Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 10 PQ #3069 Sitting 66 2003-11-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Filming ta' Undercover

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il tip ta' servizz ingħata mill-Forzi Armati ta' Malta biex jinġibdu siltiet minn Undercover fl-aħħar ġimgħa ta' Awissu, kemm bil-mezzi ta' l-ajru kif ukoll bil-mezzi tal-baħar? Kemm-il siegħa nħliet, kemm tħallsu flus u jekk l-Armata tħallsitx tas-servizz kollu li ngħata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li biex inġibdu siltiet mis-sensiela “Undercover” intużaw żewġ “helicopters” tat-tip “Aloutette”, ajruplan “Islander”, “Patrol Boat” u “Rescue Boat”. Uħud mix-xeni inġibdu waqt xogħol ta’ rutina u għalhekk ma ġiex mitlub ħlas. Għal titjiriet oħra li saru apposta l-Forzi Armati tħallsu s-somma ta’ Lm1,150, waqt li għax-xeni tar-“Rescue Boat” il-Forzi Armati għad iridu jibgħatu l-kont lill-kumpanija konċernata.
Leg 10 PQ #2977 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

EU/NATO Crisis Management Military Exercise — Sehem ta' Malta

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2820 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Prim Ministru jgħid x'se jkun is-sehem limitat ta' Malta fil-joint EU/NATO Crisis Management Exercise militari tad-19-25/11/03 minħabba li se jintużaw NATO Assets and Capabilities? Jista' jagħti dettalji dwar il-Fictitious Crisis Scenario li se jkun il-bażi ta' dan l-eżerċizzju?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1773 u 2673, ninfurmah li s-sehem ta’ Malta fl-eżerċizzju jikkonsisti fi twaqqif ta’ żewg ċelloli, waħda fl-Ambaxxata Maltija fi Brussell u l-oħra fi ħdan l-“EU Directorate”. Xogħol dawn iċ-ċelloli hu ta’ “liaison” u kollegament u biex isegwu dak li jkun qiegħed iseħħ waqt l-eżerċizzju. Irrid ngħid li dawn l-eżerċizzji ma jinvolvux truppi iżda huma mmirati biex jittestjaw is-sistemi ta’ kollegament u koperazzjoni li l-UE qegħda toħloq fir-rigward ta’ “Crisis Management Operations”. Ix-xenarju għal dan l-eżerċizzju ġie żviluppat skond il-prinċipji tal-“UN Charter” u jgħin biex jiġu kkunsidrati diversi “options” ta’ “crisis management operations”. L-eżerċizzju jiffoka fuq l-azzjoni li trid tittieħed qabel wieħed jiddeċiedi li jagħmel intervent bit-truppi.
Leg 10 PQ #2979 Sitting 62 2003-11-24 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Bdoti tal-helicopters

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il siegħa training għamlu l-bdoti tal-helicopters u ta' l-ajruplani ta' l-AFM matul Lulju, Awissu u Settembru ta' din is-sena, separatament għal kull xahar?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hi: Taħrig fuq Ajruplani Taħriġ fuq Helicopters Lulju 10 siegħat 30 siegħa Awissu 16-il siegħa 20 siegħa Settembru 10 siegħat u 45 minuta 20 siegħa
Leg 10 PQ #2918 Sitting 61 2003-11-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Eżami għal Assistant Chief Printer

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif se tintgħażel il-karta ta' l-eżami li se ssir fl-iStamperija tal-Gvern għal Assistant Chief Printer? Minn min issir l-għażla ta' l -istess karta? Hemm lok għal dan il-post, meta l-istess stamperija trid tnaqqas l-ispejjeż u mhux iżżidhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li l-“Board” approvat mill-“Public Service Commission” ser jagħmel il-karta ta’ l-eżami għall-post ta’ “Assistant Chief Printer”. Il-karta tkun tikkonsisti f’mistoqsijiet tekniċi konnessi mad-doveri tal-post. Skond l-istruttura preżenti ta’ l-Istamperija tal-Gvern, il-post ta’ “Assistant Chief Printer” għad hemm bżonnu.
Leg 10 PQ #2835 Sitting 59 2003-11-19 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PPPs

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'miżuri konkreti qed jittieħdu biex jitwaqqfu aktar private public partnerships?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi ma hemmx pjani konkreti li immedjatament jitwaqqfu aktar “Private Public Partnership”. Is-suċċess li kiseb l-ewwel esperiment f’dan il qasam huwa awgurju tajjeb għall-futur ta’ din l-inizjattiva.
Leg 10 PQ #2829 Sitting 58 2003-11-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MCESD — National competitiveness advisory committee

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba iltaqa' n-National competitiveness advisory committee tal-MCESD? Meta saru dawn il-laqgħat?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li n-“National Competitiveness Advisory Committee” tal-MCESD iltaqa’ darbtejn informalment fl-4 u s-7 ta’ Awissu. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ formalment għada l-erbgħa 19 ta’ Novembru 2003 taħt l-isem ġdid tiegħu “National Competitiveness Committee”.
Leg 10 PQ #2831 Sitting 58 2003-11-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur pubbliku — Human resource audit

Question

Il-gvern qatt għamel human resource audit tas-settur pubbliku?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li l-awditjar ta’ riżorsi umani fis-Servizz Pubbliku huwa proċess kontinwu kemm fid-diversi Ministeri u Dipartimenti kif ukoll ċentralment permezz tal-“Management and Personnel Office”. Qabel jimtela kull post jiġi assigurat mill-Ministeru konċernat illi l-vakanza għal-mili tal-post teżisti, jew in-neċessità li jinħoloq post ġdid hija assoluta, u li hemm flus biżżejjed biex jitħallas is-salarju għal sena, tal-post li sejjer jimtela. Din l-informazzjoni tiġi verifikata mill-Uffiċċju tiegħi qabel ma t-talba għall-mili ta’ post tmur għall-konsiderazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 10 PQ #2252 Sitting 57 2003-11-18 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bomb hoaxes

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru bomb hoaxes din is-sena u fejn?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Mill-bidu ta’ din is-sena sa l-20 ta’ Ottubru, il-Forzi Armati ta’ Malta ġew imsejħa tnejn u ħamsin (52) darba biex jintervjenu wara rapport ta’ theddida ta’ bomba jew sejbien ta’ oġġetti suspettużi li jixbħu bomba. Wieħed u ħamsin (51) każ kienu theddida ta’ bomba f’diversi postijiet (skejjel, kumpaniji, kliniki, fabbriki, kunsilli lokali, qrati, diskoteki, bars, residenzi privati, banek, ferry boat tal-“Gozo Channel line” , lukandi, polikliniki, uffiċċji, entitajiet pubbliċi u privati, ħwienet u kumplessi ta’ ħwienet). Wara tfittxija fil-postijiet fejn kienu rrapurtati l-każi, ma nstab xejn. F’każ wieħed instab oġġett suspettat li kien bomba, u wara li ġie eżaminat, instab li kien fih materjal li kellu x’jaqsam ma’ bomba iżda mingħajr splussiv
Leg 10 PQ #2253 Sitting 57 2003-11-18 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Vetturi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandha vetturi l-armata llum? Kemm minn dawn huma tal-missjoni militari Taljana? Kemm kien in-numru ta' vejikoli li kienu Off The Road din is-sena?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena, in-numru ta’ vetturi li l-Forzi Armati kellhom fuq l-inventarju kien mija u ħamsa u erbgħin (145). Il-Forzi Armati għandhom għad-disposizzjoni tagħhom sbatax-il (17) vettura oħra li huma tal-Missjoni Militari Taljana f’Malta. Vetturi li l-Forzi Armati kellhom “off the road” matul din is-sena jvarja minn ġurnata għall-oħra minħabba xi ħsarat jew tiswijiet kif ukoll minħabba xi manutenzjoni jew “service”. Hemm 12-il vettura li ma jistgħux jissewwew u għalhekk dawn ser jiġu skrappjati.
Leg 10 PQ #2716 Sitting 57 2003-11-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bdiewa/raħħala — Sussidji

Question

B'riferenza għas-sussidji li l-Prim Ministru ħabbar nhar id-9 ta' Novembru waqt attivita' fil-Pitkalija Ċentrali li se jingħataw lill-bdiewa, raħħala u l-agro-industrija, jista' jagħti breakdown ta' dawn is-sussidji, settur settur, u kemm minnhom se jkunu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u kemm mill-Gvern Malti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli.
Leg 10 PQ #2819 Sitting 57 2003-11-18 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Postijiet ta' diretturi

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li minkejja li l-postijiet vakanti għal diretturi avżati permezz ta' OPM circular 45/2003 tat-22 ta' Ottubru, 2003 b'data ta' l-għeluq għal dawn l-applikazzjonijiet tkun l-14 ta' Novembru, 2003 uħud mill-appointments rilevanti ħarġu fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 ta' Novembru, 2003 b'data effettiva ta' l-appointment tat-8 ta' Ottubru, 2003, per eżempju bħal fil-każ tal-ministry of social policy, director EU affairs, ministry of education, director EU affairs, ministry of finance EU affairs, etc.?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-avviż li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-11 ta’ Novembru 2003 dwar “appointments” ta’ diretturi sar minħabba f’ristrutturar ta’ numru ta’ direttorati. Uħud mid-direttorati l-ġodda li nħolqu imtlew mill-istess diretturi li kienu jokkupaw dawk id-direttorati li spiċċaw minħabba l-imsemmi ristrutturar. Iċ-ċaqliq ta’ dawn id-diretturi kien għall-kumplament tal-kuntratt ta’ tliet snin li għandhom u li għandu jiskadi fl-2004. Skond il-prassi l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu vakanti tul iż-żmien imsemmi ġew reklamati permezz ta’ Ċirkulari OPM Nru 45/2003 biex ma jintilifx żmien biex jinstabu l-persuni adatti biex jimlew il-vakanzi.
Leg 10 PQ #2774 Sitting 56 2003-11-17 Oral · Interim From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reġistru Elettorali — Trasferiment ta' indirizzi minn Malta għal Għawdex

Question

No question text.

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni li tista’ tingħata skond il-liġi qegħda tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #2673 Sitting 55 2003-11-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Crisis management exercise militari — Sehem ta' Malta

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li Malta se tieħu sehem fi crisis management exercise militari iżda se tagħmel dan f'mod limitat minħabba li se jintużaw NATO assets and capabilities? Meta se jsir dan l-eżerċizzju?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1773 f’seduta numru 38 tas-6 ta’ Ottubru 2003, u nikkonferma li Malta se tipparteċipa fl-eżerċizzju b’mod limitat. L-eżerċizzju se jsir bejn id-19 u l-25 ta’ Novembru 2003.
Leg 10 PQ #2526 Sitting 54 2003-11-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Technical Attaches — MPO Circular 85/2003

Question

Kemm kien in-numru ta' applikanti li wieġbu għas-sejħa MPO Circular 85/2003 għal technical attaches and researchers sabiex iservu fil- Mission ta' Malta fi brussel fl-oqsma tas-Sajd, Agrikoltura, Veterinarji u Ambjent Rurali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi skond kif hemm provdut fil-paragrafu 9 ta’ l-imsemmija Ċirkulari, l-applikazzjonijiet saru direttament lill-Ministeru konċernat. L-Onorevoli Interpellant mitlub għalhekk li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent.
Leg 10 PQ #2179 Sitting 53 2003-11-10 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Għajnuna lill-klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm nefqet flus l-armata biex iżżomm l-immigranti klandestini taħt il-kustodja tagħha din is-sena? Minn liema vot jew voti ttieħdu dawn il-flus?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Mill-ewwel ta’ Jannar ta’ din is-sena (2003) sat-12 ta’ Ottubru 2003 il-Forzi Armati nefqu is-somma ta’ LM135,367.23 fi spejjeż relatati mal-kustodja ta’ immigranti. Dawn l-ispejjeż ittieħdu minn vot numru 7.
Leg 10 PQ #2184 Sitting 53 2003-11-10 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PSC — Każi ta' dixxiplina

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni li bħalissa għandhom kas ta' dixxiplina quddiem il-PSC illum? X'inhu l-allegat ksur u minn liema dipartiment huma? Kemm tkeċċew is-sena l-oħra u din is-sena u għaliex?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti u għalhekk dawn il-każijiet m’għadhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi. Dwar id-dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi, ninsab infurmat li bħalissa hemm każ wieħed li hu pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. L-informazzjoni dwar dan il-kaz tinsab f’Tabella A li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jindirizza l-ewwel żewġ mistoqsijiet tiegħu lill-Ministri rispettivi. Dwar il-każijiet tad-dixxiplina li nbdew taħt ir-Regolamenti ta’ 1977, ninsab infurmat li bħalissa hemm każ wieħed li huwa pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Tagħrif dwar dan il-każ jinsab f’Tabella B li ukoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar kemm tkeċċew uffiċjali mis-Servizz Pubbliku s-sena l-oħra u din is-sena ninsab infurmat li kien hemm ħames uffiċjali li tkeċċew u qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella C li turi t-tagħrif fuq dawn il-każijiet, mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 10 PQ #2567 Sitting 53 2003-11-10 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Ħaddiema bil-kuntratt

Question

Jista' il-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2464 u cioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Leg 10 PQ #2649 Sitting 53 2003-11-10 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartimenti tal-Gvern — Transfers

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2426 u cioe' jgħid kemm saru transfers mill-ewwel tas-sena 2002 sal-lum fid-dipartimenti tal-Gvern kollha?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li n-numru ta’ trasferimenti bejn ministeru u ieħor kif approvat mill-“Management and Personnel Office” mill-1 ta’ Jannar 2002 sas-27 ta’ Ottubru 2003 huwa ta’ 535. Trasferimenti bejn dipartiment u ieħor fid-dekasteru tiegħi fl-istess żmien kienu 57. Dwar it-trasferimenti interni f’ministeri oħra, nitlob l-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsija lill-Ministri responsabbli billi dawn it-trasferiment jiġu approvati mis-Segretarji Permanenti tal-Ministeri rispettivi.
Leg 10 PQ #2674 Sitting 53 2003-11-10 Oral · Interim From: CLYDE PULI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — Elezzjonijiet

Question

No question text.

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 10 PQ #2675 Sitting 53 2003-11-10 Oral · Interim From: CLYDE PULI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — Elezzjonijiet

Question

No question text.

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.