Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsumatur inqatgħatlu l-provvista tal-elettriku minn Marzu 2013 sad-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari minħabba kontijiet mhux imħallsa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Enemalta – financial statements

Question

Jista’ l-Ministu jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Financial Statements tal-Enemalta għall-2012 u l-2013? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-annual report tal-2012 u l-2013?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15021 (ħmistax-il elf, wieħed u għoxrin).

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – xogħol offrut lil soċjetà

Question

Peress li t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14743 ma tagħtix l-informazzjoni mitluba, jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14743 u 14041 u jgħid fil-fatt liema xogħlijiet ingħataw mill-entitajiet li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru tiegħu lis-soċjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, minn Marzu 2013 sal-lum? Liema minn dawn l-inkarigu ta’ xogħlijiet kien riżultat ta’ tender u liema b’direct order u f’kull każ kemm kien il-valur tax-xogħol?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15327 (ħmistax-il elf, tlett mija, sebgħa u għoxrin).

Fgura — kwalità tal-ilma

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 13616, 14849 u 15388, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra għala l-kwalità tal-ilma ġewwa l-Fgura għada ħażina?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet diġà mogħtija rigward l-ilma f’din il-lokalità, u ċjoè li huwa tajjeb għax-xorb.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa– persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u tal-konsulenti u l-persons of trust li taw is-servizz tagħhom bejn Marzu 2013 sad-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari kif ukoll dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizz, lid-dekasteru tiegħu inkluż l-awtoritajiet u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 10742 (għaxart’elef, seba’ mija, tnejn u erbgħin) u 15396 (ħmistax-il elf, tlett mija, sitta u disgħin).

Kont tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward kont tad-dawl u l-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ ġie mistħarreġ u rriżulta li l-persuna kkonċernata ġiet assistita diversi drabi u l-każ kien diġà solvut. Qed isir stħarriġ ieħor dettaljat biex jiġi aċċertat li ma jkunx hemm l-ebda tip ta’ pendenzi oħra.

Sptar Mater Dei — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ fl-Isptar Mater Dei?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-każ qed jiġi investigat.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – servizz ta’ interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu jużawx is-servizzi tal-interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f’attivitajiet li jsiru? Jista’ jgħid kemm-il darba ntużaw dawn is-servizzi tal-interpreti f’attivitajiet organizzati mill-Ministeru jew mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu fis-snin 2013 u 2014 rispettivament? Jista’ jgħid x’kienu dawn l-attivitajiet?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali s-servizz jingħata meta jkun meħtieġ.

Ħlas għal servizzi mill-isptarijiet u kliniċi pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont globali mħallas għal servizzi mill-isptarijiet u l-kliniċi pubbliċi sena b'sena mill-2005 sal-2014 minn persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi li għandhom il-permess biex jaħdmu f'Malta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

ARMS Ltd — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward kont tad-dawl?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ ġie mistħarreġ u l-persuna msemmija ġiet ikkuntatjata fejn ingħatat spjegazzjoni dettaljata tal-każ tagħha.

Osservazzjoni ta’ pazjenti fl-Isptar Mater Dei minn studenti tal-Mediċina Maltin u studenti ta’ Barts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni mal-Università ta’ Malta u l-iskola medika ta’ Malta fuq il-mod kif l-istudenti Maltin u dawk ta’ Barts se jkunu qed josservaw il-pazjenti f’każ li jkollu jintuża l-Isptar Mater Dei?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob l-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15950.

Pożizzjoni ta’ Advisor – Nursing Deployment

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim li sar mal-persuna li nħatret bħala Advisor – Nursing Deployment f’April 2015? Jista’ jgħid jekk din kenitx position of trust jew jekk kienx hemm sejħa għal dan il-post?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-kuntratt qed jiġi ffinalizzat.

Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara – servizzi offruti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qed joffri ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara fil-weekend? Huwa minnu li pazjenti li qed imorru f’dan iċ-Ċentru tas-Saħħa qed isibu s-servizz ta’ nurses biss u xorta waħda qed ikollhom imorru fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta jew fl-Isptar Mater Dei?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li minn Novembru 2014 dan iċ-ċentru li qabel kien jiftaħ 08.00 - 13.00 mit-Tnejn sal-Ġimgħa , beda jiftaħ sal 17.00. F’April, il-ġinijiet reġgħu ġew estiżi sat-20.00. Dan iċ-ċentru beda jiftaħ ukoll is-Sibt bejn it-08.00 u is- 13.00hrs bit-tabib bħal ċentri oħra u nhar ta' Ħadd joffri servizz ta' nurse.

Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara – pazjenti fi tmiem il-ġimgħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mis-7 t’April 2014 sal-lum, kemm-il persuna marret fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara fi tmien il-ġimgħa (is-Sibt u l-Ħadd)? Kemm minn dawn il-persuni marru fiċ-Ċentru tal-Mosta jew fl-Isptar Mater Dei għaliex ma kienx hemm servizz ta’ tabib biex jinqdew?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sptar tal-Onkoloġija — kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 14900, 13994 u 13199 u jgħid jekk hemmx xi kuntratturi li qed jaħdmu fuq il-bini u t-tlestija tal-Isptar tal-Onkoloġija li huma in delay fix-xogħol kuntrattat lilhom? Fil-każ li hemm, jista’ jelenka min huma l-kuntratturi in delay, għal xiex kienu kkuntrattati u fiex u b’kemm qegħdin in delay?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tingħata f'seduta oħra.

Dipartiment tad-Dermatoloġija — rilokazzjoni

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 14899, jista’ l-Ministru jgħid sakemm jistlesta x-xogħol fuq l-Isptar San Luqa, fejn hu maħsub li jiġi rikolat id-Dipartiment tad-Dermatoloġija ġaladarba ssir il-migrazzjoni tal-operat tal-Isptar Boffa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li s-servizz ħa jkompli jingħata mill-Isptar Boffa sa la darba jinfetaħ mill-ġdid l-Isptar San Luqa.
Leg 12 PQ #15982 Sitting 262 2015-05-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar – ħruġ ta’ ilma fi Triq San Pawl

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jiġi investigat x’inhu s-sors tal-ilma li hemm fi triq prinċipali, Triq San Pawl f’San Pawl il-Baħar, quddiem il-BOV branch f’dan il-post? Jista’ jassigura li dan l-ilma ma jitħalliex joħroġ fuq il-wiċċ tat-triq imsemmija?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn stħarriġ li għamlet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rriżulta li dan l-ilma ħiereġ minn katusa privata li twassal l-ilma tax-xita minn fuq il-bjut għal ġot-triq.
Leg 12 PQ #15983 Sitting 262 2015-05-12 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar – Triq San Pawl – tappieri tad-drenaġġ

Question

Billi numru ta’ tappieri tad-drenaġġ fi triq prinċipali, Triq San Pawl f’San Pawl il-Baħar, mhux qegħdin sew fil-post fejn qegħdin, u dan qed ikun ta’ inkonvenjent għar-residenti minħabba l-istorbju li jagħmlu l-istess tappieri meta l-vetturi jgħaddu minn fuqhom, jista’ l-Ministru jara li ssir it-tiswija neċessarjia biex dan l-inkonvenjent jitneħħa?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qiegħdha tittieħed azzjoni sabiex it-tappieri fit-triq imsemmija jinbidlu kemm jista’ jkun malajr. Dan ix-xogħol qed isir matul il-lejl sabiex ma jinħoloqx inkonvenjent għat-traffiku.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa– membru fil-Korp tal-Pulizija fis-Segretarjat Privat

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fis-Segretarjat Privat tiegħu hemm l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li huwa membru tal-Korp tal-Pulizija? Min ta l-permess biex tali membru tal-korp jaħdem fis-segretarjat privat tiegħu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-trasferiment ġie approvat skont ir-regoli eżistenti fis-servizz pubbliku għal tali trasferiment.

Konsorzju Electrogas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pagament sar mill-1 ta’ din is-sena sal-lum mill-konsorzju Electrogas lil Enemalta mit-€30 miljun li l-konsorzju Electrogas kellu jħallas lill-Enemalta? Ta’ kemm kien kull pagament u f’liema data ġie mħallas?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pagamenti qed isiru skont l-iskeda stabbilita. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Stqarrija numru 142986 (mija, tnejn u erbgħin elf, disa’ mija, sitta u tmenin) tat-22 ta’ Diċembru 2014.