B'riferenza għal mistoqsija 34030, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-flus tan-nefqa tas-safar intefqet sabiex intbagħtu żgħażagħ/studenti mill-kulleġġ tal-biedja sabiex jitħarġu fuq produzzjoni agrikola organika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress li l-Mistoqsija Parlamentari kienet tittratta "n-nefqa f'ċifra ta' flus f'safar ministerjali u dipartimentali tal-Ministeru", din ma kinitx tinkludi l-programmi varji segwiti mill-istudenti.
Informat ukoll li bejn Jannar u Mejju l-istudenti tal-Kulleġġ Agrikolu kellhom opportunita` ta' tlett skambji-korsijiet barra minn Malta. Wieħed minnhom kien kors dwar id-dwieli fil-Collegio di Agricoltura rosalini fl-Italia. Dan il-kors kien jinkludi l-produzzjoni agrikola tad-dwieli. Programm ieħor fi Brietel College of Agriculture fi Franza kien jinkludi prattika flimkien ma studenti Franċiżi f'ażjendi differenti fosthom xi wħud li jipprattikaw l-agrikoltura organika. La l-Ministeru u lanqas id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma ġew involuti fi spejjeż biex sar dan it-taħriġ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna tfal Maltin u Għawdxin jattendu l-aħħar sena tal-primarja fl-iskejjel tal-gvern fis-sena skolastika li għadha kemm intemmet?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li n-numru ta' tfal Maltin u Għawdxin li kienu jattendu l-aħħar sena fl-iskejjel Primarji ta' l-iStat kien ta 2238 tifel u 1930 tifla, għal total ta 4168 tifel u tifla.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi raġuni li fl-iskejjel speċjali, b'referenza partikolari dik ta' San Miguel, mhux ser tingħata l-injection tal-influenza?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li l-policy tad-Diviżjoni tas-Saħħa hi li l-istudenti kollha li jattendu l-iSkejjel Speċjali jirċievu l-injection ta' l-influenza kull sena. Dan il-proċess isir f'Ottubr ta' kull sena u l-injection li jmiss ser tingħata f'Ottubru 2002.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament fil-Junior College jekk ingħatatx promozzjoni ta' senior lecturer? Jista' jgħid fuq liema bażi ngħatat din il-promozzjoni? Jista' jgħid xi kwalifiki għandha fis-suġġett li tgħallem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-persuna indikata għadha ma ngħatatx il-promozzjoni ta' Senior Lecturer mill-Kunsill ta' l-Universita`, għalkemm it-talba tagħha qed tkun kunsidrata.
Informat ukoll li l-persuna msemmija għandha Dottorato di Ricerca (PhD) mill-Universita di Bologna fl-1996 fejn is-supervisor tagħha kien il-Professur Umberto Eco.
Jista' l-Ministru jgħid s'issa kemm isselfet flus il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada u b'liema kundizzjonijiet :
1) mill-HSBC
2) mill-BOV
3) mil-Lombard Bank
4) mill-APS Bank
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa l-Fondazzjoni għall-iSkejjel t'Għada għadha ma sselfet l-ebda somma mill-banek.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-EFL Monitoring Board li joħroġ il-permessi meħtieġa għall-iskola li tgħallem l-Ingliż lill-barranin f'St George's Bay Hotel Complex li applikat l-ewwel darba fit-18 ta' Mejju 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li peress li din l-applikazzjoni hija marbuta ma' numru ta' fatturi li jridu jiġu diskussi u deċiżi minn diversi awtoritajiet oħra, l-EFL Monitoring Board mhux f'pożizzjoni li jagħmel rakkomandazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għaddew studenti fl-eżami SEC (sessjoni Mejju 2002) fis-suġġetti kollha
1) mill-iskejjel sekondarji bniet tal-gvern
2) mill-junior lyceum bniet
3) mill-iskejjel tal-knisja bniet
4) mill-iskejjel privati bniet
a) f'Malta
b) f'Għawdex
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għaddew studenti fl-eżami tas-SEC fis-suġġetti kollha fis-sessjoni ta' Mejju 2002:
1) mill-iskejjel sekondarji subien tal-gvern
2) mill-junior lyceum subien
3) mill-iskejjel tal-knisja subien
4) mill-iskejjel privati subien
a) f'Malta
b) f'Għawdex
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 34561 dwar l-użu tad-diving boards fil-Pixxina Nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li x-xogħol ta' titjib fuq id-diving boards tal-Pixxina Nazzjonali kienu kif ġej:
Dettalji Kuntrattur Valur
1) Xogħol ta'
alterazzjonijiet strutturali Kalaxlokk Co. Ltd. Lm 5,195.60
2) Xiri ta' 4 diving boards M. Malmsten AB LM 17,350.40 *
3) Xogħol ta'
refurbishment Kalaxlokk Co. Ltd. LM 1,643.25
4) Xogħol ta' tneħħija u
twaħħil ta' handrails Kalaxlokk Co. Ltd. LM 1,900.00
* Dan l-ammont jinkludi l-VAT, dazju u charges oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħlassijiet u allowances tal-principals u d-deputy principals tal-Istituti tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija? Jista' jagħti d-dettalji każ b'każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Għandi x'nifhem li l-Mistoqsija ta' l-Onor. Membru qed tirreferi għad-Diretturi u Deputy Directors ta' l-Istituti tal-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija.
Infurmat li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tad-diretturi ta' l-MCAST huma ta' 40 siegħa fil-ġimgħa. Id-diretturi huma intitolati għall-btajjel pubbliċi, festi nazzjonali u għall-leave ta' 35 ġurnata fis-sena. Id-diretturi jirċievu l-ħlasijiet u l-allowances skond l-iskala 4 taċ-Ċivil.
Informat ukoll li l-kundizzjonijiet tad-deputy directors ta' l-MCAST huma ta' 40 siegħa fil-ġimgħa. Huma ntitolati għall-btajjel pubbliċi u festi nazzjonali u għal 40 ġurnata leave (35 minnhom skond il-kalendarju tal-Kulleġġ u l-5 l-oħra optional leave). Id-deputy directors jirċievu l-ħlasijiet u l-allowances skond l-iskala 5 taċ-Ċivil.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 34683 li ma kinitx twieġbet minħabba li tħallew barra xi kliem mill-mistoqsija meta kienet ġiet ittajpjata u ċioe:
B'riferenza għal mistoqsija 34438, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-ittra ta' rakkmandazzjoni li jingħad li ntbagħtet f'Jannar'98?
Jista' jiċħad jew jikkonferma li din l-imsemmija ittra ntbagħtet fil-fatt f'Mejju 1998 u mhux f'Jannar 1998 jew li din l-ittra ntbagħtet darbtejn jiġifieri f'Jannar u f'Mejju?
Jista' jara hemmx żball fil-ħames isem fil-lista, li ħoloq vacancy peress li dan l-assistent kap ma rtirax mill-post li kien jokkupa qabel is-sena 2000?
Ma jidhirlux li din l-ittra ta' rakkmandazzjoni kienet saret b'mod anomalu peress li fiha ġew rakkmandati biex jilħqu assistenti kapijiet ta' skola
a) 3 għalliema li ġew posted to perform assistant head of school duties f'Settembru'97 u
b) tnejn oħra li ġew posted f'Settembru'98 -
u li l-ħamsa li huma ingħataw l-appointment f'22 ta' Mejju 1998.
Secondment to Junior College, joħloq vacancy on the complement u aktar u aktar meta l-istess assistent kap ta' skola mar lura fuq dmirijietu mas-servizz pubbliku bħala assistent kap ta' l-iskola Paolino Vassallo xi żmien wara?
Min mela l-vacancies in the school li nħolqu mit-tliet persuni li isimhom qed jintbagħat separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġejt informat li l-ittra ta' rakkomandazzjoni lill-Public Service Commission imsemmija intbagħtet darba biss. Ma jirriżultax li hemm żball fil-ħames isem tal-lista għaliex il-kandidat kien ġie nnominat sabiex jimla post vakanti ta' Assistent Kap ta' skola sekondarja flok Assistent Kap ieħor li ġie trasferit biex imexxi l-iSkola Nawtika.
Infurmat ukoll li t-tliet għalliema li ġew posted f'Settembru 1997 ma ġewx posted to perform assistant school heads duties imma ġew infurmati li "pending your appointment as Assistant Heads, your services will be required in the following school". Iż-żewġ għalliema l-oħra li ħadu l-appointment f'Mejju ma ġewx posted immedjatament imma fil-bidu tas-sena skolastika li kien imiss. Fiż-żewġ każi d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fittxet l-interess ta' istudenti billi assigurat li l-programm ta' studju tagħhom ma jkunx interrot. L-użanza li trasferiment ta' staff isir kemm jista' jkun fil-bidu tas-sena skolastika għadha fis-seħħ.
Infurmat ukoll li fil-każ ta' secondment to Junior College li ħalla post vakant fl-iskola, inħolqot vacancy. Il-vacancies in the school li nħolqu mis-
1) Sur Saviour J Muscat imtliet mis-sur Carmel Borg li ġie trasferit minn skola oħra;
2) Sur Saviour Rizzo imtliet mis-sur Alfred vassallo li wkoll ġie trasferit minn skola oħra.
Is-sur Charles Kerr li kien magħżul minħabba l-esperjenza tiegħu fil-qasam sabiex imexxi l-iskola bħala teacher in charge, baqa' jmexxi l-iskola kif ħa l-ħatra ta' Assistent Kap.
Jista' l-Ministru jgħid jekk student fl-Institute of Health Care li spiċċa b'success il-kors ta' Certificate in Nursing Practice u li kompla jistudja u spiċċa b'suċċess Diploma on Nursing Studies, jibqax jieħu stipdenju jekk ikompli jistudja għall-sentejn oħra biex iġib BscNursing Hons.
Dan l-istess student ikollu jintrabat b'kuntratt ieħor biex ikun jista' jkompli l-istudji għall-Bsc Nursing Studies?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li l-istudenti fl-Institute of Health Care li għamlu l-kors ta' Certificate in Nursing Practice u Diploma in Nursing Studies tħallsu mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Infurmat ukoll li student li għamel il-kors ta' Certificate in Nursing Practice u Diploma in Nursing Studies u li jkompli l-istudji għall-B.Sc. Nursing (Hons) billi jidħol fit-tielet sena tal-kors ikun intitolat għall-Maintenance Grant skond l-Avviż Legali 165, sakemm ma jkunx għamel xi kuntratt mad-Dipartiment tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid x'possibilta teżisti li fl-iskola sekondarja Dun Karm ta' Ħaż-Żebbuġ jiġi mgħallem is-suġġett ta' Technology Education mis-sena skolastika li ġejja.
Response (GALEA, LOUIS)
It-Technology Education diġa` jiġi mgħallem bħala option fil-Form 4 u 5 fl-iSkola Sekondarja Dun Karm Psaila ta' Ħaż-Żebbuġ. Fis-sena skolastika li jmiss numru ta' għalliema se jattendu kors ta' sena fl-Universita` sabiex jitħarrġu fit-tagħlim tat-Technology Education bħala core subject. Huwa ppjanat li fis-sena skolastika 2003-2004 dan is-suġġett jiġi ntrodott fil-Form 1 kollha ta' l-iSkejjel Sekondarji.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-UE qiegħda tgħin fil-finanzjament tas-sehem ta' Malta fil-programmi Leonardo da Vinci, Socrates u Youth? Kemm jammonta dan il-finanzjament kull sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għall-Ftehim bejn il-Komunita` Ewropeja u Malta dwar il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-programmi tal-Komunita` fl-oqsma ta’ taħriġ, edukazzjoni u żgħażagħ, li huma l-programmi Leonardo da Vinci, Socrates u Youth rispettivament, li ġie iffirmat nhar id-29 ta’ Settembru 2000.
Dan il-ftehim jikkonferma l-għajnuna finanzjarja li l-UE qed tagħti lill-Malta biex tiffinanzja s-sehem tagħha f’dawn il-programmi. Dawn il-fondi ta’ għajnuna mill-UE qed jinħarġu mill-pre-accession funds li l-UE qed tagħti lil Malta.
Jekk wieħed jara l-proporzjon bejn il-fondi Maltin u l-fondi tal-UE vis-à-vis il-fondi globali ta’ kull programm isib li, bejn wieħed u ieħor, il-Gvern Malti joħroġ terz u l-UE toħroġ żewġ terzi tal-fondi globali rikjesti biex Malta tieħu sehem f’dawn il-programmi.
L-Onor Interpellant japprezza li din hi s-sitwazzjoni kif inhi waqt li Malta għadha candidate country għax meta Malta tidħol bħala membru sħiħ tal-UE l-fondi kollha joħorġu mill-UE.
Jista' l-Ministru jgħid minn liema lukandi u stabbilimenti ta' l-ikel intgħażlu l-ħaddiema li marru fuq proġetti ta' mobility taħt il-program Leonardo da Vinci ta' l-UE bejn Ottubru 2001 u Frar 2002? Kif intagħżlu dawn il-ħaddiema? Hemm xi ħsieb li anke l-istudenti ta' l-Institute of Tourism Studies jieħdu sehem fil-program Leonardo da Vinci?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li l-lukandi u stabbilimenti ta' l-ikel li ntgħazlu sabiex ħaddiema tagħhom imorru fuq proġetti ta' mobility taħt il-programm Leonardo da Vinci ta' l-UE bejn Ottubru 2001 u Frar 2002 huma dawn li ġejjin:
1) 282 Coffee Garden
2) Barracuda Restaurant, St Julians
3) Baystreet Hotel, St Julians
4) Calypso Hotel, Gozo
5) Coastline Hotel, Salina
6) Corinthia Jerma Palace, M'Scala
7) Corinthia Marina, St Julians
8) Corinthia Palace, Attard
9) Corinthia San Gorg, St Julians
10) Crowne Plaza, Sliema
11) De Juliani, St Julians
12) Forum Hotel, St Andrews
13) Grand Hotel, Gozo
14) Hilton Malta, St Julians
15) Howard Johnson Diplomat, Sliema
16) Le Meridien Phoenicia, Floriana
17) New Dolmen Hotel, Qawra
18) Park Hotel, Sliema
19) Preluna Hotel, Sliema
20) Radisson SAS Bay Point Resort, St Julians
21) Rafael Spinola Hotel, St Julians
22) Relax Inn, Bugibba
23) Riviera Resort & Spa, Marfa
24) Rosendaal Hotels, Sliema
25) Seabank Hotel, Ghadira
26) Sol Suncrest, Qawra
27) The Waterfront Hotel, Gzira
28) The Westin Dragonara Resort, St Julians
29) Victoria Hotel, Sliema
Il-ħaddiema parteċipanti fil-proġetti ġew nominati minn min iħaddimhom stess wara li kienet intbgħatet l-informazzjoni kollha u wara li kienet saret sejħa pubblika fil-gazzetti.
Infurmat ukoll li rigward l-istudenti ta' l-Institute of Tourism Studies, diġa saru diversi kuntatti u fil-fatt dawn kienu wkoll rappreżentati f'contact seminar li sar f'Ġunju ġewwa n-Norveġja bl-iskop li jinstabu partners għal proġetti ta' Mobilita` għal studenti li sa issa ma jibbenefikawx min fondi oħra. L-Institute of Tourism Studies ukoll kien rappreżentat f’contact seminar ieħor li sar għall-istituzzjonijiet Maltin li jipprovdu taħriġ vokazzjonali f’Toulon, Franza, ma istituzzjonijiet simili Franċiżi. Il-kuntatti li nbdew f’dawn is-seminars għandhom jagħtu l-frott aktar ‘l quddiem. Dawn is-seminars kienu organizzati mill-programm tal-UE, Leonardo da Vinci.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li ħadu sehem u ibbenefikaw fil-programm Youth ta' l-UE? Liema kienu dawn il-kunsilli lokali u x'kienu l-proġetti li ħadu sehem fihom?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' Kunsilli Lokali li ħadu sehem u ibbenefikaw fil-programm Żgħżagħ ta’ l-Unjoni Ewropea. Il- proġetti kienu kollha proġetti taħt l-ewwel azzjoni – Skambji taż-Żgħażagħ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li jipparteċipaw studenti Universitarji fil-program Socrates (azzjoni Erasmus) fis-sena akkademika li ġejja? Kif jintagħżlu l-Universitajiet Ewropej li fihom imorru l-istudenti Maltin taħt il-program Socrates (azzjoni Erasmus)
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li hemm 317 il-post għad dispożizzjoni ta’ studenti Maltin interessati li jagħmlu perjodu ta’ studju f’Universita’ Ewropea li għandha Socrates Erasmus mobility bilateral agreement ma’ l-Universita’ ta’ Malta fis-sena akkademika 2002/3.
Qabel l-ewwel sena ta’ parteċipazzjoni, fl-1999 ġew iffirmati numru ta’ Bilateral Agreements ma’ numru ta’ Universitajiet fl-Ewropa. Mingħajr dawn il-Bilateral Agreements wieħed ma jkollux il-qafas neċessarju biex l-Erasmus ikun jista’ jopera. Kull sena tittieħed deċiżjoni jekk l-Agreements eżistenti jiġux renewed, filwaqt li jiġu ffirmati wkoll agreements ġodda.
Hemm modi diversi kif isir il-kuntatt biex jiġi ffirmat Bilateral Agreement – l-Universita’ ta’ Malta hija membru f’diversi għaqdiet u Networks reġjonali, tekniċi u internazzjonali, u l-akkademiċi li jgħallmu fi ħdanha għandhom u jkomplu jistabbilixxu kuntatti ma’ Universitajiet barranin. Ikun hemm ħafna każijiet fejn Universitajiet barranin jagħmlu kuntatt ma’ l-Universita’ b’wirja ta’ interess li jridu jiffirmaw Bilateral Agreement.
Fil-Bilateral Agreement jiġi speċifikat l-area of study, il-kwantita’ ta’ studenti u lecturers u t-tul ta’ żmien ta’ kull mobilita’. Biex jiġi ffirmat agreement irid dejjem ikun hemm qbil bejn il-partijiet akkademiċi u l-kordinatur ta’ l-Erasmus fiz-zewg partijiet interessati. Kull student li jitfa’ applikazzjoni għal Erasmus irid iniżżel l-ewwel tlett preferenzi tiegħu skond il-lista’ ta’ postijiet li tiġi ppublikata għal kull Application Round.
Din l-informazzjoni kollha hija dejjem aċċessibbli għall-pubbliku fuq il-website tal-Uffiċċju Socrates (http://home.um.edu.mt/socrates/erasmus.html), kif ukoll fir-rapporti u materjal informattiv ippublikat lokalment fuq dan is-suġġett.