Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #1773 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sehem ta' Malta f'attivita' militari

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li meta tieħu sehem fl-ESDF Exercises CME/CMX 03 u CME 04, Malta mhijiex se tieħu parti f'dik il-parti militari li tuża NATO Assets?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-e¿ercizzji msemmija Malta mhux se tippartecipa f’dik il-parti militari li tu¿a “NATO assets”.
Leg 10 PQ #1777 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta sejrin jiġu mpjegati mas-servizz ċivili dawk li għaddew minn eżamijiet kompetittivi f'dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li tul dawn l-aħħar sitt xhur kien hemm żewġ eżerċizzji ta’ reklutaġġ li fihom kienu jikkomprendu eżami kompetittiv (bil-miktub) u li ġew konklużi. Wieħed mill-eżamijiet kien għal Messaġġiera tal-Qorti. Il-ħatra tal-kandidati ġiet approvata. Il-każ l-ieħor, huwa dak ta’ l-Iskrivani. Ir-reklutaġġ isir skond l-esiġenzi tas-servizz.
Leg 10 PQ #1778 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Maltapost — Ħaddiema - Servizz Ċivili

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' postmen li għażlu li jerġgħu lura minn mal-Maltapost għas-Servizz Ċivili? Meta sejrin jiġu trasferiti għas-Servizz Ċivili? Huwa minnu li se tonqsilhom il-paga?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

In-numru ta’ impjegati tal-Maltapost li għażlu li jiġu jaħdmu fis-Servizz Pubbliku huwa ta’ mija wieħed u tletin (131). Minn dawn in-numru ta’ “postpersons” huwa ta’ 21. It-trasferiment sejjer isir fi żmien qasir u ħadd m’hu ser titnaqqaslu l-paga.
Leg 10 PQ #1780 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati maċ-Ċivil

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huma l-impjegati fis-servizz ċivili bħala Clerks, Executive officers, Administrative Assistants, Principals, Senior Principals, Assistant Directors, Directors u Directors General illum u kemm kienu fis-sena 2002 u fis-sena 2001? Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vakanzi f'kull grad ta' impjegati fis-Servizz Ċivili?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-grad ta’ “Administrative Assistant” illum inbidel f’dak ta’ “Assistant Principal”. In-numru ta’ vakanzi f’kull grad fis-Servizz Pubbliku jinbidel kontinwament skond l-esiġenzi tas-Servizz u d-disponibilita` ta’ fondi.
Leg 10 PQ #1781 Sitting 38 2003-10-06 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Civili — Vakanzi

Question

B'referenza għal sejħiet għal ingaġġ mal-Gvern li saru dan l-aħħar jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vakazi f'kull grad ta' impjegati fis-Servizz Ċivili?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija numru 775 tat-30 ta’ Ġunju 2003 f’seduta numru 16.
Leg 10 PQ #1644 Sitting 37 2003-09-30 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapporti u Studji — Malta - EU - Uffiċju tal-Prim Ministru

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul l-2000, l-2001 u l-2002 u l-2003 kemm ġew ikkontrattati rapporti u studji fuq aspetti legali, aspetti ekonomiċi u fiskali u oħrajn, dwar id-dħul ta' Malta fl-UE? Jista' il-Ministru jgħid min huma n-nies li ġew maħtura sabiex iħejju tali rapporti u studji u jagħti dettalji dwar dawn in-nies?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar is-sena 2000 ingħatat fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23461 fit-12 ta’ Frar 2001. Wara s-sena 2000 ġie ikkummissjonat rapport ieħor mill-MITTS Ltd dwar “The Application to MITTS Ltd of the EU Public Procurement Rules”. Dan ir-rapport ġie ppreparat f’Jannar 2001 minn White and Case, ditta bbażata fi Brussell li tipprovdi xogħol ta’ konsulenza legali.
Leg 10 PQ #1660 Sitting 37 2003-09-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Laqgħa bejn il-Prim Ministru u l-President Bush

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex waslu l-isforzi tal-gvern biex issir laqgħa bejnek mal-President Amerikan Bush? Fiex waslu l-isforzi tal-gvern tiegħek biex jinġieb Malta il-Kanċillier Ġermaniż Schroder?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ma nifhmix xi jfisser l-Onorevoli Interpellant bl-espressjoni “sforzi tal-Gvern” u nissuġġerrixxi lill-Onorevoli Interpellant joqgħod fuq sorsi ta’ informazzjoni aktar attendibbli.
Leg 10 PQ #1676 Sitting 37 2003-09-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Membri li pprovdew petrol lil dgħajsa ta' klandestini

Question

Billi l-Ministru tal-Ġustizzja u Intern stqarr pubblikament li d-deċiżjoni li jingħata l-petrol lil dgħajsa mimlija klandestini ttieħdet on the spot minn membri tal-Forzi Armati ta' Malta, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk id-deċiżjoni ttieħditx on the spot mill-fizzjali li kienu abbord l-opra tal-baħar tal-Forzi Armati jew jekk kienux qegħdin jaġixxu fuq ordni superjuri ta' uffiċjal għoli tal-Forzi Armati? Jekk iva, min hu dan l-uffiċjal? Jekk id-deċiżjoni ngħatat mill-Forzi Armati ta' Malta, ma jaħsibx il-Prim Ministru li għall-ġejjieni għandu jkun ikkonsultat qabel ma tittieħed deċiżjoni amministrattiva li jista' ikollha konsegwenzi ta' natura politika ma' pajjiżi ġirien tagħna?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Forzi Armati aġixxew skond interpretazzjoni ta’ “policy directives” li ġew stabbilita żmien ilu wara konsultazzjonijiet meħtieġa. Jidher li f’dan il-każ qamet diverġenza dwar interpretazzjoni legali wara li l-Forzi Armati kienu ħadu d-deċizjoni tagħhom b’mod trasparenti
Leg 10 PQ #1284 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid min huma l-persuni li qegħdin jaħdmu fil-ministeru u x'inhu r-rwol tagħhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ma naħsibx li jkun xieraq li nxandar l-ismijiet ta’ dawk il-persuni li qed jaħdmu fis-Segretarjat Privat tiegħi u ma nistax nifhem x’utilita` jista’ jkollha din l-informazzjoni. Il-pożizzjonijiet li jokkupaw dawn il-persuni huma pożizzjonijiet prattikament uniformi għall-Ministeri kollha u qegħdin spjegati f’dokument li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra matul il-Leġislatura preċedenti.
Leg 10 PQ #1556 Sitting 35 2003-09-29 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji — Għoti ta' kumpens mill-HSBC Bank

Question

Peress illi qed jingħataw deċiżjonijiet mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji kontra l-HSBC Bank Malta plc gia Mid Med Bank Ltd; peress illi l-bank imsemmi qed jirrifjuta milli jagħti l-kumpens a tenur ta' l-istess deċiżjonijiet, jista' il-Prim Ministru jgħid min se jħallas dawn il-kumpensi u x'rimedji għandhom dawk l-impjegati li jkunu rebħu l-każ u mingħand min?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Gvern għandu parir legali li l-Bank imsemmi hu suġġett għall-ġurisdizzjoni tat-Tribunal skond l-Att dwar it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji.
Leg 10 PQ #1484 Sitting 32 2003-09-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Sehem ta' Platoon Malti fl-RDF

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien l-eżitu tad-diskussjonijiet li saru bejn l-AFM u l-Missjoni Militari Taljana lejn tmiem Lulju dwar is-sehem ta' Platoon Malti mal-Kontinġent Taljan fir-Rapid Deployment Force ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Filwaqt li nikkonferma li f’Lulju li għadda saru taħdidiet dwar is-suġġett, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-taħdidiet għadhom għaddejjin u qegħdin isiru mal-Ministeru tad-Difiża Taljan.
Leg 10 PQ #1502 Sitting 31 2003-09-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jibda l-ingaġġ ta' dawk li għaddew mill-aħħar eżami għall-iskrivana maċ-ċivil?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1 f’seduta numru 4 tat-28 ta’ Mejju 2003.
Leg 10 PQ #1300 Sitting 29 2003-09-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Anti-Spam Initiatives

Question

Il-Gvern Malti qed jippjana xi anti-spam initiatives biex jiġi in line mad-direttiva tal-UE dwar privatezza u kommunkazzjoni elettronika? Il-Gvern iddeċieda jekk jipprovdix xi forma ta' protezzjoni kontra l-ispam lill corporate u individual e-mail users? Il-Gvern jaqbel mal-fehma alternattiva li miżuri ebsin anti-spam ixekklu l-buisness to buisness commerce filwaqt li oħrajn jisħqu dwar il-fatt li e-mail li jkun unsolicited jista' xorta waħda joħloq il-problemi għall-kummerċ elettroniku?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant lill-Ministru kkonċernat. Dwar is-Servizz Pubbliku l-Gvern diġà ħa passi sabiex jirriduċi l-volum ta’ “spam” li jasal għand l-uffiċjali li għandhom l-“e-mail account”.
Leg 10 PQ #1347 Sitting 29 2003-09-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żjarat barra l-pajjiż

Question

Kemm hemm żjarat tas-sinjurija tiegħek pendenti barra l-pajjiż? Kemm minnhom ġew ikkonfermati u meta mistennija li jseħħu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xogħol uffiċjali barra minn Malta.
Leg 10 PQ #1467 Sitting 29 2003-09-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Operazzjonijiet ta' salvataġġ

Question

Jista' l-Prim Ministru ġentilment jgħid kemm-il darba l-Forzi Armati ta' Malta ġew imsejħa tul l-2002 u l-2003 għal operazzjonijiet ta' salvataġġ? Kemm minnhom kienu operazzjoniet ta' salvataġġ biex ifittxu sajjieda jew baħħara mitlufa fuq il-bahar?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

In-numru ta’ operazzjonijiet ta’ salvataġġ li l-Forzi Armati ta’ Malta ġew imsejħa tul is-snin 2002 u 2003 huma kif murija hawn taħt:- Sena Numru ta’ Każijiet Tfittxija ta’ Sajjieda jew Baħħara fuq il-Baħar 2002 303 Xejn 2003 202 3
Leg 10 PQ #1256 Sitting 28 2003-07-21 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal-Lija — Villa Francia

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'użu qed isir minn Villa Francia f'Ħal-Lija li kienet tħalliet b'wirt għall-Istat? Jista' jgħid jekk hemmx possibbilta' li tibda tintuża mill-kunsill lokali tal-post?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li hemm programm ta’ xogħol ta’ restawr ġo Villa Francia. Għad m’hemmx deċiżjoni finali dwar l-użu tal-Villa.
Leg 10 PQ #1260 Sitting 28 2003-07-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartimenti tal-gvern — Transfers

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 1141 u cioe' kemm saru transfers mill-ewwel tas-sena 2002 sal-lum fid-dipartimenti tal-gvern kollha?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ trasferimenti bejn ministeru u ieħor kif approvat mill-“Management and Personnel Office” mill-1 ta’ Jannar, 2002 sat-8 ta’ Lulju, 2003 huwa ta’ 456. Dwar it-trasferiment fi ħdan l-istess ministeru u mhux fl-Uffiċċju tiegħi, nitlob l-Onorevoli Interpellant jindirizza l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat billi dawn it-trasferimenti jiġu approvati mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru rispettiv. Trasferimenti bejn dipartiment u ieħor fid-dekasteru tiegħi fl-istess żmien kienu 32.
Leg 10 PQ #1321 Sitting 28 2003-07-21 Oral · Final From: JOSEPH ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Funzjoni tal-koperattivi — Rapporti

Question

Jista’ l-Prim Minsitru jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 851 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi u cioe' jgħid jekk sarx xi rapport mill-Ministeru dwar il-funzjoni tal- koperattivi li twaqqfu fi ħdan iċ-Ċivil qabel l-elezzjoni li għaddiet? Jekk iva, x'kienu l-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport? Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta'dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi l-Bord li twaqqaf mill-“Management and Personnel Office”, fl-Uffiċċju tiegħi li kien kompost ukoll minn rappreżentanti tal-Ministeru tal-Finanzi u tal-Bord tal-Koperattivi ssottometta rakkomandazzjonijiet dwar l-operat tal-Koperattivi komposti minn uffiċjali pubbliċi u kif ix-xogħol permezz ta’ Koperattivi minn uffiċjali pubbliċi jista’ jiġi nkoraġġit. Qabel ma jiġi konkluż ir-rapport jinħtieġ li ssir evalwazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u l-implimentazzjonijiet tagħhom. Din l-evalwazzjoni qiegħda ssir u mistennija tiġi konkluża f’qasir żmien.
Leg 10 PQ #1141 Sitting 24 2003-07-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartimenti tal-Gvern — Transfers

Question

No question text.

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.