Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw biex jidħlu fil-Forzi Armati Maltin fis-sejħiet li saru f'dawn il-jiem?
Min liema belt/raħal ġej kull applikant?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Dan l-aħħar saru żewġ sejħiet għal ingaġġ fil-Forzi Armati.
Ninsab infurmat li 455 applikaw biex iservu fil-Forza Regulari, fis-“C (Special Duties) Company” tal-Forzi Armati, skond is-sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern Numru 17421.
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-parti tal-mistoqsija tiegħu dwar bliet u rħula ta’ dawn l-applikanti lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni.
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li applikaw biex jidħlu fil-Forzi Armati bħala suldati apprentisti fis-sengħa jew bandisti skond is-sejħa fil-Gazzetta tal-Gvern numru 17423 kienu 35. Bliet u rħula l-applikanti huma kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw biex jidħlu bħala Officer Cadets fil-Forzi Armati li s-sejħa għal dan għalqet nhar is-Sibt li għadda? Kemm minnhom huma diġa` membri fil-Forzi Armati? Min liema belt/raħal huma dawk li applikaw minn barra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li n-numru ta’ applikanti kien wieħed u tletin (31). Peress li il-formoli ta’ l-applikazzjoni ġew milqugħa mid-Dipartiment ta’ l-Eżamijiet, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi t-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni.
Jista' il-Prim Ministru jivverifika jekk fit-Taqsima tal-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet hemmx membri ta' l-istess familja li jaħdmu hemm? Jekk jirriżulta fl-affermattiv, jaħseb li huwa għaqli li qraba ta' xulxin jaħdmu f'post daqshekk sensittiv? Jista' jgħid mnejn inxtraw il-lap top computers għal din it-taqsima tal-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet? Jirriżulta li nxtraw mingħand xi ħadd li jiġi mid-Direttur? Jista' jagħti lista ta' min jaħdem fit-Taqsima tal-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet u kull persuna li taħdem hemm kemm siefret u fejn marret mindu twaqqfet din it-taqsima?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
It-tweġiba għall-ewwel mistoqsija hi fl-affirmattiv. Jien infurmat li ma teżistix “policy” tal-Gvern u li l-“Public Service Management Code”, u qablu fl-“Estacode”, ma jgħidu xejn dwar is-suġġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Ninsab infurmat li x-xiri tal-“lap tops” sar skond ir-regoli stabbiliti.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ xogħol barra minn Malta minn impjegati tat-Taqsima ta’ l-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet.
Iċ-CIMU (Central Information Managment Unit) hija responsabbli biss għaċ-ċivil jew għas-settur pubbliku kollu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-mandat ta’ CIMU joħroġ mill-Pjan Strateġiku għall-Informatika f’Servizz Pubbliku: 1999-2001. Sa llum iċ-CIMU huwa responsabbli għall-viżjoni, ippjanar u “governance” ta’ l-Informatika fis-Servizz Pubbliku biss.
Kopja ta’ dan il-Pjan huwa aċċessibli mill-“website” taċ-CIMU www.cimu.gov.mt.
L-implimentazzjoni ta' inizjattivi marbutin mal-E-government kemm jittieħdu in kunsiderazzjoni meta jiġu evalwati il-performances tal-ogħla uffiċjali taċ-Ċivil?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-evalwazzjoni tal-“performance” ta’ uffiċjali għolja fis-Servizz Pubbliku li qegħdin fuq “performace agreement” issir skond lista ta’ kriterji li tinkludi kull inizjattiva li jieħu l-uffiċjal marbuta mal-prijoritajiet tal-Gvern.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il talba saret biex vapuri u bastimenti militari jidħlu fl-ibħra u l-portijiet Maltin f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid liema talbiet ġew aċċettati u liema le? Jista' jgħid f'kull każ mil-liema qawwa militari saret it-talba?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm il-talba saret biex ajruplani militari jidħlu fl-ispazju tal-ajru Malti f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid liema talbiet ġew aċċettati u liema le? Jista' jgħid f'kull każ mil-liema qawwa militari saret it-talba?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin.
Fid-dawl tar-relazzjoni tal-kummissarju Ewropew għall-intrapriża u l-information society dwar cyber security and the European network and information security agency, jista' il-Prim Minisru jgħid jekk Malta kenitx mistiedna għal dan il-European parliament public forum, u jekk iva, fuq liema livell ħadet sehem? X'inizjattivi qed jieħu l-Uffiċċju tal-Prim Ministru flimkien ma' l-awtoritajiet kompetenti biex jilqa' għall-problemi ta' cyber security li jmorru lil hinn minn sempliċi data protection? Saru xi kuntatti ma' l-awtoritajiet kompetenti biex Malta tkun attrezzata biex tikkumbatti l-hekk imsejjaħ cyber crime?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Malta ġiet mistiedna tattendi l-“Working Party on Telecommunications and Information Society Services” bħala osservatur. Waħda mill-affarijiet li kienu qed jiġu diskussi kienet il-proposta biex titwaqqaf aġenzija għall-“European Network and Information Security”.
Malta wkoll qed tattendi bħala osservatur fl-“Electronic Communications (COMELEC-COTEL) Working Party” u l-“European Security and Defence Policy Network Security Accreditation Panel (ESDP-Net SAP)”. Dan ta’ l-aħħar jitratta dwar l-iżvilupp ta’ “Communications Network” li biha jkunu jistgħu jiġu trasmessi dokumenti klassifikati.
Fil-kuntest tas-“Security Regulations” ta’ l-Unjoni Ewropea, il-Gvern iddelega diversi funzjonijiet li huma:
· Is-“Security Services” ġiet innominata bħala in-“National Security Authority”.
· Is-Segretarjat tal-Kabinett ġie nnominat bħala s-“Security Accreditation Authority”.
· Iċ-CIMU ġie nnominat bħala l-“Infosec Authority”.
Fil-kuntest lokali, il-Gvern ħa numru ta’ miżuri li jirrigwardjaw is-sigurta` ta’ l-informazzjoni u s-“cyber crime”.
Tajjeb li wieħed ifakkar li fl-2001 il-Gvern għamel emendi fil-Kodiċi Kriminali biex jilleġisla kontra użu mhux kif dovut bil-“computer”. Iktar kmieni din is-sena fi ħdan il-Pulizija twaqqaf is-“Cyber Crime Unit” bil-għan li jiffoka fuq dan it-tip ta’ reati.
Iċ-CIMU ikkommissjona Pjan Strateġiku ta’ tlett snin għas-sigurta` ta’ l-Informazzjoni. Rakkommandazzjonijet li diġa` twettqu jinkludu:
· kreazzjoni tal-pożizzjoni ta’ “Head, InfoSec” ġo ħdan iċ-CIMU fejn bħalissa nħarġet sejħa
għall-applikazzjonijiet,
· it-twaqqif ta’ “Ministry Security Forum” fi ħdan kull Ministeru,
· kreazzjoni ta’ pożizzjoni ta’ “Ministry Information Security Officer” ġo kull Ministeru,
· il-ħruġ miċ-Cimu ta’ numru ta’ direttivi bil-għan li jgħinu l-addozzjoni ta’ l-“ISO 17799: Code of Practice
for Information Security Management”,
· kreazzjoni ta’ Dipartiment ta’ “Information Security and Risk Management” ġo ħdan il-“MITTS Ltd” li
joffri support tekniku.
Aktar kmieni din is-sena, bħala parti mill-attivitajiet għall-“Conference of Ministers of the Interior of the West Mediterranean (CIMO)”, il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Affarijiet ta’ l-Intern nieda konferenza dwar is-“cyber crime”.
Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar ġew mogħtija numru ta’ preżentazzjonijiet fil-Ministeri u Dipartimenti sabiex jiżdied l-għarfien fuq is-sigurta` ta’ l-informazzjoni. Sar ukoll “ICT Public Discussion Forum” bit-titlu ta’ “Securing Cyber Space” organizzata mill-“MITTS Ltd” fil-Kamra tal-Kummerċ li kienet miftuħa għall-pubbliku.
Peress li hemm akkużi serji mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Ragusa fi Sqallija dwar rabta bejn Malta u t-Turkija fejn jidħlu immigranti klandestini li daħlu fi Sqallija f'dawn l-aħħar ġimgħat, ma jarax il-Prim Ministru li hemm bzonn aktar sorveljanza tal-kosta peress li t-Taljani qed jallegaw li qed jitilqu dgħajjes ta' speed qawwi minn Malta b’immigranti klandestini fuqhom? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-iskwadra Marittima qed taħdem bil-patrol boats kollha? Hemm minnhom bil-ħsara?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Forzi Armati jagħmlu sorveljanza mal-kosta fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata.
Infurmat li sitt “patrol boats” qegħdin jaħdmu filwaqt li erbgħa oħra jinsabu f’fażijiet diversi ta’ manutenzjoni jew tiswija.
B'referenza għal sejħiet għal ingaġġ mal-Gvern li saru dan l-aħħar, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vakanzi f'kull grad ta' impjegati fis-Servizz Ċivili?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ postijiet fis-Servizz Pubbliku, u għaldaqstant ukoll in-numru ta’ vakanzi, jinbidel kontinwament skond l-eżiġenzi tas-Servizz.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba tniżżlu fil-log book jew xi file ieħor inċidenti li kienu jinvolvu assalt fuq suldati min-naħa ta' l-immigranti illegali mill-1 ta' Jannar 2003 sal-lum? X'kienu d-dati ta' meta nqalgħu dawn is-sitwazzjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li mill-1 ta’ Jannar sal-25 ta’ Ġunju 2003 kien hemm erba’ inċidenti: fit-2 ta’ Jannar, fis-26 ta’ Frar, fid-29 t’April u fl-14 ta’ Ġunju.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ direct orders li ħarġu mill-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru fix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra totali ta’ flus ta’ dawn id-direct orders? Jista’ il-Prim Ministru jinformani bl-istess informazzjoni għall-perjodu tas-snin 2001 u 2002?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi ħlas ta’ “direct orders” mogħtija mill-Uffiċċju tiegħi.
Servizz Ċivili — Taqsima ta' awditjar u investigazzjonijiet interni - ħaddiema
Question
B'riferenza għat-tweġiba li ngħatajt għall-mistoqsija parlamentari 309, jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra ir-rapport li hemm referenza għalih f'Appendix 2b dwar il-Welfare Committee?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li hija prattika stabbilita, anke fis-settur privat, li l-awditur intern jirraporta direttament lill-“management” ta’ l-entita` konċernata u li r-rapporti ta’ l-awditur intern jibqgħu konfidenzjali, għalkemm l-awditur estern għandu d-dritt li jitlob u li jirċievi kopja ta’ dawn ir-rapporti.
Din il-prattika hija riflessa fl-Abbozz ta’ Liġi dwar Verifika Interna u Investigazzjonijiet li bħalissa qed jiġi kkonsidrat fl-istadju ta’ Kumitat. Nirreferi b’mod partikolari lill-Onorevoli Membru għall-Artiklu 22 ta’ dan l-Abbozz li jispeċifika lil min u f’liema ċirkostanzi r-rapporti tal-awditur intern jew l-informazzjoni li jkun ġabar jistgħu jingħataw.
AFM — Promozzjonijiet fir-rank ta' Logutenent Kurunell
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jinħarġu l-promozzjonijiet fir-rank ta' Logutenent Kurunell fl-armata sabiex jimtlew il-postijiet vakanti li hemm fir-reġimenti peress li dan in-nuqqas qiegħed iħalli effett negattiv fuq is-sigurta' ta' pajjiżna u l-ibħra tagħna minħabba li taffettwa l-effiċjenza u l-amministrazzjoni ta' l-armata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-proċess ta’ l-għażla beda u li ma jirriżultax li hemm xi diffikultajiet kif qed jallega l-Onorevoli Membru.
Jista' il-Prim Ministru jgħid meta kien l-aħħar li nħarget sejħa għal grad ta' senior messenger? Hemm il-ħsieb li din is-sejħa ssir?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena infurmat li l-aħħar sejħa għall-mili ta’ postijiet fil-grad ta’ “Senior Messenger” ħarġet fl-1 ta’ Marzu, 1999.
Eżami ieħor isir meta jkun il-waqt.
B'riferenza għas-sejħa għar-reklutaġġ tas-suldati, jista' il-Prim Ministru jara li dawk li qegħdin iservu fil-forzi armati fuq bażi part-time jingħataw ukoll id-dritt li japplikaw anke jekk ikunu qabżu l-eta' speċifikata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ma jidher li hemm l-ebda raġuni valida biex tiġi estiża l-eta` massima ta’ ħamsa u għoxrin sena għal applikanti għall-suldati fil-Forza Regolari.
Single Programming Document — Proġetti ta' priorita'
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' l-abbozzar tas-Single Programming Document fejn Malta se telenka l-proġetti ta' priorita' li l-Unjoni Ewropea se tintalab tikkofinanzja? Liema huma dawn il-proġetti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-ewwel abbozz uffiċjali tas-“Single Programming Document” intbagħat lill-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta’ Mejju 2003. Bħalissa dan l-abbozz qiegħed jiġi diskuss internament bejn is-servizzi tal-Kummissjoni. Meta dan il-proċess jitlesta, il-Kummissjoni toħroġ mandat għan-negozjati. Huwa mistenni li n-negozjati jibdew f’Settembru 2003. Sa Settembru, Malta ser taħdem fuq abbozz tal-“Programme Complement”. Dan huwa dokument li fih jiġu identifikati f’iktar dettall is-settur u l-miżuri fejn ser jintefqu l-fondi strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-“Programme Complement” jibqa’ jgħodd bħala “working document” sakemm jispiċċa l-perijodu ta’ l-implimentazzjoni tas-“Single Programming Document” fis-sena 2006.
Il-prijoritajiet li ġew identifikati fis-“Single Programming Document” huma ħamsa:
1. Investimenti strateġiċi u t-tisħiħ tas-settur kompetittiv
2. L-iżvilupp tar-riżorsi umani
3. l-iżvilupp tas-settur rurali u tas-sajd
4. Prijorita` speċjali għal Għawdex
5. Assistenza teknika
Jista' il-Prim Ministru jara li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa dwar kif fil-Palace Tower Signal Station l-istaff sergeant li ismu qed jintbagħat separatament jawtroiżża ħlasijiet il-Ħadd għall-persuni li jitniżżlu li jaħdmu meta fil-fatt ma jkunux ħadmu għax ma jkunux xogħol bħal per eżempju fil-każi dettalji li qed jintbagħtu separatament kif jista' jiġi verifikat mil-logbooks?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li wara li saru l-investigazzjonijiet meħtieġa, irriżulta dan li ġej:-
a. Id-data tas-6 ta’ Novembru 2002, kienet l-Erbgħa u mhux il-Ħadd. Membri tal-Forzi Armati jitħallsu paga doppja f’każ li jkunu xogħol fil-Ħdud.
b. Rigward it-tieni każ, kien ikkonfermat li l-individwu kien xogħol ta’ bil-lejl il-Ħadd, 27 ta’ April 2003. Għalkemm isem l-individwu tniżżel bħala preżenti għax-xogħol fid-“Daily Parade State” (li turi kull individwu jekk ikunx xogħol, frank jew marid) bi żball tħalla barra mil-“Log Book” li jinżamm fil-“Palace Tower Signal Station”.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu fi żmien qasir, jagħti r-rimedji ta' dawk ir-rrakkmandazzjonijiet mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji li s'issa ġew injorati? Jista' il-Prim Ministru jgħid u jagħti tagħrif ukoll dwar x'inhuma d-diffikultajiet legali għaliex il-Gvern għadhu ma implimentax ir-rakkmandazzjoni ta' dan it-Tribunal?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li mill-416 każ deċiżi favur ir-rikorrent, seba’ każi ma setgħux jiġu mplimentati. Dawn huma każi fejn it-Tribunal irrakomanda promozzjoni u l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku sabet li ma setgħetx timplimentahom.
Barra dawn, hemm seba’ każi oħra fejn ir-rikomandazzjoniet tat-Tribunal qed jiġu kkontesti quddiem il-Qorti Ċivili.