Jista' l-Ministru, jekk jogħġbu, jintervjeni sabiex il-persuna, li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jieħu lura l-arretrati ta' kważi Lm1,800 li ilhom dovuti lilu sa mill-1989? L-awtorizzazzjoni mingħand din il-persuna sabiex is-sottoskritt jagħmel din l-interpellanza qed tintbagħat separatament.
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li billi għandu l-awtorizzazzjoni mit-taxpayer, l-informazzjoni mitluba ser tingħata lilu privatament.
B'riferenza CT 84 rigward it-tender li ħarġet fuq xerographic paper, peress li għandi informazzjoni li l-kumitat tal-kuntratti bagħat għall-orħos offerta u għal xi raġuni tawh ċans 10 ijiem sabiex jikkjarifika xi affarijiet mad-dipartiment jew inkella sabiex jagħti risposta lid-dipartiment jekk hux f'pożizzjoni li jieħu din it-tender, jista' l-Ministru jgħid jekk il-proċedura tinħassx li hija normali peress li issa diġa' nkixfu l-prezzijiet ta' dan il-kuntrattur u jista' jagħmel pressure fuq suppliers barranin sabiex jingħata l-prezz li kkwota hu ħalli jkun jista' jiggarantixxi ruħu għat-tender?
Il-Ministru jara li din il-proċedura hija ġusta fiċ-ċirkostanzi, speċjalment għal oħrajn li kkwotaw?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta` l-adjudikazzjoni għadu għaddej u mhux opportun ngħati nformazzjoni f`dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mis-7 ta' Mejju, 1987 sal-25 ta' Ottubru, 1996?
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' mpjieg ingħataw dawn il-ħaddiema?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub ngħata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 6450.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux lest l-eżerċizzju li xahar ilu l-ministru qal li qed jiġi ffinalizzat biex jiġi stabbilit bħala medja kemm jiddikjaraw li jaqilgħu l-kategoriji differenti ta' professjonisti bħal avukati, tobba, periti, nutara u accountants? Jista' jagħti t-tagħrif kategorija b'kategorija?
Response (DALLI, JOHN)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-analiżi ta` `returns` li daħlu għas-sena bażi 1998.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dwana waqfet dilettanti Maltin tad-drag racing tagħhom sabiex jipparteċipaw f'avvenimenti tal-UK?
X'inhi s-sitwazzjoni llum u x'qed isir sabiex dawn in-nuqqasijiet u diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom l-isportivi tad-drag racing jiġu rimedjati għal futur?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-artikolu 15 ta` ATT Nru. X ta` l-1994 `Ħadd ma jista` jesporta vettura bil-mutur barra minn Malta kemm-il darba ma jkollux l-awtoizzazzjoni li jagħmel hekk mill-Uffiċjal Kompetenti`.
Għaldaqstant kull minn irid jesporta vettura bil-mutur hu mitlub li jirrikori għand il-`Licensing and Testing Department` qabel ma` dan jippreżenta d-dikjarazjoni ta` l-esportazzjoni lid-Dwana sabiex tiġi pproċessata.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-jiem li għaddew il-gvern iddeċieda li ħlasijiet miżmuma fi żmien Gvern Laburista konnessi mal-bini ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq kellhom jitħallsu?
Kemm se jitħallsu l-kumpannija Svediża Skanska u s-San Raffaele ta' Milan?
Se jsiru pagamenti dwar ammonti li kienu ġew ikkontestati? X'jirrappreżentaw dawn il-ħlasijiet?
Meta ħarġet l-awtorizzazzjoni tal-ministeru tiegħek?
Response (DALLI, JOHN)
Jiena nfurmat li taħt Gvern Laburista ma kien hemm ebda ħlasijiet miżmuma la lill-Skanska u lanqas lill San Raffaele. Kien hemm claims ta` miljuni ta` liri li ma kienux solvuti.
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-pagament (in full and final settlement) li ġie innegozjat mal-kumpaniji Skanska għal miljun lira, biex bis-saħħa tiegħu l-kumpanija waqqgħet il-claims kollha li kellha pendenti.
L-istess fil-każ tal-Fondazione S. Raffaele del Monte Tabor, ġie miftiehem mal-Gvern Malti l-ammont finali ta` Lm80,000, biex, bis-saħħa tieħu, il-Fondazzjoni twaqqaf kull talba pendenti li kellha tul dawn is-snin fuq l-Isptar Tal-Qroqq.
Il-pagament lill-Skanska sar f`April u Mejju u lil Fondazione S. Raffaele f`April.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar bejn l-1987 u l-1996 mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjinijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għar-rigward tad-dipartimenti jkun ippubblikat kull sena fil-Financial Report taħt Item 28 - Travel.
Għar-rigward ta` l-entitajiet l-oħra fid-dekasteru, inħoss li l-interess li jista` jkun hemm fit-tagħrif mitlub ma jiġġustifikax ix-xogħol involut fil-ġbir tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux lest l-eżerċizzju li xahar ilu l-ministru qal li qed jiġi ffinalizzat biex jiġi stabbilit bħala medja kemm jiddikjaraw li jaqilgħu l-kategoriji differenti ta' professjonisti bħal avukati, tobba, periti, nutara u accountants? Jista' jagħti t-tagħrif kategorija b'kategorija?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-analiżi ġiet iffinalizata u ser tiġi ppublikata dalwaqt.
Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibbilta' li l-minimum wage earners impjegati mal-gvern jibdew jitħallsu l-paga kull ħmistax minflok kull xahar biex it-tbatija li għaddejjin minnha l-familji tagħhom bħalissa tkun ikkontrollata aħjar?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-frekwenza tal-ħlas tal-paga ma` jitqisx li għandu jeffetwa tajjeb jew ħażin il-ħajja tal-impjegati. Barra minn hekk, peress li dan qed jiġi diskuss mal-Unions li jirappreżentaw lill-istess impjegati, mhux opportun li nikkummenta iżjed fuq is-suġġett.
Jista' l-Ministru jara jekk huwiex il-fatt li l-provvedimenti leġislattivi għal dawk li huma kontroll tal-finanzi pubbliċi, jiġu riveduti meta l-aħħar li saru u ġew imposti fuqna kien fl-1962, meta konna għadna kolonja?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul is-snin saru emendi sostanzjali kemm fil-Financial Administration & Audit Act, 1962 kif ukoll fil-Financial Regulations, 1966, li jirrigwardjaw il-kontroll tal-finanzi pubbliċi. Fost dawn l-emendi wieħed jista` jsemmi d-dħul fis-seħħ ta` l-Att dwar l-Awditur Ġenerali u l-Uffiċċju tal-Verifika Nazzjonali, fejn ġew emendati diversi artikoli fil-Liġi ta` l-1962, kif ukoll ir-Regolamenti ta` l-1966, dwar Xiri Pubbliku ta` Provvisti u Servizzi, li emendaw ir-Regolamenti ta` l-1966.
Bħalissa, wkoll, il-Ministeru tal-Finanzi qed jagħmel review kompleta ta` l-Att tar-Regolamenti msemmija biex ikompli jaġġornhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-financial intelligence unit effettivament twaqqfitx diġa? Jekk iva, kif inhuwa kompost u x'poteri għandu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-`Financial Intelligence Unit` għadu ma twaqqafx. Kumitat `ad hoc` kompost minn rappreżentanti mill-uffiċċju ta` l-Avukat Ġenerali, l-Bank Ċentali, ċ Ċentru għas-Servizzi Finanzjarji u l-Pulizija qegħdin jagħmlu x-xogħol preparatorju għal rikommandazzjonijiet għal dan il-għan. Il-kompożizzjoniji, l-funzjonijiet u l-poteri ta` dan il-Unit ikunu pprovduti b`liġi apposta jew emenda f`liġi eżistenti bħal ma huwa l-Att ta` l-1994 kontra il-`Money Laundering.`
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-programm leġislattiv tal-gvern sabiex isaħħaħ l-indipendenza tal-Bank Ċentrali, skond kif ġie diskuss fl-iscreening session ma' l-Unjoni Ewropea dwar l-EMU?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Bank Ċentrali għandu kumitat li twaqqaf apposta sabiex jara x`tibdil hemm bżonn isir fl-Att dwar il-Bank Ċentrali ta` Malta. Hu mistenni li l-Abbozz għal dan it-tibdil ikun lest sabiex jitpoġġa għal diskussjoni fil-Parlament sal-aħħar ta` Ġunju 2000.
Jista' l-Ministru jaġġornana dwar l-alternative companies listing li kienet introduċiet il-Borża ta' Malta f'Novembru li għadda?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Bye-Laws dwar ir-regolamenti li joffru l-possibilita` li kumpaniji jiġu aċċettati fuq l-Alternative Companies List u b`hekk jinħoloq is-`second tier market` ġew introdotti f`Ottubru li għadda. Minn dak iż-żmien `l hawn il-Borża għamlet kampanja ta` `awareness` f`diversi laqgħat, kemm privati kif ukoll pubbliċi, biex iżomm lil kull min hu nteressat infurmat. Jien infurmat li l-Borża nnotat b`sodisfazzjon li hawn interess kbir u rċeviet ħafna talbiet minn diversi kumpaniji għal aktar informazzjoni pero` s`issa il-Borża għad ma kellha l-ebda applikazzjoni.
Billi meta l-Ministru kien indirizza l-Malta Banks' Council annual seminar dwar financial services beyond 2000 kien ħabbar li kien hemm il-ħsieb li tiġi adottata leġislazzjoni dwar l-E-Commerce, jista' jgħid fiex waslet din il-leġislazzjoni prospettiva?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant qegħdin isiru l-istudji preliminarji dwar dan mill-M.F.S.C.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti mill-Ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu bejn l-1987 u l-1996 sena b'sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m`għandi xejn x`inżid mar-risposta li tajt f`Mistoqsija Parlamentari Nru. 13064.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi ċ-ċifra għas-sena 1999 dwar; (1) ġbir ta' provisional capital gains tax; (2) ġbir ta' taxxa dwar dokumenti u trasferimenti skond l-Att XVII ta' l-1993?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċifra għas-sena 1999 ta`ġbir ta` Capital Gains Tax hi ta` Lm6,334,973 u dik ta` Taxxa dwar Dokumenti u Trasferimenti skond l-Att XVII tal-1993 hi ta` Lm15,851,054.
Public Service (Procurement) Regulations — Klawsola 13
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom reġgħet daħlet fis-seħħ mill-15 ta' Marzu, 2000 klawsola 13 tat-Tmien skeda tal-Public Service (Procurement) Regulations?
Mindu reġgħu daħlu dawn il-proċeduri kemm ħarġu sejħiet għall-offerti li jiswew Lm250,000 u iżjed?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-raġuni bażika li għaliha reġgħet iddaħlet fis-seħħ Klawsola 13 u t-Tmien Skeda ta` l-`Public Service Procurement Regulations` hija li din il-proċedura hija mmirata li tiżgura aktar serjeta` u professjonaliżmu fil-mod kif jiġu mitfugħa offerti għall-kuntratti ta` valur sostanzjali. Barra minnhekk din il-proċedura iddaħħal element qawwi ta` dixxiplina f`dawk li jippreparaw tenders kif ukoll f`dawk li jitfgħu offerti bħal dawn, minħabba l-fatt illi ksur tal-kundizzjonijiet ta` l-offerta safejn għandha x`taqsam proċedura u speċifikazzjonijiet tirriżulta fl-iskwalifika ta` l-offerta.
Mill-15 ta` Marzu `l hawn id-Dipartiment tal-Kuntratti ħareġ sejħa waħda għall-offerti li tiswa `l fuq minn Lm250,000.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jintbagħtu l-arretrati ta' l-income tax? Jekk bdew jintbagħtu, sa liema sena waslu u kemm ammontaw?
Response (DALLI, JOHN)
Nippreżumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għar-`refunds` ta` taxxa li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni għandu jagħti għas-snin l-imgħoddija.
Ninsab infurmat li `refunds` joħorġu regoralment matul is-sena kollha skond kriterji elenkati fir-risposta għall-Interpellanza Numru 15313. Minn Jannar sal-lum tħallsu Lm644,265 f`refunds` li kienu dovuti għas-snin ta` qabel l-1998. Skond l-Estimi Ġenerali għal din is-sena il-flus ivvotati għal dan l-iskop ilaħħaq Lm3,000,000. Dawn il-figuri ma jinkludux ir-`refunds` li tħallsu jew li għad iridu jitħallsu matul din is-sena dwar is-snin ta` stima 1999 u 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabret VAT mill-kunsilli lokali kollha ta' Malta u Għawdex? Jista' jagħti l-ammont totali kif ukoll kunsill b'kunsill, jagħti wkoll fuq xiex tħallset il-VAT mill-kunsilli?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Att ta` l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud, l-attivitajiet tal-Kunsilli Lokali mwaqqfa skond l-Att ta` l-1993 dwar Kunsilli Lokali li jkunu qed jaġixxu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet lilhom mogħtija bil-liġi ma għandhomx jitqiesu li jkunu attivitajiet ekonomiċi ħlief meta u sa` dak il-limitu kif hemm provdut fl-Ewwel Skeda li tinsab ma` l-Att. F`din l-Ewwel Skeda m`hemm imsemmija ebda attivita` li tappartjeni għall-Kunsilli Lokali. Taħt l-Att ta` l-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud, l-ebda Kunsill Lokali ma ġabar u ħallas VAT.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-1999 kemm inġabret VAT minn skejjel tal-gvern għal xogħlijiet li saru fihom jew servizzi li taw?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Att tal-1998 dwar Taxxa fuq il-Valur Miżjud, il-provvista ta` edukazzjoni minn skola tal-Gvern hija eżenti bil-kreditu.
Matul l-1999, l-ammont ta` VAT li nġabar minn skejjel tal-Gvern fuq provvista ta` oġġetti jew servizzi taxxabbli kif iddikjarat minnhom kien ta` Lm131.62c.
Is-sistema bl-ebda mod ma tiġbor informazzjoni dwar l-ħlas tal-VAT skond min ikun ħallasha.