swieq lokali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, flimkien mad-Dwana, hux qed iwettqu xi forma ta' spezzjonijiet regolari għal dak li jikkonċerna d-dħul fis-suq lokali ta' prodotti agrikoli? Jekk iva, x'inhuma dawn il-kontrolli u kif qed isseħħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jifforma parti mill-Market Surveillance – Joint Inspections team. Dan it-tim huwa magħmul minn Awtoritajiet kompetenti differenti, inkluż fosthom id-Dipartiment tad-Dwana. It-tim jorganizza sorveljanzi tas-suq u jikkontrolla l-importazzjoni u/jew in-negozju ta’ prodotti diversi, fosthom affarijiet agrikoli. Mad-dmirijiet ta’ dan id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja hemm li jiċċekkja l-aktar, kwistjonijiet rigward trattament xieraq tal-annimali u s-saħħa tagħhom, minbarra li huwa anke involut f’sorveljanza fuq ikel u prodotti ta’ l-annimali.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima — xiri ta’ biljetti minn kumpanija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11935, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur eżatt tal-142 biljett li nxtraw?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li kif infurmajt lill-Kamra l-bieraħ l-informazzjoni li kienu tawni kienet skorretta u nżid ngħid li n-numru attwali ta’ biljetti mixtrija mill-kumpanija li saret referenza għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari 11935 ma kienx ta’ 142 iżda ta’ 139 biljett. Ix-xiri tal-biljetti tal-ajru li nxtraw għas-Segretarjat tiegħi kellhom valur ta’ €5450, filwaqt li l-biljetti tas-Segretarjat Parlamentari nxtraw għal €53,496 u l-kumplament tal-biljetti ta’ personnel ieħor tal-Ministeru (Dipartimenti) inxtraw għal €54,967.45. Total ta’ €113,913.45. Illum nista’ ngħid li ninsab mgħarraf ukoll li f’dan l-ammont hemm inkluż l-assigurazzjoni ta’ uffiċjali mid-Dipartiment tal-Fisheries u Akwakultura, għas-somma ta’ €305.45.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – Customer Care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li għamlu kuntatt mal-Customer Care tal-Ministeru minn April 2013 u jagħti breakdown tat-talbiet li saru?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-Ministeru m’għandux Customer Care.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima — xiri ta' servizz minn kumpanija

Question

B’referenza għar-risposta li ingħatat għal-mistoqsija parlamentari 11935, jista’ l-Ministru jgħid x’servizz ieħor inxtara mingħand l-aġenzija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li s-servizz l-ieħor li nxtara mingħand l-aġenzija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, huwa l-assigurazzjoni ta’ persuni li għalihom inxtraw il-biljetti tal-ajru mill-istess kumpanija. Madanakollu nixtieq ngħarraf ukoll illi l-informazzjoni miġbura u mgħoddija lill-terzi persuni li ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-Ministeru u mogħtija lili riġward il-kumpanija msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari Nr. 11935 kienet żbaljata, kif kienet żbaljata l-informazzjoni illi s-Segretarjat tiegħi xtara biljetti tal-ajru b’valur ta’ €141,451 mill-kumpanija li saret referenza għaliha meta ġejt mgħarraf li l-valur attwali kien biss ta’ €113,913.45. Sadanittant huwa fatt stabbilit li bħala Segretarjat użajna s-servizzi tal-kumpanija darba biss minn Marzu 2013 ‘l hawn. F’dik l-okkazzjoni intalbu ħames kwotazzjonijiet u l-kumpanija kienet l-orħos minn dawk li offrew kwotazzjoni. Wara li ngħatat il-konferma li l-kwotazzjoni kienet aċċettata, inbidlu d-dati taż-żjara għaldaqstant il-valur tal-biljetti b’kollox tela’ għat-total ta’ €5450 fuq it-tlett persuni fid-delegazzjoni.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil mill-Klima — spejjeż ta' assigurazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ispejjeż tal-assigurazzjoni fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu, sew jekk huma dipartimenti, aenziji, kumpaniji, awtoritajiet u l-korporazzjonijiet għas-sena 2013 u 2014 (sad-data tal-mistoqsija) u jagħti d-dettalji tal-ammonti imħallsa/invoiced u l-aġenziji/brokers tal-assigurazzjoni li mingħandhom qed jittieħed is-servizz?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.

Liċenzji għall-irmonk tal-gaġeġ tat-tonn

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru matul din is-sena ħassarx liċenzji reġistrati bħala MFD lill-persuni li kienu qed jużaw dawn il-bastimenti bħala bastimenti għall-irmonk tal-gaġeġ tat-tonn? Kemm kienu l-bastimenti li kellhom il-liċenzja tagħhom imneħħija u x'inhi r-raġuni għal dan? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha tħassru dawn il-liċenzji? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk ħarġux liċenzji ġodda għal dan ix-xogħol? Jekk ħarġu meta ħarġu u lil min?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, matul din is-sena ma ġiet imħassra l-ebda liċenzja ta’ bastimenti fil-kategorija MFD. Ninsab infurmat li fl-2014 nħargu tlett liċenzji ġodda fil-kategorija MFD, għal tlett bastimenti reġistrati għall-użu espliċitu ta’ xogħol fl-akkwakultura. Tnejn minn dawn inħarġu lill Emma Navigation fit-3/6/2014 u l-oħra lill-Fish & Fish Ltd fis-16/04/2014.

Il-Veċċja – proġett – approvazzjoni

Question

Issa li jidher li l-MEPA approvat il-proposta għax-xogħol fil-Veċċja, jista' l-Minstru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti kif ġew approvati? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu stmat li se jiswa l-proġett u meta mistenni li jinbeda x-xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-pjanti kif approvati mill-Mepa nhar il-Ħamis li għadda. Dwar l-istima tal-proġett mhux għaqli li din issir pubblika f’dan l-istadju peress li għad trid toħroġ is-sejħa għall-offerti fuqha.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – mobile phones mħallsa mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fis-Segretarjat tiegħi hemm sitt persuni b’kuntratt ta’ mobile phones imħallas mill-Gvern; ċioe` jiena, iċ-Chief of Staff, is-Segretarja u l-Assistent Segretarju Privat tiegħi, l-uffiċjal inkarigata mill-Komunikazzjoni u l-Kap tal-Customer Care. In-nefqa totali min April 2013 ‘l hawn laħqet għal €21,938.48. Ninsab mgħarraf ukoll li fis-Segretarjat Parlamenteri hemm seba’ persuni li għandhom mobile phones mħallsa mill-Gvern. Dawn huma is-Segretarju Parlamentari, il-Head of Secretariat, is-Segretarja Privata, l-uffiċjal inkarigat mill-Komunikazzjoni żewg Secretariat Officers u uffiċjal xufier/sigurta`. In-nefqa totali minn April 2013 ‘l hawn laħqet għal €22,031.48.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – mobile phones mħallsa mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fis-Segretarjat, inkluż il-Ministru, li għandhom mobile telephone imħallas mill-Gvern? Jista’ jgħid kemm kienet in-nefqa globali minn April 2013 s’issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata fil-ġejjieni qrib.

Separazzjoni tal-iskart – kampanja edukattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se titnieda l-kampanja edukattiva dwar is-separazzjoni tal-iskart li għaliha saret referenza fid-diskors tal-baġit għall-2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-ġimgħat li għaddew il-Ministeru beda l-kampanja li tindirizza l-importanza tal-immaniġġjar tal-iskart. Din il-kampanja tinkorpora messaġġi fuq social media, fuq LED display boards, kif ukoll fuq gazzetti online. Fil-frattemp, ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru diġa beda wkoll jaħdem sabiex iniedi kampanja edukattiva dwar is-separazzjoni tal-iskart fit-tul u fuq skala akbar, li ser issegwi l-implimentazzjoni tal-istrategija tal-Gvern dwar l-immaniġġjar tal-iskart.

Wasteserv — Proċess ta’ ristrutturar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ ristrutturar li saret referenza għalih fid-diskors tal-baġit għall-2014? Meta ser jispiċċa dan il-proċess?

Response (BRINCAT, LEO)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant l-intervent ta’ ristrutturar li kien hemm bżonn fil-WasteServ huwa wieħed kunsiderevoli u dan, għaliex kif jixhdu d-diversi rapporti indipendenti li kummissjonajna, aħna sibna stat miskien, bil-kumpanija nieqsa minn sens xieraq ta’ akkontabbilta’. Sal-lum, minbarra ċ-Chief Executive, ġol-WasteServ kienu ingaġġati Chief Project Manager, Chief Corporate Services Officer, Chief Officer Strategy Implementation, Chief Financial officer, HR Manager, IT Manager, Health & Safety Manager, 2 Plant Engineers u diversi pożizzjonijiet oħra sabiex intejbu l-operat u l-effiċjenza u nżidu l-akkontabilita’. Dan minbarra ċaqliq fl-iskedi tax-xogħol sabiex ikun żgurat iżjed effiċjenza. Il-proċess ta’ ristrutturar huwa wieħed dinamiku u kontinwu sabiex nilqgħu sew għall-isfidi tal-kumpanija.