Legislature:
Category:
Reset
Active:

Student Services — bidliet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’bidliet hemm ippjanati fit-Taqsima tal-iStudent Services? Veru li servizz essenzjali bħal dak tal-Early Intervention mhuwiex se jibqa’ jingħata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa d-Dipartiment Servizzi għall-Istudent qiegħed ikompli jsaħħaħ ir-riżorsi umani biex is-servizzi li jingħataw ikunu aħjar u b’hekk ikunu jistgħu jintlaħqu dawk l-istudenti kollha li jeħtieġu s-support meħtieġ. Is-servizz tal-Early Intervention se jibqa’ jingħata.

Skejjel sekondarji – shared teachers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika 2014/2015 kemm kien hemm għalliema fl-iskejjel sekondarji li kienu jgħallmu f’aktar minn skola waħda (shared teachers) u kemm hemm issa fil-bidu ta’ din is-sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ għalliema fl-iskejjel sekondarji li kienu jgħallmu f’aktar minn skola waħda (shared teachers) matul is-sena 2014/2015 kien ta’ 124. In-numru ta’ għalliema fl-iskejjel sekondarji li qed jgħallmu f’aktar minn skola waħda (shared teachers) matul is-sena 2015/2016 hu ta’ 89.

Skejjel tal-Istat – inizjattivi għal studenti li ma jitkellmux il-Malti u l-Ingliż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid s’issa x’inizjattivi ttieħdu sabiex ikunu megħjuna dawk it-tfal li jattendu l-iskejjel tal-Istat li la jitkellmu l-Malti u lanqas l-Ingliż? Il-programm li ġie mħaddem matul is-sena l-oħra ġie eżaminat u x’inizjattivi jew servizzi oħra se jiżdiedu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul is-snin li għaddew, id-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DQSE) nieda diversi proġetti biex jassisti lid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DES) u l-Iskejjel tal-Istat f’dan il-qasam. Fosthom wieħed jista’ jsemmi: Proġett IF 07-11 fejn permezz tiegħu ingħata taħriġ lil numru ta’ għalliema tad-DES fuq kif tgħallem l-Ingliż bħala lingwa barranija. Permezz ta’ dan il-proġett li kien parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, nxtraw għadd ta’ riżorsi għat-tagħlim tal-lingwa Ingliża, liema riżorsi tqassmu fil-Kulleġġi kollha tal-Istat. Dan l-aħħar tliet snin id-DQSE mexxa ukoll ħames proġetti oħra parzjalment iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea. LLAPSI (Language Learning and Parental Support for Integration 1,2 u 3) huma sensiela ta’ tliet proġetti li permezz tagħhom ġew impjegati numru ta’ Language Support Assistants mid-DES sabiex jgħinu lit-tfal li ma jafux jikkomunikaw bil-Malti u bl-Ingliż fl-Iskejjel tal-Istat. Permezz tal-proġetti LLAPSI ġew ingaġġati ukoll numru ta’ Parent Leaders li ħadmu mal-ġenituri tal-istudenti sabiex ikun hemm għarfien aktar wiesgħa tas-servizzi edukattivi u s-sehem li ġenitur jista’ jagħti fl-Edukazzjoni tal-ulied. Il-proġetti nkludew ukoll sapport tekniku minn organizzazzjoni li taħdem f’dan il-qasam. L-organizzazzjoni non-governattiva ntgħażlet wara sejħa għall-offerti. Din l-organizazzjoni nediet kwestjonarju għall-edukaturi, l-ġenituri u l-istudenti u saret evalwazzjoni ta’ dan il-kwestjonarju. Proġett ieħor mniedi mid-Direttorat tal-Kwalita u Standards fl-Edukazzjoni kien CCOAST (Core Competences Online Assessment Tool). F’dan il-proġett kienet żviluppata għodda ta’ assessjar onlajn fil-ħiliet bażiċi tal-litteriżmu u lingwa fil-Malti u l-Ingliż. Dan il-proġett kien parzjalment iffinanzjata mill-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ pajjiżi Terzi. Din l-għodda ngħatat lill-Iskejjel tal-Istat biex tgħin fl-assessjar ta’ dawn l-istudenti partikolari. RESS (Reading and Spelling Software) hu l-ħames proġett, parzjalment iffinanzjat li tħaddem dan l-aħħar snin fejn inxtara software interattiv li jgħin l-istudenti fil-qari. Ingħata taħriġ lill-grupp ta’ għalliema tad-DES fuq kif jistgħu jħaddmu din l-għodda. Dan is-software hu aċċessibli fil-klassijiet kollha tal-Iskejjel Primarji tal-Istat. Matul is-sena skolastika 2014-2015, id-DQSE offra s-sapport lid-DES u l-Iskejjel tal-Istat billi madwar sitt mitt student li ma jafux jitkellmu la bil-Malti u l-anqas bl-Ingliż ingħataw kors ta’ sitt ġimgħat fil-ħiliet komunikattivi. Dan is-sapport ġie estiż skont il-bżonn tal-istudenti. Dan is-sapport tħaddem minn erbatax-il edukatur. Matul is-sena skolastika 2014-2015 saret konsultazzjoni ma’ għaqdiet non-governattivi u organizzazzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam sabiex jitfassal pjan ta’ ħidma. Saru numru ta’ laqgħat u seminar li fih ġew diskussi diversi temi f’dan il-qasam tal-edukazzjoni. B’rispons għat-talbiet u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-konsultazzjoni wiesgħa, matul din is-sena (2015-2016) ġie deċiż flimkien mad-DES u l-ogħla awtoritajiet fi ħdan il-MEDE, li s-sapport għall-istudenti li ma jafux jitkellmu bil-Malti u bl-Ingliż ser itul sena skolastika sħiħa. Il-klassijiet li fihom ser jattendu dawn l-istudenti qegħdin mifruxin f’diversi skejjel statali. L-għalliema ngaġġati, li llum huma tnejn u tletin, ġew mogħtija taħriġ inizjali. F’dawn il-klassijiet tqassmu ammont ta’ riżorsi għat-tagħlim li kienu nxtraw permezz tal-proġetti LLAPSI, CCOAST u RESS. L-ingaġg ta’ Parent Leaders ser jitkompla sabiex jintlaħqu l-ġenituri ta’ dawn l-istudenti u jitqarrbu dejjem aktar lejn l-iskola u l-ħajja edukattiva ta’ wliedhom.

Kors tal-veterinary services – boroż ta’ studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw boroż ta’ studju lil studenti li riedu jsegwu l-kors ta’ veterinary services f’pajjiż barrani f’dawn l-aħħar sentejn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar sentejn hemm erbatax-il student/a li qed jibbenefikaw mill-iskema tal-Malta Government Undergraduate Scheme sabiex ikunu jistgħu jsegwu korsijiet barra minn Malta fis-servizzi veterinarji.

Kors ta’ veterinary services – boroż ta’ studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jingħataw boroż ta’ studju lill-istudenti li din is-sena jridu jsegwu l-kors ta’ veterinary services f’pajjiż barrani? ? Jekk iva, kemm-il borża ta’ studju se tingħata? Kemm se jkun l-ammont ta’ flus mogħti lil kull student?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li b’effett minn din is-sena, programmi ta’ studju fil-livell ta’ postgraduate fis-suġġetti veterinary sciences u veterinary services ġew inklużi taħt waħda mill-priority areas taħt l-iskema ENDEAVOUR Scholarships Scheme Group B, liema skema hija sosnuta minn fondi lokali. Infurmat li kien hemm ammont kbir ta’ applikanti taħt l-iskema msemmija u l-applikanti li applikaw taħt din il- priority area ma ġabux punti biżżejjed biex setgħu jiggwadanjaw minn borża ta’ studju. Barra minn hekk studenti li jixtiequ jkomplu bl-istudji tagħhom fis-suġġetti msemmija fil-livell undergraduate f’pajjiżi barra minn Malta jistgħu japplikaw taħt l-iskema Malta Government Undergraduate Scheme. Din l-iskema tipprovdi kategorija speċifika għal dawn l-istudenti. Vererinary Services hija meqjusa taħt din l-iskema bħala high priority . Dawn l-istudenti jibbenefikaw minn stipendju. L-applikazzjonijiet taħt din l-iskema jagħlqu fit-30 ta’ Novembru 2015.

San Pawl il-Baħar – Skola primarja — tfal

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal li jattendu l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, li iżda ma jinġarrux lejn l-iskola u lura, permezz tat-trasport ipprovdut mill-Gvern innifsu? Kemm minn dawn it-tfal huma mill-kindergarten?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' tfal fl-Iskola ta' San Pawl il-Baħar hu 1010. Minn dawn 407 jużaw it-trasport ipprovdut mill-Gvern filwaqt li s-603 studenti l-oħra jew jużaw trasport privat, jew jinġiebu u jinġabru mill-ġenituri. It-tfal tal-kindergarten, li jammontaw għal 244, ma jkollhomx trasport ipprovdut mill-Gvern.

In-Naxxar — Kulleġġ Maria Reġina - Traffic Impact Assessment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx Traffic Impact Assessment qabel beda x-xogħol ta' kostruzzjoni fuq il-bini l-ġdid tal-Middle School tal-Kulleġġ Maria Reġina fin-Naxxar? Jekk dan l-istudju sar jista' dan jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-fatt li l-Middle School inbniet fil-kampus eżistenti, ma sarx Traffic Impact Assessment.

Nisa — impjiegi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19384, jista’ l-Ministru jindika skont il-kategoriji minnu elenkati jekk l-impjieg kienx fis-settur privat jew pubbliku jew self-employed?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B`referenza għall-mistoqsija parlamentari 19384, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru kemm kien hemm nisa li bdew jaħdmu fis-sena 2015 fis-settur pubbliku jew privat kif ukoll employed jew self-employed. It-tabelli juru wkoll kemm minnhom kienu ġodda u kemm minnhom irritornaw għad-dinja tax-xogħol skont in-natura tax-xogħol (full time jew part time).

Nisa — impjiegi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19382, jista’ l-Ministru jindika skont il-kategoriji minnu elenkati jekk l-impjieg kienx fis-settur privat jew pubbliku jew self-employed?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B`referenza għall-mistoqsija parlamentari 19382, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru kemm kien hemm nisa li bdew jaħdmu fis-sena 2014 fis-settur pubbliku jew privat kif ukoll employed jew self-employed. It-tabelli juru wkoll kemm minnhom kienu ġodda u kemm minnhom irritornaw għad-dinja tax-xogħol skont in-natura tax-xogħol (full time jew part time).

Nisa — impjiegi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19380, jista’ l-Ministru jindika skont il-kategoriji minnu elenkati jekk l-impjieg kienx fis-settur privat jew pubbliku jew self-employed?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19380, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru kemm kien hemm nisa li bdew jaħdmu fis-sena 2013 fis-settur pubbliku jew privat kif ukoll employed jew self-employed. It-tabelli juru wkoll kemm minnhom kienu ġodda u kemm minnhom irritornaw lura għad-dinja tax-xogħol skont in-natura tax-xogħol (full time jew part time).

Impjiegi Part-time

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17350, jista’ l-Ministru jindika kemm persuni qed jaħdmu fuq bażi part-time f’Għawdex tul din is-sena u jista’ jindika kemm minnhom għandhom full-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema li kienu jaħdmu fuq bażi part-time f’Għawdex fl-aħħar ta’ April 2015 kien ta’ 4,071. It-tabella t’hawn taħt turi kemm minnhom kellhom l-impjieg part-time bħala xogħol ewlieni u kemm minnhom kellhom part-time u full time job ukoll. Part Time bħala xogħol PrimarjuPart time u għandhom full Time ukollTotal Part Time 2,1341,9374,071 L-aħħar ċifri ppubblikati huma ta’ April 2015.

Impjiegi Part-time

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17349, jista’ l-Ministru jindika kemm persuni qed jaħdmu fuq bażi part-time f’Għawdex tul din is-sena u jista’ jindika kemm minnhom għandhom full-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema li fl-aħħar ta’ April 2015 kienu jaħdmu f’Għawdex fuq bażi part-time u li l-età tagħhom kienet minn 62 sena `l fuq kien ta’ 445. Minnhom 410 kellhom impjieg part-time bħala xogħol primarju filwaqt li 35 persuna kellhom impjieg part-time u kif ukoll full-time.

Għawdex — faċilitajiet sportivi - titjib

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'żieda kien hemm u x'titjib sar fuq il-faċilitajiet sportivi f'Għawdex minn Marzu 2013 bil-għan li jiġi attirat turiżmu sportiv lejn Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dwar ix-xogħol li sar fuq il-faċilitajiet sportivi f’Għawdex minn Marzu 2013. Dawn il-faċilitajiet jintużaw għal għanijiet differenti fosthom sabiex ikun attirat turiżmu sportiv lejn Għawdex.

Għawdex — Kampus tal-Università - żieda fil-korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul l-aħħar sentejn skolastiċi kienx hemm żieda fil-korsijiet li jingħataw mill-Kampus tal-Università f'Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul is-snin akkademiċi 2013/14, 2014/15 u 2015/16 ma kienx hemm tibdil fin-numru ta’ korsijiet offruti fiċ-Ċentru t’Għawdex tal-Università ta’ Malta. Il-korsijiet offruti fl-2015/16 huma: - Bachelor of Arts (Honours) in Criminology - Bachelor of Commerce - Bachelor of Commerce (Honours) - Bachelor of Psychology (Honours) Certificate in Clinical Nursing Practice * - Certificate in Proof reading: Maltese - Diploma in Commerce - Diploma in Facilitating Inclusive Education * - Executive Master of Business Administration * - Master of Arts in Hospitaller Studies - Master of Arts in Islands and Small States Studies - Pre-tertiary Institute Certificate in Baroque Architecture * offruti fuq bażi ta’ Video Conferencing Kien hemm pero’ differenza fin-numru ta’ korsijiet offruti fuq bażi ta’ video conferencing kif jidher hawn taħt: - fl-2013/14 kien hemm 5 korsijiet offruti fuq bażi ta’ video conferencing - fl-2014/15 kien hemm kors offrut fuq bażi ta’ video conferencing - fl-2015/16 hemm 3 korsijiet offruti fuq bażi ta’ video conferencing (figura korretta sat-12 ta’ Ottubru, 2015).

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu safar fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn siefer (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh f’kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B'referenza għal din il-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. F'kull każ is-safar kien fuq impenji uffiċjali u dejjem kont akkumpanjat minn uffiċjali oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – entitajiet — safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’safar sar mill-Ministeru, mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn sar is-safar (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Jista’ jgħid min mar għal kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' safar uffiċjali għall-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant.
Leg 12 PQ #19001 Sitting 299 2015-10-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għawdex — Korsijiet tal-università ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-korsijiet offruti mill-Università ta' Malta fil-Campus tagħha ġewwa Għawdex matul is-sena skolastika 2014/2015 u kemm kien in-numru ta' studenti f'kull kors? Jista' jgħid liema korsijiet se jiġu offruti fil-Kampus tal-Università ta' Malta f'Għawdex matul is-sena 2015/2016 u kemm applikaw studenti għal kull kors?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fit-tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra jidhru n-numri ta’: - studenti fiċ-Ċentru t’Għawdex tal-Università ta’ Malta fl-għeluq tas-sena akkademika 2014/15, maqsuma skont il-Fakultà jew Istitut u l-kors tagħhom, u, - applikanti għal kull kors li ser jiġi offrut fiċ-Ċentru t’Għawdex tal-Università ta’ Malta matul is-sena akkademika 2015/16. Il-korsijiet ser jiġu offruti biss jekk ikun hemm numru suffiċjenti ta’ applikanti aċċettati fuqhom.
Leg 12 PQ #19005 Sitting 299 2015-10-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Università ta' Malta u Campus ta' Għawdex — sistema ta' video conferencing

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena skolastika 2014/2015 f'kemm-il kors ġiet użata s-sistema tal-video conferencing bejn l-Università ta' Malta u l-campus tal-istess Università ġewwa Għawdex? Għaliex din is-sistema mhux qed tintuża iżjed biex aktar studenti Għawdxin ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-lectures mill-klassijiet tal-Campus f'Għawdex u ma jkollhomx għalfejn jaqsmu kuljum lejn Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul is-sena akkademika 2014/15, is-sistema tal-video conferencing bejn l-Università ta’ Malta u l-Kampus ġewwa Għawdex ġiet użata għal dawn il-korsijiet: · Executive Master of Business Administration (l-ewwel sena) · Executive Master of Business Administration (it-tieni sena) · Higher Diploma in Public Accounting and Finance (it-tieni sena) · Programme for the Liberal Arts (taqsima-studju waħda: LAS1015) Matul is-sena akkademika 2015/16, is-sistema tal-video conferencing qed tintuża għal dawn il-korsijiet: · Executive Master of Business Administration (l-ewwel sena) · Executive Master of Business Administration (it-tieni sena) · Executive Master of Business Administration in Public Management (l-ewwel sena) · Higher Diploma in Public Accounting and Finance (it-tielet sena) · Programme for the Liberal Arts (taqsima-studju waħda: LAS1011) · Certificate in Clinical Nursing Practice (taqsima-studju waħda: NUR3243) · Diploma in Facilitating Inclusive Education (l-ewwel sena) Fil-Kampus tal-Università ta’ Malta hemm b’kollox ħames kmamar attrezzati bil-faċilità tal-video conferencing, filwaqt li fil-Kampus ta’ Għawdex hemm erba’ kmamar bl-istess facilità. Dan ifisser illi fi kwalunkwe ħin jistgħu jsiru massimu ta’ erba’ lekċers. Id-daqs tal-kmamar, u għaldaqstant in-numru tal-istudenti, ukoll jillimita x’korsijiet jistgħu jsiru b’dan il-mod. L-Università qiegħda ma’ kull sena tattrezza iktar kmamar b’din il-facilità. Fil-preżent, il-maġġoranza tal-korsijiet li qed jiġu offruti bil-video conferencing huma korsijiet ta’ filgħaxija. L-Università qed tħares lejn il-possibilità li jiżdiedu iktar korsijiet ta’ filgħodu. Studenti li qegħdin isegwu korsijiet ta’ filgħodu jista’ jkun li jkunu qed jattendu lekċers minn diversi fakultajiet; għaldaqstant huwa ħafna iktar diffiċli li korsijiet ta’ filgħodu jsiru bil-video conferencing, minħabba li jkun meħtieġ li l-istudenti Għawdxin jagħmlu l-lekċers tagħhom kollha f’Għawdex.

Skola Ġużè Ellul Mercer – numru ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti li qed jattendu l-iSkola Ġużè Ellul Mercer fil-Gżira li ġiet imwaqqfa dan l-aħħar għal dawk it-tfal li sabuha diffiċli biex jgħaddu mill-eżamijiet f’Livell Ordinarju? Jista’ jgħid kemm studenti kienu jattendu skola tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti, qabel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li GEM16+ għandu, sas-7 ta' Ottubru 2015, 74 student li ġejjin minn: Skejjel tal-Istat - 68 Skejjel Indipendenti - 2 Skejjel tal-Knisja - 4 L-applikazzjonijiet jibqghu jintlaqgħu sat-30 ta' Ottubru 2015

Skola Ġużè Ellul Mercer – amministraturi u edukaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ amministraturi u edukaturi li qed jaħdmu fl-iSkola Ġużè Ellul Mercer li twaqqfet dan l-aħħar fil-Gżira?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-iSkola Ġuzè Ellul Mercer hemm dawn l-amministraturi u edukaturi: Kap ta’ Skola – 1 Assistenti Kapijiet – 2 Għalliema – 22 LSAs – 5