Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-ambaxxati Maltin barra pajjiżna jeżistux inventarji ta' l-affarijiet u ħwejjeġ oħra ta' ġo fihom? Jista' jgħid kemm-il darba dawn jiġu ċċekkjati u minn min? Jista' jgħid f'kull każ meta l-aħħar darba li ġew iċċekkjati? Jista' jgħid jekk f'din l-aħħar sena nstabux affarijiet nieqsa?
Response (BORG, JOE)
L-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' vetturi li ġew mogħtija permezz ta'donazzjoni lill-Ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mill-1987 sa l-1996? Jista' jgħid x'tip ta' vetturi u ditta jew marka huma? Minn min ġew mogħtija? F'liema sena ġew mogħtija?
Response (BORG, JOE)
Ma kienx hemm l-ebda donazzjoni ta' vetturi lill-Ministeru matul il-perjodu li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' l-Ministru jgħid f'kull każ lil min ingħataw dawn ir-rigali? Jista' l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex ingħataw dawn ir-rigali lil dawn l-individwi?
Response (BORG, JOE)
Ma ngħataw ebda rigali minni lill xi individwi fl-okkażjoni tal-Milied 1999 minħabba l-kariga tiegħi. Barra min hekk, ninsab infurmat li lanqas jirriżulta li ngħata xi rigal għall-istess okkażjoni mill-Uffiċċju tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti fl-okkażjoni tal-Festi tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' l-Ministru jgħid f'kull okkażjoni minn fejn ġie ordnat l-ikel u x-xorb u jekk f'kull każ intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' l-Ministru jgħid min ġie mistieden għal dawn ir-riċevimenti?
Response (BORG, JOE)
Bħala pajjiż ċivili hija użanza li jsiru riċevimenti fl-okkażżjoni tal-festi tal-Milied u ta' l-ewwel tas-sena. Dan il-Gvern ma għandu ebda ħsieb jibdel din l-użanza. Jekk l-Onorevoli Interpellant jispjega sodisfaċentement għaliex qed jitlob l-informazzjoni dettaljata nkun f'pożizzjoni li nordna li tinġabar din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid u jispjega għaliex l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, li għandha talba quddiem il-Libya National Insurance Scheme (Nru. 362179) wara l-mewt tar-raġel tagħha, għadha ma ngħatatx kumpens, wara li issa għaddew madwar seba' snin mill-mewt traġika tar-raġel tagħha?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-biedja għall-bdiewa u raħħala ta' l-Unjoni Ewropea matul 1997, 1998 u 1999 u x'kien il-persentaġġ taż-żieda jew tnaqqis kull sena rispettivament?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hi ppubblikata regolarment mill-Eurostat u tista tinkiseb faċilment mill-internet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kartolini, f'envelopes u f'pustaġġ biex intbagħtu l-kartolini tal-Milied 1999 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, separatament? Jista' jgħid f'kull każ fejn ġew stampati dawn il-kartolini u jekk intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' jgħid lil min intbagħtu dawn il-kartolini?
Response (BORG, JOE)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Jista' l-Ministru jgħid liema ditti ġew avviċinati u/jew se jiġu avviċinati biex imexxu l-opinion polls dwar ir-referendum dwar sħubija fl-Unjoni Ewropea li l-Malta - EU Information Centre ħabbret li se jiġu kkummissjonati fil-jiem li ġejjin?
X'passi se jieħu l-Gvern biex jiżgura li dawn l-opinion polls jkunu jirriflettu fedelment l-opinjoni pubblika u ma jservux ta' paraventu biex jew jippromwovu il-politika Ewropea tal-Gvern tal-ġurnata jew inkella biex ma jservux ta' opinion makers/shapers flok opinion takers? Kemm mil-budget tal-MEUIC mistenni jintnefaq fuq dawn l-opinion polls?
Kif se jkunu skedati dawn l-opinion polls u fuq liema medda ta' żmien se jsiru?
Response (BORG, JOE)
B'risposta għall-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat mill-MIC li il-kumpanniji li ġew avviċinati miċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar l-EU kif mitlub mir-regolamenti tal-Gvern, huma tlieta,
Malta University Services Ltd.
Misco Ltd.
Effects Marketing Consultants
L-ittra li ntbagħtet mill-MIC talbet li ma' l-istima jingħataw ukoll dettalji ta' kif għandu jsir is-survey biex jiġi żgurat li jkun wieħed xjentifiku.
Għad mhux magħruf kemm se jintefaq fuq dawn is-surveys minħabba li d-data ta' l-egħluq għal dawn l-istimi kienet nhar il-Ġimgħa, 14 ta' Jannar f'nofsinhar, u għalhekk l-applikazzjonijiet għad iridu jiġu proċessati u evalwati.
Iċ-Ċentru għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni kemm ser jsiru surveys minħabba li l-ewwel iridu jiġu evalwati l-istimi.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-"Accession Partnership 1999" ta' Malta ma ġiex ippubblikat fil-ġurnal uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea ma' dawk ta' għaxar pajjiżi applikanti, fil-ħarġa tat-28 ta' Diċembru, 1999 numru L/335?
Jista' jagħti ħjiel meta se jiġi ppubblikat in vista tal-fatt li dan l-Accession Partnership isir binding tliet ijiem wara li jiġi ppubblikat?
Response (BORG, JOE)
L-'Accession Partnership' ta' Malta ma ġiex ippubblikat fil-ġurnal uffiċċjali ta' l-Unjoni Ewropeja imsemmi peress li r-regolament ta' pre-adeżjoni, li jikkostitwixxi il-bażi legali għall-'Accession Partnership', għadu ma ġiex iffinaliżżat mill-Kunsill tal-Ministri fir-rigward ta' Malta u Ċipru. Dak tal-pajjiżi applikanti l-oħra kien ġie addottat żmien ilu. Huwa mifhum li kemm ir-regolament ta' pre-adeżjoni kif ukoll l-'Accession Partnership' ta' Malta għandhom jidħlu fis-seħħ sa nofs is-sena 2000.
Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12124?
Response (BORG, JOE)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija ma' kien hemm ħadd.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija kien hemm ambaxxatur wieħed biss, dak akkreditat għal Franza. Peress li dawn iż-żjarat la kienu frekwenti u l-anqas fit-tul hekk kif hu speċifikat fil-'Conditions of Service for Officers Serving Overseas', ma' kienx hemm il-bżonn li tintalab l-awtoriżżazzjoni ta' MPO u tal-Ministeru tal-Finanzi biex jibqa' jsir il-ħlas tal-'global emoluments'.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12142?
Response (BORG, JOE)
Fil-każ taċ-ċelebrazzjonijiet li nżammu fil-Jum Nazzjonali tal-Belġju, Franza, l-Ġermanja u l-Libja attendew l-ambaxxaturi Maltin akkreditati għall-pajjiżi konċernati. Fil-każ taċ-Ċina u Spanja attendew l-ambaxxaturi li kienu akkumpajnati minn marthom. Fil-każ taċ-Cina attenda wkoll il-Counsellor fl-ambaxxata għal dawk iċ-ċelebrazzjonijiet li kien mistieden għalihom. Jien infurmat li fil-każ ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Eġittu ma kien hemm l-ebda funzjoni uffiċċjali.
Jista' l-Minstru jgħid liema huma dawk l-ambaxxaturi li bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' Novembru, 1999 li damu Malta b'xogħol għal 21 ġurnata konsekuttiva jew aktar?
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-ambaxxaturi li fl-istess perijodu qattgħu hawn Malta aktar minn 21 ġurnata kalendarja fuq xogħol jew qadi ta' dmirijiet oħra?
Jista' l-Ministru jgħid jekk fiż-żewġ każijiet talabx minn qabel il-permess ta' l-MPO u tal-Ministru tal-Finanzi biex ikompli jħallas il-global emoluments lil dawn l-ambaxxaturi?
Nifhem sew mill-istqarrijiet li saru dan l-aħħar li l-gvern mhux se jaħtar chief negotiator dwar l-UE, jista' l-Ministru jikkonferma rapport li deher dan l-aħħar fil-ġurnal Malta To-Day li Malta bħal Ċipru se tkun net contributor lill-UE?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern qed jaħdem sabiex jistabbilixxi struttura magħmula minn diversi uffiċjali ta' kompetenza li jkunu nkarigati li jmexxu n-negozjati mal-Unjoni.
Il-kwistjoni ta' kemm il-pajjiż jikkontribbwixxi lejn u jibbenefika minn fondi tal-Unjoni malli jissieħeb għad trid tiġi stabbilita. Għalhekk, fiċ-ċirkostanzi eżistenti, kieku Malta kellha tissieħeb fl-Unjoni illum il-benefiċċji jkunu jeċċedu lill-kontribuzzjonijiet b'miżura sostanzjali.
Ir-rapport li deher fil-ġurnal imsemmi mill-Onorevoli Interpellant jitkellem dwar il-pożizzjoni kif tista tkun għaxar snin oħra. X'ser tkun is-sitwazzjoni f'dak iż-żmien ma nistax ngħid. Nawgura li, bl-għajnuna ta' l-Unjoni Ewropeja, il-livell ta' l-għajxien f'Malta ikun tant għola li Malta tiġi 'net contributor' sa għaxar snin oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min mill-ambaxxata ta' Malta fil-post attenda għaċ-ċerimonji, funzjonijiet u riċevimenti li saru fil-Jum Nazzjonali tal-pajjiżi msemmija u minn min kien akkumpanjat:
USA - 4 ta' Lulju, 1999;
Franza - 14 ta' Lulju, 1999;
Belġju - 21 ta' Lulju, 1999;
Eġittu - 23 ta' Lulju, 1999;
Libja - 1 ta' Settembru, 1999;
Ċina - 1 ta' Ottubru, 1999;
Ġermanja - 3 ta' Ottubru, 1999; u
Spanja - 12 ta' Ottubru, 1999?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra is-CV tas-Sur Walter Balzan, l-ambaxxatur ta' Malta fil-Ġnus Maqgħuda fi New York u jgħid b'mod speċjali x'inhuma l-kwalifiki universitarji u diplomatiċi li għandu?
Response (BORG, JOE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra is-CV tas-Sur Walter Balzan l-Ambaxxatur u r-Rappreżentant Permanenti ta' Malta għan-Nazzjonijiet Uniti.
Kif jirriżulta mill-istess CV is-Sur Balzan għandu esperjenza vasta fis-servizz ċivili li fih serva għal aktar minn ħamsa u tletin sena f'Ministeri differenti. Irid jingħad illi matul din il-karriera twila s-Sur Balzan mexa 'l quddiem progressivament, bis-saħħa ta' eżamijiet, fil-proċess ta' avvanzament applikabbli għas-servizz ċivili.
Jirriżulta wkoll mill-istess CV li s-Sur Balzan għandu esperjenza diplomatika ta' diversi snin, partikolarment fix-xogħol relatat man-Nazzjonijiet Uniti fejn diġa kien serva b'kompetenza għal-diversi snin kemm bħala Deputat Rappreżentant Permanenti u Charge d'Affaires fil-Missjoni Permanenti ta' Malta għan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll bħala Konslu Ġenerali fi New York. Matul il-karriera diplomatika tiegħu s-Sur Balzan assuma wkoll kariga fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti bħala Rapporteur tat-Tieni Kumitat li huwa kumitat prinċipali responsabbli għall-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji fi ħdan l-Assemblea Ġenerali. Irid jingħad inoltre li s-Sur Balzan serva, wkoll, fost oħrajn, bħala Rappreżentant Permanenti ta' Malta f'wieħed mill-Kumitati mportanti fi ħdan il-Kunsill ta'l-Ewropa.
Billi fl-estimi għas-sena korrenti 1999, f'paġna 100 - fost l-infiq stmat għal mission ta' Malta fi Strasbourg m'hemmx provvediment għas-salarju ta' ambaxxatur, jista' l-Ministru jikkonferma li ma kienx il-ħsieb li jiġi nominat ambaxxatur għal kunsill ta' l-Ewropa u jgħid skond liema liġi qed jitħallas is-salarju ta' Dr Joe Licari bħala fulltime ambassador bir-residenza b'kollox?
Response (BORG, JOE)
Ta' min ifakkar, li għalkemm lanqas biss kien jeżisti Cost Centre għall-Missjoni ta' Malta fi Strasbourg, il-Gvern preċedenti f'Lulju 1998 innomina uffiċċjal fil-livell ta' Counsellor bħala Deputat Rappreżentant Permanenti għall-Kunsill ta' l-Ewropa fuq bażi residenzjali fi Strasbourg. Dan il-Gvern ħass illi wasal iż-żmien li għal istituzzjoni importanti bħall-Kunsill ta' l-Ewropa kien jixraq illi l-livell ta' rappreżentanza fuq bażi residenzjali għandu jkun fil-livell ta' Ambaxxatur u ħa l-passi meħtieġa biex iwettaq dan il-għan.
Fiż-żewġ każi s-salarji u spejjeż oħra tħallsu mill-budget tal-Ministeru kif approvat taħt l-ATT XXVII ta' l-1997 għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-1998 u taħt l-ATT XXI ta' l-1998 għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż tal-1999.
Billi hemm diskrepanza bejn ir-risposta mogħtija mill-Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru 7314, ta' l-Onor.Evarist Bartolo, Seduta Nru.116, fejn qal li l-Ambaxxatur Salvinu Busuttil wasal Malta u għadda mill-VIP fis-27 ta' Frar u fl-1 ta' April ta' din is-sena telaq u għadda mill-VIP fis-7 ta' Jannar u fis-7 ta' Marzu; u r-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6104 ta' l-Onor.Chris Cardona - Seduta Nru. 83, fejn qal li l-istess ambaxxatur ġie Malta mill-1 sal-5 ta' Marzu, mill-5 sad-9 ta' April u mis-27 sat-30 ta' Jannar, 1999, jista' l-Ministru jgħid eżatt f'liema dati bejn il-ħatra tiegħu fit-22 ta' Jannar u l-15 ta' Novembru l-istess ambaxxatur kien hawn Malta u f'kull każ jgħid għal liema raġuni? Jista' l-Ministru jgħid ukoll min ħallas għall-vjaġġi?
Response (BORG, JOE)
B'risposta għall-mistoqsija tal-Onorevoli Interpellant qed nagħti d-dettalji rikjesti:-
ŻJARA RAĠUNI
27-30 ta' Jannar 1999 Laqgħat mal-Ministeri u
entitajiet pubbliċi u
privati li għandhom
x'jaqsmu ma' Franza.
27 ta' Frar - 7 ta' Marzu 1999 Euro-Med Forum
1-9 ta' April 1999 Tkomplija ta' laqgħat kif
indikat fiż-żjara ta'
Jannar.
29 ta' April - 4 ta' Mejju 1999 Żjara privata.
15-20 ta' Ġunju 1999 Aktar laqgħat mal-
Ministeri, kif indikat
aktar 'l fuq.
22 ta' Lulju - 1 ta' Awissu 1999 Tħejjija tal-mitt laqgħa
taċ-CIHEAM (Ċentru
Internazzjonali ta' Studju
Avvanzat fuq l-Agronomija
Mediterranja [entita
intergovernattiva]) li
fil-fatt saret f'Malta
xi jiem ilu u li
tagħha l-Ambaxxatur huwa
President.
22 ta' Awissu - 2 ta' Settembru 1999 Vakanza annwali.
10-14 ta' Ottubru 1999 Żjara oħra dwar CIHEAM.
30 ta' Ottubru - 4 ta' Novembru 1999 Żjara privata.
Dawn iż-żjarat kollha tħallsu mill-fondi personali tal-Ambaxxatur.