Jista' il-Ministru jgħid kemm hija twila l-waiting list għal dawn l-operazzjonijiet illum: kataretti; ftuq; hip replacement; knee replacement?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li l-waiting list għall-operazzjonijiet mhux urġenti imsemijja mill-Onor. Interpellant huma kif ġej:
Hip Replacement 354
Knee Replacement 948
Iż-żmien ta' stennija jilħaq madwar sentejn pero ivarja skond ċirkostanzi mediċi tal-pazjent bħal piż żejjed u mard ieħor. Il-waiting list tvarja ukoll skond il-konsulent.
Dwar Oftalmoloġija, sal-lum hemm jistennew 3,117 persuna bi żmien ta' stennija li jvarja bejn sena u nofs u sentejn u nofs.
Dwar ftuq l-informazzjoni għadha qed tinġabar, l-informazzjoni tingħata aktar tard.
Jista' il-Minsitru jgħid fl-isptar il-ġdid Mater Dei kemm ġew mogħtija direct orders f'dawn l-aħħar tlett snin, separatament? Lil min ingħataw u kemm kienet tiswa kull direct order?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ix-xiri kollu konness mal-bini ta' l-isptar Mater Dei huwa kkontrollat mill-proċeduri stipulati fil-Kuntratt Design and Build, li kien iffirmat bejn Skanska Malta Joint Venture u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi fi Frar tas-sena 2000, u sar mill-Kuntrattur.
B'żieda għal tweġiba parlamentari 10290, jista' il-Ministru jgħid jekk:-
id-dipartimenti u l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu jagħtux xi għajnuna lil għaqdiet volontarji u organizzazzjonijiet mhux governattivi, fi kwalunkwe forma, bħalma huma għotjiet ta' flus, materjal, użu ta' proprjeta', self ta' ħaddiema, benefiċċji minn skemi, eżenzjonijiet, eċċ.?
Jekk fl-affermattiv: (a) lil liema għaqdiet u organizzazzjonijiet; b) kenitx għotja ta' darba biss jew tingħata perjodikament; u (c) kemm hu stmat li tiswa l-għajnuna?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar risposta titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10814 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi policy li l-gvern ma japprovax pilloli ġodda fuq il-karta safra skeda V jew roża li qabel qatt ma kien iġibhom il-gvern?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda policy tan-natura deskritta fil-mistoqsija.
Fl-isfond ta' dak li qed jingħad u jinkiteb fuq brain drain fit-tobba, jista' il-Ministru jgħid kemm-il tabib siefer biex jistudja barra mill-2000 sa l-2005, maqsumin sena b'sena, u fiex marru jispeċjalizzaw?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Fl-isfond ta' dak li qed jingħad u jinkiteb fuq brain drain fit-tobba, jista' il-Ministru jgħid kemm-il tabib mill-grad ta' registrar 'il fuq ħalla l-impjieg tiegħu mal-gvern biex isiefer, mis-sena 2000 sas-sena 2005?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa u ta' l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' ma jingħatawx raġunjiet meta mpjegati tagħhom, nklużi Registrars, iħallu l-impjieg tagħhom. Għaldaqstant, m'inix f'pożizzjoni li nwieġeb għal din il-Mistoqsija.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar fuq l-impjegati li kienu fuq kuntratt mad-dipartiment tas-saħħa li skada din is-sena? Jista' jaqsam dawn l-impjegati skond il-grad tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li r-rakkommandazzjonijiet tad-Diviżjoni tas-Saħħa biex il-kuntratti ta' l-impjegati li skadew din is-sena s'issa jiġġeddu qed jiġu pproċessati mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Dawn huma kif ġej:
Maltin
Adviser 1
Barranin
Medical Physicist 1
Medical Officer 1
Enrolled Nurse 6
Il-kuntratti ta' l-ispeċjalisti barranin li skadew din is-sena u li ġew imġedda għal sena oħra huma : 14 Senior Registrars u Konsulent wieħed.
Wara li skada l-kuntratt ta' speċjalista barranija fil-grad ta' konsulent, din l-istess speċjalista applikat għall-post ta' konsulent fuq bażi permanenti wara li ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Il-proċess ta' l-għażla għadu għaddej.
Il-kuntratt ta' persuna fil-grad ta' Principal Medical Officer li skada din is-sena ma ġiex imġedded.
Jista' il-Ministru jelenka l-menu tal-pazjenti ġewwa St Vincent de Paule u fid-djar ta' l-anzjani, għal breakfast, l-ikla ta' nofsinhar u ta' filgħaxija ta' din il-ġimgħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Iterpellant li l-menus ta' San Vinċenz u d-Djar ta' l-Anzjani qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tajjeb li wieħed jgħid li l-ikel tad-Djar tal-Mosta, Msida u Gżira hu provdut mill-Kuntrattur Privat.
Il-breakfast tad-Djar ta' l-Anzjani u tar-Residenza ta' San Vinċenz hu l-istess jiġifieri għażla bejn toast, perżut, ġobon, bajd mgħolli, te' jew kafe'.
Jista' il-Ministru jinformana x'kien in-numru ta' infermiera li laħqu f'dawn l-aħħar tliet snin? Kemm infermiera telqu f'dan l-istess perjodu? Jista' jagħti r-raġuni għalfejn telqu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' nfermiera li laħqu f'dawn l-aħħar tliet snin u li telqu matul l-istess perjodu huwa kif ġej:
Dipartiment tas-Saħħa
Sena
Laħqu
Telqu mis-Servizz
Medically Boarded out
Irtirar
Riżenji
2002
85
7
10
13
2003
91
9
9
12
2004
95
8
22
12
2005
17
7
1
-
Dipartiment ta' l-Anzjani
Telqu mis-Servizz
Medically Boarded out
Irtirar
Riżenji
13
9
1
Jista' il-Ministru jinformana x'kien in-numru ta' tobba li laħqu f'dawn l-aħħar tliet snin? Kemm tobba telqu f'dan l-istess perijodu? Għal liema raġuni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' tobba li laħqu fil-perjodu 2002-2005 u li telqu mis-Servizz fl-imsemmi perjodu huwa kif ġej:
Dipartiment tas-Saħħa
Sena
Tobba li laħqu
Tobba li spiċċaw mis-Servizz
2002
30
15
2003
34
21
2004
65
26
2005
1
2
Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita'
F'dawn l-aħħar tliet snin telaq tabib wieħed (irtira mis-servizz)
Dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija, id-Diviżjoni tas-Saħħa ma tingħatax raġuni meta tobba jagħżlu li jħallu l-impjieg tagħhom. Għaldaqstant, m'iniex f'pożizzjoni li nwieġeb għalija.
Jista' il-Ministru jgħid u jagħti dettalji dwar jekk sarux taħdidiet bejn il-kumpannija Made in America u l-ministeru tiegħu? X'soluzzjoni qed joffri l-ministeru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li waqt id-diversi laqgħat u korrispondenza li saru bejn l-Awtorita' dwar il-Mediċini u rappreżentanti lokali ta' Made In America, l-Awtorita' dwar il-Medċini spjegat l-affarijiet b'mod ċar u ġie ikkjarifikat li l-prodott Blue Pain Relief kien ġie ikklassifikat bħala mediċinali, speċjalment għall-fatt li fuq il-flixkun jinsab indirizz ta' websiteli fiha stqarrijiet li l-prodott għandu effetti mediċinali.
Ġie spjegat u rrakkomandat diversi drabi lir-rappreżentant tal-kumpannija Made In America li għandha tinstab soluzzjoni fuq il-bdil tal-preżentazzjoni tal-prodott mal-kumpannija li timmanifatturah u dawn il-proposti għandhom jiġu rreferuti lill-Awtorita' dwar il-Mediċini. Sa issa, l-ebda proposta min-naħa tal-kumpannija ma ġiet riferuta.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-prodott Blue pain relief hux se jitwaqqaf mill-awtoritajiet tas-saħħa milli jkompli jinbiegħ fis-suq? Jekk fl-affermattiv, għaliex?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-prodott Blue Pain Relief ġie kklassifikat mill-Awtorita' dwar il-Mediċini bħala prodott mediċinali u għalhekk biex jinżamm fuq is-suq hemm bżonn li jiġi reġistrat bħal mediċini oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet trattata għall-infertilita' fl-isptar San Luqa fl-aħħar ħames snin? X'tip ta' trattament ingħataw? X'rata ta' suċċess kienet reġistrata wara dan it-trattament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li ma tinżammx statistika ta' kemm pazjenti jiġu ttrattati għall-infertilita' fl-Isptar San Luqa.
Pazjenti jingħataw servizz ta' investigazzjonijiet u jiġi preskritt it-trattament neċessarju. Ma jsirux interventi kirurġiċi biex jiġi assistit l-konċepiment.
Minħabba li ma tinżammx statistika ma nistax nagħti figura eżatta dwar rati ta' suċċess iżda huwa stmat li r-rata ta' suċċess hija ta' 50% fl-ewwel sena ta' trattament u tilħaq medja ta' 60-70% fis-snin ta' wara.
Jista' il-Ministru jgħid x'koperazzjoni hemm bejn l-uffiċjali tad-dipartiment tas-saħħa u uffiċjali tal-pulizija dwar l-infurzar tal-liġi tat-tipjip fi stabbilimenti ta' l-ikel u postijiet oħra? Meta se tidħol fis-seħħ il-liġi sħiħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-liġi dwar tipjip fi stabbilimenti ta' l-ikel u postijiet oħra diġa' hija fis-seħħ, skond l-istess Att. Iżda ingħata żmien sal-5 ta' April 2005 biex l-istabbilimenti li huma inqas minn 60 metri kwadri jikkonformaw ma' l-istess Liġi.
Dwar l-infurzar, uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jagħmlu spezzjonijiet dwar il-konformi mal-Liġi, tas-smoking rooms f'tali stabbilimenti, waqt li l-pulizija jieħdu passi kontra tipjip illegali.
Infurmat li spezzjonijiet konġjunti jsiru bejn uffiċjali taż-żewġ dipartimenti kif u meta jkun hemm bżonn.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10800, jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb dwar l-imwiet mit-tipjip f'Jannar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' każijiet ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' Imwiet matul Jannar ta' din is-sena u li huma meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi, huwa ta 37 mewt f'residenti ta' Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 26 raġel u 11-il mara.
Jista' il-Ministrju jgħid jekk hux minnu li qed jinxtraw tiġieġ min ta' barra għall-isptar San Luqa? Jekk hu hekk, għalfejn mhux qed jinxtara tiġieġ Malti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li x-xiri ta' tiġieġ, bħal kull proviżjon ieħor għall-isptarijiet kollha ta' Malta, isir wara ħruġ ta' talba għall-offerti. F'dan il-każ it-talba għall-offerti ħarġet mid-Dipartiment tal-Kuntratti fit-23 ta' Lulju 2004.
Kien hemm disa' offerti. Ħames offerti kienu għal tiġieġ lokali bi prezzijiet li jvarjaw minn 71c5 sa 87c7 il-kilogramma u erba' offerti għal tiġieġ ta' barra bi prezzijiet li jvarjaw minn 61c sa 82c8 il-kilogramma. Wara t-testijiet tal-laboratorju neċessarji ittieħdet l-irħas offerta bil-prezz ta 61c il-kilogramma li kienet għal tiġieġ ta' barra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru attwali ta' persuni f'pajjiżna li jbatu bil-mard tad-diabete u bl-asthma jew kondizzjonijiet oħra ta' natura respiratorja?
Kemm minnhom huma tfal u kemm żgħażagħ?
Jista' jagħti l-istess tagħrif għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.