Jista' il-Prim Ministru jgħid x'benefiċċju barra s-salarju għandhom impjegati fiċ-Ċivil fi Skala1, Skala 2, Skala 3, Skala 4?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Naħseb li l-Onorevoli Membru jaf li mhux kull min qiegħed fuq skala ta’ salarju 1 sa 4 għandu xi benefiċċju barra s-salarju iżda huma s-Segretarji Permanenti, d-Diretturi Ġenerali u d-Diretturi li qegħdin fuq “performance agreement” għal tliet snin li għandhom il-“performance bonus”, l-“expense allowance”, karozza uffiċjali, u s-servizz tat-telefon b’xejn.
Jista' il-Prim Ministru jgħid meta ser jibda r-reklutaġġ tal-persuni li għaddew mill-eżami għal skrivan mal-Gvern? Għal kemm jgħodd dan l-eżami?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 1 fis-Seduta Numru 4 tat-28 ta’ Mejju 2003.
Ninsab infurmat li l-eżami għar-reklutaġġ ta’ Skrivani fis-Settur Pubbliku huwa validu għal żmien sena mill-ħruġ tar-riżultat uffiċjali li kien is-16 ta’ Mejju 2003.
Skond il-pjan tal-gvern għal din il-leġislatura, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu maħsub li jiżdiedu jew jonqsu l-impjiegi maċ-ċivil?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-pjan tal-Gvern għal din il-leġislatura għal dak li jirrigwarda l-impiegi fis-Servizz Pubbliku mhuwiex differenti minn dak tal-leġislatura ta’ qabel.
L-għan ewlieni jibqa’ li jsir użu massimu mir-riżorsi umani eżistenti u li n-numru jkompli jiċkien mhux biss permezz ta’ inizzjattivi bħal privatizzazzjoni jew ta’ aktar “public private patnership”, iżda wkoll billi tkompli tiżdied l-effiċjenza.
Palazz tal-President — Bini ta' fejn jiltaqa' il-parlament
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-hsieb li jbiddel il-lokazzjoni ta' fejn illum jiltaqa' il-parlament?
Jekk fl-affermativ, x'inhuma l-pjanijiet tal-gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nhar il-25 ta’ Ġunju fil-Parlament, jien awgurajt li jkun hawn xi forma ta’ kunsens dwar kif nistgħu jkollna ambjent fiżiku tal-Parlament ħafna aħjar milli hu llum.
Servizz Ċivili — Awditjar tas-sistema ta' l-informatika
Question
L-audit tas-sistemi ta' l-informatika fis-settur pubbliku isir miċ-CIMU jew mill-MITTS innifisha f'isem iċ-CIMU? Jista' il-Ministru jagħti indikazzjoni tar-riżultati ta' audits simili u jekk dawn irriżultawx li kienu konformi ma' prattiċi stabiliti fl-informatika?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-verifika fis-Servizz Pubbliku dwar il-“policies” u “standards” stabbiliti miċ-CIMU isiru miċ-CIMU.
Iċ-CIMU f’ċerti każijiet tikkuntrattja l-MITTS Ltd bħala l-aġent tagħha biex tagħmel verifiki fuq “standards” tekniċi. F’kull każ, iċ-CIMU ikollu l-kontroll u l-koordinazzjoni ta’ dawn l-verifiki.
Ir-riżultati kienu varji u kull fejn instabu prattiċi li ma kienux konformi mal-“policies” u “standards” stabbiliti, nbeda l-proċess biex dawn jiġu konformi mal-“policies” u “standards” maħruġa
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' mobile phones li juża l-uffiċċju tal-Prim Ministru u d-dekasteri kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża tas-servizz u tat-telefonati fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? Kemm tħallset minn din l-ispiża fil-mument?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kif qed tinħadem is-seniority bejn l-instructors bil-permanent warrant u t-teachers fid-dipartiment ta' l-edukazzjoni billi issa ħafna minnhom qed jgħallmu fl-istess skejjel u l-istess suġġetti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li hemm “seniority lists” separati peress li dawn iż-żewġ gradi ġejjin minn żewġ “career streams” distinti u separati.
Dipartimenti Governattivi — Computers li jifilħu XP upgrade
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'persentaġġ mill-computers tad-dipartimenti varji tal-gvern jifilħu XP upgrade?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-“Microsoft XP Upgrade” għandu bżonn “computer” li jkollu dawn il-kwalitajiet jew aħjar:
Livel ta’ “Processor”: Pentium III
Memorja: 256MB RAM
Spazju vojt fuq id-diska: 2Gbytes
Minn numru tal-“PCs” li jinstabu fis-Servizz Pubbliku u fis-settur ta’ l-edukazzjoni huwa misjub li hemm madwar 18 fil-mija li jifilħu l-“XP”.
Huwa tajjeb li wieħed jenfasizza li l-Gvern huwa kontinwament jibdel il-kompjuters tiegħu u għaldaqstant l-arranġament mal-“Microsoft” ikopri kompjuters ġodda wkoll.
Fl-aħħarnett, għax il-Gvern kien konxju tal-fatt li għandu stokk kbir ta’ kompjuters li huma ta’ tip “Pentium II” jew inqas, l-arranġament mal-“Microsoft” jippermetti l-“upgrade” ta’ dawn il-“PCs” għall-“Windows ’98” u “Office ’97 (Pentium II)” u “Windows ’95” u “Office ’95 (Pentium I)
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' karozzi tal-gvern li qegħdin jintużaw mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minn dawn huma government owned u kemm huma mikrija? Fil-każ ta' dawk mikrija, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huma mikrija u jekk humiex leased on contract? Min qed jagħmel użu minn dawn il-karozzi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti għall-change of address tal-karti ta' l-identita' minn malta għal Għawdex mill-1998 sal-lum, separatament għal kull sena?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li bidlu l-indirizz taghhom minn Malta ghal Ghawdex mis-sena 1998 sal-lum huma:
1998 190
1999 334
2000 311
2001 374
2002 435
2003 (sat-30/6) 268
Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex il-barranin li qed japplikaw għall-karta ta' l-identita' f'Għawdex qed idumu sa sitt xhur biex jieħdu l-karta ta' l-identita' tagħhom? Jista' isir xi ħaġa biex dan id-dewmien jonqos?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-barranin li japplikaw għall-karta ta’ l-identita` qed idumu biex jieħdu l-karta ta’ l-identita` għall-ewwel darba minħabba verifiki li jsiru dwar il-pożizzjoni legali tagħhom fil-gżejjer Maltin u dwar l-indirizz li jkunu applikaw fuqu. Spiss jiġri li meta ssir spezzjoni fuq il-post ma jinstab ħadd id-dar u għalhekk il-każ ma jkunx jista’ jkompli miexi qabel isiru aċċertamenti oħrajn dwar l-indirizz residenzjali tagħhom.
Qed jittieħdu l-passi biex dawn il-proċeduri jinbidlu u jitħaffu.
Il-Gvern għandu l-ħsieb li jagħmel electronic archiving tal-Cabinet papers?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Uffiċċju tal-Kabinett fil-fatt diġa` qiegħed iwettaq programm ta’ “Scanning” tal-Memoranda tal-Kabinett. S’issa ġew “scanned” il-Memoranda tal-perijodi 1962-1971 u 1987-1996. B’hekk dawn id-dokumenti se jkunu arkivjati b’mod elettroniku. Dwar il-perijodu 1971-1987 ma jidhirx li l-prattika ta’ tħejjija ta’ Memoranda għal kull laqgħa tal-Kabinett kienet ġiet stabbilita b’mod sistematiku.
Dwar il-Minuti tal-Kabinett dawn ilhom jinżammu wkoll b’mod elettroniku mill-1987. Il-Minuti għall-perijodu 1962-1971 kienu jinżammu miktubin bl-idejn f’reġistri “ad hoc” u għalhekk mhux faċli li jiġu “Scanned”. Dwar il-Minuti tal-Kabinett għall-perijodu 1971-1987, għalkemm jeżistu “hard copies” ta’ Minuti ta’ diversi laqgħat tal-Kabinett, anki hawn ma jidhirx li dawn kienu jinżammu b’mod sistematiku.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu huwiex qed jaħdem fuq ISSP strategic plan għall-information technology għas-snin li ġejjin? Fiex wasal dan? Ġie approvat? Meta mistenni li jibda jiġi attwat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li diġa` tlesta l-ewwel abbozz ta’ Pjan Strateġiku għas-Sistemi ta’ l-Informatika għas-Servizz Pubbliku (“Information Systems Strategic Plan for the Public Service) għas-snin 2003 sa 2005. In vista tat-tibdil fil-qasam ta’ l-informatika li ġabet magħha l-Leġislatura l-ġdida, dan il-Pjan għadu ma tressaqx għall-approvazzjoni tal-Kabinett. Madanakollu, peress li l-Pjan jipprovdi għal kontinwita` mal-Pjan ta’ qabel, ix-xogħol għadu għaddej fuq inizzjattivi li diġa` nbdew, bħal “e-Government”.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għamilx impact analysis/assessment dwar l-impatt fuq hardware u software applications użati mill-gvern għal meta ssir il-bidla għal sistema XP compliant?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kemm il-Ministeru responsabbli għall-politika tal-“e-Government” kif ukoll iċ-CIMU fil-Ministeru tiegħi, għamlu studju ta’ livell għoli tal-“cost benefit” li bidla għall-“XP” jista’ jrendi lill-Gvern.
Issa li l-proċess tal-bidla beda, iċ-CIMU ngaġġat il-MITTS Ltd biex timplementa dan il-proċess f’isimha. Hu ppjanat li l-provi kemm fuq “hardware” u applikazzjonjiet isir b’mod strutturat waqt il-proċess tal-bidla.
Kemm inxtraw karozzi ġodda jew huma fil-proċess li jinxtraw u kemm, jew mikrija jew huma fil-proċess li jinkrew mit-12 ta' April ta' din is-sena sal-lum mill-Uffiċju tal-Prim Ministru u d-Dipartimenti, korporazzjonijiet, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru ta' l-Uffiċju tal-Prim Ministru? Kemm fil-fatt huwa n-numru totali ta' karozzi mixtrija u mikrija mid-dikasteri li jaqgħu taħt l-uffiċju tal-Prim Ministru?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Minħabba l-importanza dejjem tikber tas-Sigurta' fil-qasam tal-informatika x'passi konkreti qed jieħu l-Gvern permexx taċ-CIMU biex jiżgura li jkollu information security programme ta' l-għola livell? Dan kif sejjer jiġi cascaded Ministeri kkonċernati direttament jew permezz tal-Ministru responsabbli mit-Tekonloġija ta' l-informatika?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ċ-CIMU ikkommissjona Pjan Strateġiku ta’ tliet snin għas-Sigurta` ta’ l-Informazzjoni li ġie finalizzat aktar kmieni s-sena l-oħra. Ir-rakkommandazzjonijiet ewlenin tal-Pjan Strateġiku huma li l-Gvern jaddotta:
· “ISO 17799: Code of Practice for Information Security Management”
· “BS 7799 Part 2: Specification for Information Security Management”
· “COBIT Framework: Control Objectives for Information and related Technologies”
Waħda mill-ewwel miżuri li ttieħdu kienet it-twaqqif ta’ “ICT Security Team” bl-għan li:
· jipparteċipa w jfassal strateġija għas-sigurta` fis-Servizz Pubbliku
· immexxi l-implementazzjoni ta’ l-istrateġija
· jirrivedi d-direttivi tas-sigurta` għat-teknoloġija ta’ l-Informatika w kommunikazzjoni qabel jiġu ppreżentati
l-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall-approvazzjoni
· joħroġ pubblikazzjonijiet fuq “best practice, policies” u “standards” għas-Servizz Pubbliku
· jattwa “management reviews” u “audits” fuq l-istruttura tas-sigurta` fi ħdan is-Servizz Pubbliku.
Il-pjan jikkontempla implementazzjoni maqsuma w mifruxa bl-introduzzjoni ta’ direttivi fl-għaxar taqsimiet ipproponuti fl-“ISO 17799” b’dan il-mod:
· “Information Security Policy & Minimum Information Security Directive”
· “Information Security Organisation & Information Security Organisation Directive”
· “Information Compliance Policy & Information Compliance Directive”
· “Physical & Environment Security Policy”
· “Access Control Policy”
· “Personnel Security Policy”
· “Asset Classification & Control Policy”
· “Communications & Operations Management Policy”
· “System Development & Maintenance Policy”
· “Business Continuity Management Policy”
Responsabilitajiet ġew stabbiliti taħt il-forma ta’ direttivi sabiex jiġi assigurat li l-implementazzjoni tas-Sigurta` tal-Informazzjoni ma titħallix mal-ġenb. Ftit minn dawn ir-responsabilitajiet jinkludu:
· Is-Segretarju Permanenti huwa responsabbli għall-affarijiet ta’ sigurta` fi ħdan il-Ministeru u jrid iwaqqaf u jmexxi l-“Ministry Information Security Forum” għal Ministeru tiegħu.
· Il-Kapijiet tad-Dipartimenti huma responsabbli għall-affarijiet ta’ sigurta` fi ħdan id-dipartiment.
· L-“Information Management Officers” fi ħdan kull Ministeru ġew mogħtija r-responsabilta` ta’ “Information Security Office” għal Ministeru.
L-“Information Security Policies” u “Standards” qegħdin jiġu ppubblikati fuq il-“web-site” taċ-CIMU www.cimu.gov.mt.
Nixtieq nirreferi l-Onorevoli Interpellant ukoll għat-tweġibiet li tajt għad-domandi parlamentari 727 u 747.
Illum min huwa responsabbli għall-IT Audit Function?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-qafas ta’ “governance” għall-informatika fis-Servizz Pubbliku llum huwa fuq bażi ta’ deċentralizzazzjoni kkontrollata. Fiċ-ċentru, iċ-CIMU huwa responsabbli biex jipproponi l-politika ta’ l-informatika li s-Servizz Pubbliku għandu jaddotta. Iċ-CIMU fi ħdanu għandu funzjoni biex tagħmel f’mod perjodiku verifika ta’ konformità biex tara li l-politika adottata qegħda tiġi applikata. F’numru ta’ oqsma, iċ-CIMU tikkuntrattja l-MITTS Ltd bħala l-aġent tekniku tagħha biex jagħmel verifika f’isimha.
Fil-biċċa l-kbira tal-ministeri llum hemm “Information Management Officer” li jirrapporta li s-Segretarju Permanenti u li hu responsabbli għall-informatika fi ħdan dak il-ministeru. Parti mir-rwol tal-“Information Management Officer” huwa li jara li l-politika ċentrali kif ukoll ministerjali ta’ l-informatika qegħda tiġi applikata mill-uffiċjali f’dak il-ministeru.
Fl-aħħar nett, il-politika taċ-CIMU tpoġġi l-accountabilita biex il-qafas ta’ l-informatika għas-Servizz Pubbliku jiġi applikat mill-Kap tad-Dipartiment.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien biex ikun hemm sistema ta' intranet għas-settur pubbliku kif għandhom diversi aġenziji u ditti kbar privati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġa` hemm sistema ta’ “Intranet” tal-Gvern, imsejħa proprju “Intranet” għas-Servizz Pubbliku. Din ilha topera b’mod uffiċjali mit-3 ta’ April ta’ dis-sena, u hi aċċessibbli minn kull “computer” tal-Gvern imqabbad man-“network” tal-Gvern (il-“Malta Government Network” jew “MAGNET”), fl-indirizz http://intra.gov.mt. Mindu beda, dan is-servizz diġa` ġie aċċessat ’il fuq minn 19,000 darba. Permezz tiegħu jitqassmu mas-Servizz Pubbliku notizji, ċirkularijiet, rapporti, formoli, “software”, u diversi dokumenti u riżorsi oħra tal-Gvern. Fil-futur l-“Intranet” se tkompli tiġi żviluppata biex taqdi l-bżonnijiet speċifiċi ta’ gruppi partikolari ta’ uffiċjali. Qed issir ħidma wkoll biex permezz ta’ l-“Intranet” jinħoloq aċċess għat-tagħrif li ser jinżamm fil-“Corporate Data Repository” tal-Gvern.