Legislature:
Category:
Reset
Active:

Membri ta' l-armata

Question

Peress li AFM Order Ser. No. 149 u 1 Regt Part 1, order Ser No. 129, Para 459 se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008, jista' il-Prim Ministru jgħdi x'se tkun is-sitwazzjoni ta' dawk is-suldati li jispiċċaw qabel ikollhom biżżejjed servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li jispiċċaw qabel ma jkollhom 25 sena servizz jieħdu pensjoni ‘pro-rata’ skond it-tul tas-servizz li jkunu għamlu.

National Euro Changeover Committee

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20152 u jgħid x'inhuma s-salarju u l-benefiċċji l-oħra kollha li ġiet ingaġġata bihom il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament man-National Euro Changeover Committee? Huwa minnu li ċerti benefiċċji żdiedulu minn dak iż-żmien 'il hawn, u jekk iva kemm, kif, meta u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li s-salarju tal-persuna ndikata huwa ta’ Lm12,320 fis-sena. Benefiċċji oħra huma kif ġej: Performance Incentive Bonus ta’ 15 fil-mija fuq is-salarju bażiku Disturbance allowance ta’ Lm1,200 fis-sena u Lm1,000 addizjonali fis-sena għat-tieni sena u it-tielet sena tal-kuntratt. Car allowance Lm2,400 fis-sena Faċilita ta’ telefon b’xejn. L-uniku benefiċċju li żdied minn dak iż-żmien l’hawn huwa tad-disturbance allowance li żdiedet b’Lm1,000 fis-sena mill-1 t’April 2006.

NSO

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 20150 u jgħid b'liema salarju ġie ngaġġat il-kap il-ġdid ta' l-NSO? Kif se tiġi affettwata l-konsulenza tiegħu mad-diversi aġenzji u korpi governattivi u parastatali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi għadu ma sar ebda kuntratt mal-kap il-ġdid ta’ l-NSO.

First time buyers ta' Proprjeta'

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni (first time buyers) li xtraw proprjeta' kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minn dawn kienu barranin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li n-numru ta’ persuni li xtraw l-uniku residenza ordinarja tagħhom kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin hu kif se jidher hawn taħt: Sena Maltin Barranin 2001 3808 5 2002 3530 3 2003 4013 5 2004 4600 2 2005 4506 2 2006* 2449 0 * sas-6 ta’ Lulju 2006

Sptar Mater Dei

Question

Jista' il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra pjanti ta' l-isptar Mater Dei li juru t-tqassim ta' swali, uffiċini, eċċ. ta' kull blokka ta' dan l-isptar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li għall-raġunijiet ta’ Sigurta, l-pjanti ta’ l-Isptar Mater Dei ma jistgħux ikunu ta’ dominju pubbliku. B’danakollu, ma hemm l-ebda oġġezzjoni jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq jiġi jara l-pjanti jiġi jara l-pjanti ta’ l-Isptar Mater Dei privatament fil-Ministeru.

Ta' Qali — Kumpless ta' l-Għadd tal-Voti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li l-kumpless ta' l-għadd tal-voti f'Ta' Qali mhuwiex tajjeb biex ikompli jintuża? Intalbet konsulenza qabel ittieħdet din id-deċiżjoni? Jekk fl-affermattiv, min tqabbad għal din il-konsulenza u kemm tħallas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-Kummissjoni Elettorali bagħtitli, fit-8 ta’ Marzu 2004, kopja ta’ rapport imħejji mill-Perit Anthony Muscat, li kien imqabbad mill-Kummissjoni, dwar il-qagħda tal-Kumpless tal-Għadd tal-Voti ġewwa Ta’ Qali. Ir-rapport joħroġ ċar li fil-kumpless hemm mankanzi serji li jinneċessitaw finanzji sostanzjali biex jiġu indirizzati. Fil-fatt l-istima kienet ta’ madwar nofs miljun lira Maltin.

Rekruti tas-Servizz Pubbliku

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ir-rekruti ġodda taċ-ċivil għadhomx jintrabtu b'kuntratt? F'każ li għadhom, kemm ikun twil dan il-kuntratt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-kundizzjonijiet li japplikaw għal rekluti ġodda jkunu kif imxandra skond is-sejħa ta’ l-applikazzjoni konċernata .

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawm immigranti illegali taħt il-kustodja ta' l-armata llum? F'liema tip ta' akkomodazzjoni qed jinżammu (bini b'saqaf tal-konkos, nissen huts, tined, eċċ.) u kemm f'kull tip? Fejn se jinżammu dawk li se jiġu jżuruna fil-futur qarib?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li bħalissa hawn 1061 immigrant taħt il-kustodja ta’ l-Armata. Dawn jinsabu akkomodati fiċ-ċentri magħluqa kif imsemmija hawn taħt: a) 451 fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi, kollha akkomodati f’bini b’saqaf tal-konkos; b) 610 fiċ-ċentru ta’ Ħal Far ġewwa Lyster Barracks, minnhom 306 huma akkomodati f’bini b’saqaf tal-konkos u 304 huma taħt tined tal-‘canvas’. F’każ li jaslu aktar immigranti rregolari dawn jiġu allokati fiċ-ċentri msemmija hawn fuq u fiċ-ċentri tal-Pulizija f’Ta’ Kandja u Ħal Far.

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ħarbu immigranti illegali din is-sena u kemm ħarbu wara l-aħħar irvell li sar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li din is-sena ħarbu 177 immigranti irregolari miċ-Ċentri ta’ l-Armata, u minn dawn s’issa inqabdu 140. Wara l-irvell li sar fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi fis-27 ta’ Ġunju, ħarbu żewġ gruppi ta’ immigranti: wieħed magħmul minn 14 u l-ieħor minn 31, li minnhom s’issa nqabdu 8 u 27 rispettivament.

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid xi ħsara saret mill-immigranti illegali fil-postijiet ta' detenzjoni din is-sena u kemm se tiswa lit-tax payer Malti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba ghal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi

Question

Jista' il-Prim Ministru issa jagħtini tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19436 li kont għamilt fid-29 ta' Mejju 2006 dwar l-investiment f'Għawdex mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba ghal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.

OPM — Cyberspace Solutions Ltd

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru, jew xi kumpanniji parastatali, korporazzjonijiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu f'dawn l-aħħar ħames snin qattx għamlu użu mill-kumpannija Cyberspace Solutions Ltd jew mill-kumpanniji sussidjarji tagħha Digital Signage Cyberspace Solutions, Wicked Promo jew Cyberspace Medical? Jekk iva, x'kien dan ix-xogħol, għal kemm kien jammonta u jekk itteħidx wara sejħa għall-offerti jew b'direct order?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba ghal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.

Lyster Barracks — Detention services

Question

B'riferenza għal dak li qal fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15985, jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex fid-detention services ta' Lyster Barracks f'memo maħruġ fit-8 ta' Mejju lil kull shift minn Sgt Zammit R CSM kien hemm miktub hekk: Please be informed that a list of time-in-lieu 2005 and annual leave 2006 that is to be taken are attached with this memo. These time-in-lieu and annual leave must be availed by the end of May/June 2006 u f'memo oħra datata 12 ta' Ġunju 2006, maħruġa minn detention centre Lyster Barracks lil kull shift, iffirmata mill-Kaptan C Attard tgħid hekk: all the time-in-lieu (2005) not taken by 30 July 2006 will be deducted and lost? Jista' il-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma b'riferenza għal dawn il-memos partikolari hux fil-fatt jingħata forced leave f'ċertu sezzjonijiet ta' l-armata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li ġejt infurmat li minħabba li matul is-sena li għaddiet l-influss ta’ mmigranti rregolari ġab miegħu pressjoni ta’ xogħol konsiderevoli fuq is-suldati sekondati mad-Detention Services, numru minn dawn is-suldati kien fadlilhom ‘leave’ annwali li ma setgħax jittieħed matul is-sena 2005. Għaldaqstant dawn is-suldati ngħataw il-permess li jieħdu l-‘leave’ li kien baqgħalhom fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena. Fejn jidħol it-‘time-off-in-lieu’, din ir-restrizzjoni m’hix tiġi applikata u wieħed jista’ jagħmel użu minn dan il-‘leave’ meta jrid u skond ma’ jippermettu l-esiġenzi tas-Servizz. L-ordni li ġġiegħel dawn is-suldati jieħdu t-‘time-off-in-lieu’ sa l-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena ġiet irtirata.

AFM — Klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk minn dak li qal f'mistoqsija parlamentari 17371 xi suldat ieħor apparti ċ-ċifra li ta fl-istess tweġiba minn Jannar 2006 sal-lum, irriżultax pożittiv għat-TB mute jew mard ieħor minħabba kuntatt mal-klandestini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li ġejt infurmat li minn Jannar 2006 sal-lum ġew iċċekjati 18-il suldat ieħor li tlieta minnhom irriżultaw li għandhom it-TB mute, jiġifieri mhux infettivi. Dawn ġew offruti trattament preventiv.

Dipartiment tat-Taxxi Interni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex għadhom ma ntbagħtux mid-dipartiment tat-taxxi interni n-noti li l-formoli mimlija tat-taxxa jkunu ġew irċevuti, u dan kważi xahrejn wara li ntbagħtu? X'inhu jżomm milli dawn jintbagħtu fil-ħin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li peress illi il-kontijiet tat-taxxa rigward id-dikarazzjoni ġew proċessati, ma jintbagħatux riċevuti. Il-kont stess iservi bħala riċevuta. B’dan il-proċess id-dipartiment iffranka soma konsiderevoli f’posta. Ir-riċevuti ntbagħtu kienu rigward kontijiet li jispiċċaw f’rifuzjoni u s’issa il-kont għadu ma nħarigx. Ir-riċevuti rigward il-formola tat-taxxa qegħdin jiġu proċessati u mibgħuta.

Immigranti Irregolari — Provvista ta' l-Ikel

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li l-persuna ossia ditta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament rebħet tender għall-provvista ta' l-ikel għall-immigranti irregolari? Jista' jgħid jekk saritx sejħa għall-offerti jew jekk it-tender ingħatatx b'direct order? X'kienu l-kriterji għat-tender? Kemm hu l-valur tiegħu? Meta nħarġet it-tender?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi ġejt infurmat li t-‘tender’ għall-provvista ta’ l-ikel lill-immigranti irregolari ġie ppublikat mid-Dipartiment tal-Kuntratti fit-2 ta’ Mejju 2006 (Advert No CT 160/06) u għadu qed jiġi pproċessat. Minħabba l-urġenza li nqagħlet is-sena l-oħra, id-ditta msemmija mill-Onor Membru ngħatat kuntratt temporanju b’’Direct Order’ biex tissupplixxi l-ikel lill-immigranti irregolari sa l-aħħar ta’ Settembru 2006, bil-prezz ta’ Lm 2.12 kull persuna (VAT inkluż) għal żewġ ikliet kuljum

Għawdex — Bdil ta' ID Cards

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid f'dawn l-aħħar ħames snin kemm kien hemm residenti Maltin li l-qalbu l-ID card tagħhom fuq Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lil-Onor Interpellant li n-numru ta’ persuni Maltin li qalbu l-karta ta’ l-Identita’ fuq Għawdex minn April ta’ l-2001 sa Marzu ta’ l-2006 kien ta’ 1,927.

NSO

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid b'liema salarju ġie ngaġġat il-kap il-ġdid ta' l-NSO? Kif se tiġi affettwata l-konsulenza tiegħu mad-diversi aġenzji u korpi governattivi u parastatali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba ghal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.

National Euro Changeover Committee

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma s-salarju u l-benefiċċji l-oħra kollha li ġiet ingaġġata bihom il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament man-National Euro Changeover Committee? Huwa minnu li ċerti benefiċċji żdiedulu minn dak iż-żmien 'il hawn, u jekk iva kemm, kif, meta u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba ghal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.