Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid – Triq Vjal Sir Paul Boffa – żbir ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jinżabru s-siġar li jinsabu fi Triq Vjal Sir Paul Boffa f’Raħal il-Ġdid?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn is-siġar jiġu miżbura regolarment u ż-żbir tagħhom jsir skont il-programm tal-kuntratturi tagħna.

Raħal Ġdid – Triq Vjal Sir Paul Boffa – tappieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitranġaw xi tappieri li jinsabu fi Triq Vjal Sir Paul Boffa f’Raħal il-Ġdid peress li qegħdin jagħmlu ħafna storbju meta jgħaddu l-karozzi minn fuqhom?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tappieri jinsabu fi Triq Vjal Sir Paul Boffa f’Raħal il-Ġdid ġew imsewwija.

Ħal Lija – Triq Pantar – dewmien fix-xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jara u jgħid x'qiegħed jikkawża d-dewmien esaġerat biex jitlesta x-xogħol li qed isir fuq Triq Pantar f’Ħal Lija,u dan peress li issa x-xogħol fuq din it-triq ilu li nbeda iktar minn erba’ xhur ilu? Jista’ jara li tiġi indirizzata din il-problema minnufih? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu sabiex din il-problema tiġi riżolta immedjatament u mingħajr iktar dewmien li qed ikun ta' detriment u inkonvenjent bla bżonn, kemm għar-residenti kif ukoll għal dawk li jgħaddu minn hemm?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Sidien tat-trakkijiet l-antiki tal-linja — servizz limitat għat-turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jagħti liċenzji lis-sidien ta' trakkijiet l-antiki tal-linja biex joperaw servizz limitat għat-turisti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li hemm il-ħsieb li jingħataw 15-il permess lis-sidien ta’ trakkijiet l-antiki tal-linja bil-għan li joperaw servizz turistiku biss. Dawn il-permessi jittieħdu biss minn dawk il-15-il operatur li se jkunu eliġibbli għall-kriterji li se jiġu stabbiliti fil-proċess tat-tender. Dawn l-offerti ser isiru permezz ta’ tender li l-inqas prezz t’offerta jkun irid jibda minn €10,000.

Ir-Rabat Malta – Triq it-Tagħbija — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fi Triq it-Tagħbija r-Rabat (Malta), u jagħti data ta’ meta mistenni li x-xogħlijiet ikunu lesti?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Trasport Pubbliku — Ir-Rabat Malta – Triq it-Tagħbija – Rotot 51 u 52

Question

Jista’ l-Ministru jindaga għalfejn ir-rotot 51 u 52 tat-trasport pubbliku mhumiex jaslu lejn il-bus stop fi Triq it-Tagħbija r-Rabat (Malta) qabel iddur lejn it-telgħa fi Triq Santa Rita, u jieħu azzjoni minnufih biex jinstab mod kif is-servizz jitwassal sa dan il-post?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotot 51 u 52 ma jservux il-bus stop li hemm fi Triq it-Tagħbija minħabba li l-imsemmija rotot ma jgħaddux minn din it-triq. Il-bus stop li hemm fi Triq it-Tagħbija huwa servut bir-rotot 50, 53, 56 (minn u lejn il-Belt) u r-rotta 182 (minn u lejn MDH/Universita’).

Ir-Rabat Malta – Triq it-Tagħbija – pelican lights/zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni sabiex jitwaħħlu pelican lights jew issir zebra crossing fiż-żona li min-naħa tal-bus shelter taqsam għan-naħa tal-għajn fi Triq it-Tagħbija, ir-Rabat (Malta)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li kien hemm talba mill-Kunsill Lokali tar-Rabat bid-data 26 ta’ Novembru 2013 għal zebra crossing fi Triq it-Tagħbija. Il-Kunsill ntalab jissottometti d-dokumenti meħtieġa sabiex Transport Malta tkun f’pożizzjoni li tipproċessa tali talba. Meta l-Awtorità tirċievi dawn id-dokumenti tkun tista’ tevalwa din it-talba.

Valletta Summit u ċ-CHOGM li ltaqgħu Malta – xogħlijiet infrastrutturali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22262, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi (l-isem tagħhom) li għamlu x-xogħlijiet infrastrutturali (inkluż xogħlijiet fuq toroq) li saru b’rabta mal-Valletta Summit u maċ-CHOGM u jgħid ukoll in-nefqa tal-istess xogħlijiet b’mod individwali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ingħad fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22262, ix-xogħlijiet saru kollha taħt il-proviżjonijiet u mill-kuntratturi li jiffurmaw parti mill-Framework Agreement 2014.

Autobuses de Lyon — kuntratt iffirmat

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt iffirmat mal-Autobuses de Lyon dwar it-trasport pubbliku, peress li kien wiegħed li ħa jippublikah fis-6 ta' Jannar 2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-kuntratt mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġranet li ġejjin.

Vetturi rapportati li jniġġżu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il messaġġ (sms) daħal dwar vetturi rapportati li jkunu qegħdin iniġġsu b’mod eċċessiv, separati għal kull sena fl-2013, 2014 u 2015? Jista’ jgħid kemm minn dawn, għal kull sena, instabu li kienu qegħdin iħammġu b’mod eċċessiv?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċedura tas-sistema tal-emission alert hija li vettura trid tkun irċeviet aktar minn tlett rapporti permezz ta’ SMS minn numri tal-mobajl differenti fi żmien tlett xhur sabiex tkun eliġibli għall-ispezzjoni. Jitneħħew ukoll dawk ir-rapporti mil-lista ta’ SMSes li ma jkollhomx id-dettalji tajbin jew kompleti. Wara dan il-proċess sid il-vettura jiġi mitlub sabiex itella l-vettura għal spezzjoni permezz ta’ notifika illi jirċievi bil-posta. Meta vettura tittella’ għal spezzjoni u ma tkunx laħqet il-livell stabbilit ta’ emissjonijiet, sid il-vettura jingħata appuntament ieħor. F’dan l-istadju is-sid tal-karozza tinħariġlu multa. Dan il-proċess jibqa’ għaddej sa mal-vettura tgħaddi mill-ispezzjoni. F’każ li vettura ma tittellax għal spezzjoni, is-sid tal-vettura jingħata appuntament ieħor fejn ikun mitlub li jtella’ il-vettura tiegħu. Iżda wara żewg appuntamenti fejn sid il-vettura ma jkunx tella’ l-vettura għal spezzjoni hekk kif rikjest, issir restrizzjoni fuq il-liċenzja tal-vettura sabiex din ma tkunx tista’ tiġi mġedda. Ir-restrizzjoni fuq il-liċenzja titneħħa biss wara li sid il-karozza jtella’ l-vettura għall-ispezzjoni u din tgħaddi. Minħabba l-proċedura kif spjegat hawn fuq, in-numru ta’ vetturi li kienu eliġibli għal spezzjoni mhux ekwivalenti għan-numru ta’ smses li tkun irċeviet l-Awtorita’. Għaldaqstant, l-informazzjoni mitluba hija hekk kif ġej: Sena Numru ta’ SMSes Vetturi msejħa għat-test Vetturi li m’għaddewx 2013 12,529 253 24 2014 11,329 214 26 2015 13,235 262 32

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka t-tip ta’ rikjesti li jaslu għandu minn Ministeri oħra kif ukoll minn Kunsilli Lokali? Jista’ jelenka x’azzjoni tittieħed meta jasal complaint għand il-Ministeru, speċjalment f’każ ta’ toroq, fejn ir-responsabilità ma tkunx tal-Ministeru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rikjesti li jaslu għand il-Ministeru tiegħi minn Ministeri oħra jvarjaw minn irranġar ta’ toroq, tisbieħ ta’ postijiet pubbliċi, parir tekniċi kif ukoll manutenzjonijiet f’dipartimenti differenti, fost oħrajn. Dawn ir-rikjesti jgħaddu għand l-uffiċjali responsabbli fi ħdan il-Ministeru tiegħi biex jiġu segwiti. F’każ ta’ toroq li r-responsabilità ma tkunx taqa’ taħt il-Ministeru tiegħi, dawn it-talbiet jiġu mgħoddija lill-Ministru kkonċernat, u min ikun qed jagħmel it-talba jiġi mgħarraf b’dan.

Toroq fiż-żoni rurali — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fiex waslu x-xogħlijiet ta’ toroq fiż-żoni rurali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fiż-żoni rurali li kienu qed isiru minn Transport Malta taħt il-miżura 125 tar-Rural Development Programme 2007-2013 (EAFRD – Axis 1) “Improving the Competitiveness of the Agricultural Sector” tlestew skont il-pjan.

Proġett ta’ Triq il-Kosta

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif il-proġett ta’ Triq il-Kosta rnexxielu jitlesta b’suċċess minkejja l-ostakli kollha li kien hemm u dan b’kuntrast qawwi ta’ kif il-proġetti taħt gvernijiet preċedenti kienu jaqgħu lura drastikament?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda biex nirringrazzja lill-Onor. Interpellant għall-kumpliment tiegħu u nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil kull min kien involut, b’xi mod jew ieħor f’dan il-proġett, inkluż il-pubbliku in ġenerali għall-paċenzja u kooperazzjoni tul ix-xogħlijiet. Ta’ min iżid li f’din l-amministrazzjoni ma kienx il-proġett tal-Kosta biss li tlesta fil-ħin, iżda kien hemm proġetti oħra maġġuri li kienu qed isiru minn Transport Malta, bħal preparamenti għac-CHOGM u xogħlijiet fuq toroq rurali. Dan kien biss possibli permezz ta’ koordinazzjoni sħiħa bejn Transport Malta u l-kuntratturi nvoluti f’kull livell, ukoll permezz ta’ ppjanar adekwat u tqassim ta’ riżorsi b’mod effiċjenti minn kull parti nvoluta. Wara l-ammont konsiderevoli ta’ xogħol infrastrutturali li kien għaddej fil-pajjiż f’dawn l-aħħar xhur, speċjalment fuq proġetti kbar li diġà semmejna, Transport Malta tibqa’ mpenjata fuq programm ta’ xogħlijiet u prioritajiet u dan speċjalment fejn jikkonċerna toroq b’kostruzzjoni għall-ewwel darba fil-lokal u manutenzjoni tat-toroq arterjali u distributorji, filwaqt li fix-xhur li ġejjin mistenni li jitlestew proġetti bħalma huma l-MODUS u jinbeda x-xogħol fuq il-junction tal-Kappara.

Birżebbuġa – xogħlijiet fuq il-pitch tal-waterpolo u l-grawnd tal-futbol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-pitch tal-waterpolo u l-grawnd tal-futbol f’Birżebbuġa? Jista’ jgħid kemm kien l-investiment fuq dawn iż-żewġ proġetti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pitch ta' Birżebbuġa tlesta fis-Sajf li għadda, waqt li x-xogħol fuq il-bini tal-club house issa qabad ir-rittmu u għandu jkun lest wara s-Salf li ġej. Il-grawnd jinsab fi stadju avvanzat u għandu jitlesta sas-Sajf. L-investiment li qed isir fuq dawn iż-żewġ proġetti hu ta' madwar €3.85 miljun.

Proġett għat-tisbiħ tal-promenade tal-Kalkara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-preparamenti fuq il-proġett għat-tisbiħ tal-promenade tal-Kalkara? Jista’ jispjega wkoll x’inhu r-rwol tal-Projects Implementation Directorate fi ħdan il-Ministeru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett għat-tisbiħ tal-promenade tal-Kalkara se jkun inkorporat f’proġett konġunt bejn il-Kunsilli Lokali Kalkara u l-Ministeru tiegħi. Bħalissa qed isir xogħol preparatorju biex jitfassal masterplan għal dan is-sit bil-ħsieb li ssir applikazzjoni għall-fondi Ewropej għal dan il-proġett. Ninfurmah ukoll li l-Project Implementation Directorate(PID) fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet fil-Ministeru li għalih jien responsabbli, hu nvolut f’dawn ix-xogħlijiet: 1. Xogħlijiet ta’ manutenzjoni f’żoni turistiċi u spazji pubbliċi li jaqgħu fir-responsabilità tal-Gvern Ċentrali. 2. Jimplimenta numru ta’ proġetti żgħar, l-aktar xogħlijiet ta’ tisbih f’żoni urbani u anke turistiċi f’isem il-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura. 3. Jamministra l-barriera tal-Gvern f’tar-Robba. 4. Jagħmel xogħol ta’ waterproofing membrane f’bini u propjetajiet tal-Gvern.

Proġett tas-Salini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tas-Salini biswit Triq il-Kosta u x’se jiġri wara li jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tar-Riabilitazzjoni tas-Salini tal-melħ fis-Salini limiti ta’ San Pawl il-Baħar biswit triq il-Kosta hu fil-maġġoranza tiegħu lest. Dan il-proġett jibqa’ jaqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħi sakemm jitlesta.

Transport Malta – Laqgħa mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann

Question

B’referenza għad-diversi rapporti li saru fil-media fejn intqal li Transport Malta se tiltaqa’ mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann sabiex tiġi diskussa s-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku fil-lokalità, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk Transport Malta għamlitx kuntatt mat-tali Kunsill Lokali (sad-data li qed inressaq din il-mistoqsija parlamentari) sabiex issir il-laqgħa msemmija? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħid meta mistennija li sseħħ it-tali laqgħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret laqgħa mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann bejn il-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura, Transport Malta u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann fil- 5 ta’ Frar 2016, li fiha ġiet diskussa s-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku f’din il-lokalità. Barra minn hekk fl-istess ġurnata ukoll, ltqajt mas-Sindki tal-Kunsilli Lokali kollha, fejn ġie diskuss it-trasport pubbliku. Dan wara li f’laqgħa li saret fil-ġimgħat li għaddew, kien intqal li se jiġi evalwat l-impatt tar-rotot il-ġodda. Il-laqgħa kienet waħda kostruttiva ħafna fejn attendew kważi l-Kunsilli Lokali kollha. Matul il-laqgħa, li għaliha kienu preżenti wkoll rappreżentanti tal-operatur tat-trasport pubbliku kif ukoll uffiċjali ta’ Transport Malta, ġie nnotat li f’ħafna mill-każijiet, l-ilmenti li qed jitressqu mill-pubbliku huma aktar marbutin ma’ puntwalità fis-servizz milli man-natura tar-rotta. Dwar dawn l-ilmenti, inġibdet l-attenzjoni tal-operatur tat-trasport pubbliku, li min-naħa tiegħu, se jkun qed jieħu passi biex dawn jiġu indirizzati.

Salini – xogħlijiet — ħlas

Question

Billi parti mill-ħlas li kellu jsir dwar ix-xogħol marbut mas-Salini/Limiti ta' San Pawl il-Baħar kellu jitħallas minn Fondi tal-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt il-Fondi Ewropej li kellhom jintefqu fuq dan il-proġett, intefqux jew le? Jekk le, kemm mill-fondi li kellhom jintefqu baqgħu ma' ntefqux? X'inhi r-raġuni għal dan? Meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol li għadu għaddej?

Response (MIZZI, JOE)

Fil-waqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li kellu jitħallas minn Fondi Ewropej hu fil-maġġoranza tiegħu lest, nitolbu jirreferi il-parti tal-Mistoqsija li tirrigwarda n-nefqa tal-Fondi tal-Unjoni Ewropeja lill-Ministru kkonċernat.

Baħar iċ-Ċagħaq – Ġnien Santa Marija tal-Anġli

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Ġnien Santa Marija tal-Anġli f’Baħar iċ-Ċagħaq, isir fih il-manutenzjoni neċessarja biex dan il-post ma jkomplix jitkisser, kif ġara matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li x-xogħol ta’ manutenzjoni fl- imsemmi ġnien sar permezz ta’ kuntratt ma’ kuntrattur privat. Dan il-kuntratt kien ikopri l-perjodu mis-7 ta’ Lulju 2014 sas-6 ta’ Ottubru 2015. Wara sejħa għall-offerti, issa intgħażel il-kuntrattur li ser jieħu ħsieb dan ix-xogħol u wasalna fi stadju li l-istess kuntrattur jintalab jiffirma l-kuntratt il-ġdid. Dan jikkuntrasta bil-kbir dak li qed jgħid l-Onor. Interpellant li dan il-ġnien tħalla jitkisser dawn l-aħħar sentejn.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u Transport Malta — kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tad-diversi konsulenti li għandu miegħu preżentament (jiġifieri sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari) fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u f’Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratti mitluba jinkludu dettalji personali kif ukoll informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Fid-dawl ta’ dan, bħal ma kienet il-prassi f’amministrazzjonijiet preċedenti, ma nħossx li jkun prudenti li tingħata l-informazzjoni mitluba. Fl-istess ħin nixtieq infakkar lill-Onor. Interpellant li fis-Seduta Parlamentari numru 20 tal-20 ta’ Mejju 2013, kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-linji gwida dwar konsulenti fl-Strategic and Priorities Unit.