Legislature:
Category:
Reset
Active:

Frekwenzi tar-Radju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm frekwenzi tar-radju fuq l-FM vojta? Jista' jgħid kemm hemm applikazzjonijiet jistennew li jiġu allokati frekwenza? Jista' jgħid min huma il-kumpaniji li applikaw għall-frekwenza tar-radju FM?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-frekwenzi għal xandir nazzjonali bir-radju FM li mhumiex okkupati huma tlieta: 90.7 MHz, 102.6MHz u 105.9MHz. Dwar it-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #29095 Sitting 632 2001-11-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu allowance varji mill-Ministeru/Dipartimenti lil impjegati matul din is-sena? Jista' wkoll jgħid grad grad min ibbenifika minn dawn l-allowance u kemm ħadu kull grad? X' tip t' allowance ħadu l-imsemmija impjegati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta` mpjegati li għandhom l-allowance fil-Ministeru u Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Ilma tax-Xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' kienu r-raġunijiet li l-culverts ta' l-ilma tax-xita, fil-parti ta' Main Street il-Mosta ġej minn naħa ta' Ta' Qali, ma sarux matul dawn l-aħħar tlett snin? Jista' l-Ministru jara li fl-estimi tal-Budget li ġej jinkludi l-flus neċċessarji fl-ispiża tiegħu sabiex ikopri x-xogħlijiet tal-culverts f' din it-triq fil-Mosta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Kunsill Lokali diġa ħa passi biex jitwettaq dan il-proġett.

Birkirkara — Triq il-Melitella

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li Triq il-Melitella f' Birkirkara tiġi rranġata u tingħata tarmac meħtieġ u dan peress li l-kundizzjoni preżenti ta' l-istess triq hija ta' inkonvenjent għar-residenti ta' l-istess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant huwa wieħed ta` resurfacing li normalment isir mill-Kunsill Lokali.

Birkirkara — Triq F.S. Caruana

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li Triq F.S. Caruana f'Birkirkara tiġi rranġata u tingħata tarmac meħtieġ u dan peress li l-kundizzjoni preżenti ta' l-istess triq hija ta' inkonvenjent għar-residenti ta' l-istess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 29266.

Birkirkara — Triq Bwieraq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li Triq Bwieraq f'Birkirkara tiġi rranġata u tingħata tarmac meħtieġ u dan peress li l-kundizzjoni preżenti ta' l-istess triq hija ta' inkonvenjent għar-residenti ta' l-istess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 29266.

Birkirkara — Holy road

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li Holy road f' Birkirkara tiġi rranġata u tingħata tarmac meħtieġ u dan perss li l-kundizzjoni preżenti ta' l-istess triq hija ta' inkonvenjent għar-residenti ta' l-istess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 29266.

Birkirkara — Triq F. Geneste

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li Triq F. Geneste f' Birkirkara tiġi rranġata u tingħata tarmac meħtieġ u dan perss li l-kundizzjoni preżenti ta' l-istess triq hija ta' inkonvenjent għar-residenti ta' l-istess?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qed isiru stejjem għal xogħolijiet ta` toroq oħra f'dik il-lokalita` inkluż ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant. Dawn ix-xogħolijiet kollha eventwalment jitwettqu skond il-prijoritajiet miftehma mal-Kunsill.

San Pawl il-Baħar — Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li Triq San Pawl f' San Pawl il-Baħar tingħalaq għat-traffiku? Jekk iva, mnejn se jibda' jgħaddi t-traffiku?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 28579.

Ġeneraturi ta' Vapuri

Question

Jista' l-Ministru jara li jitneħħa l-inkonvenjent ta' ħsejjes li ġej minn ġeneraturi ta' vapuri li hemm marbuta ma' St. Anġlu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-tlett bastimenti li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant siefru.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jsir tarmac surfacing ta' Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa f' Ħaż-Żabbar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li hemm diversi xogħolijiet għal din iż-żona, kemm fil-junction li jieħu għal Wied il-Għajn kif ukoll fit-Triq il-Labour li għandhom x`jaqsmu wkoll mal-bini ta` l-isports Complex, il-proġett ta` affortestazzjoni u l-proġett tal-Kottonera nkluż tqegħid ta Cables ġodda. Id-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsill Lokali u entitajiet oħra qegħdin f`kuntatt dwar dawn ix-xogħolijiet biex eventwalment it-toroq ta` l-inħawi jkunu jistgħu jiġu rrestawrati fil-framework tal-prijoritajiet li ġew stabiliti fir-Road Master Plan.

Ħaż-Żabbar — Triq Labour

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jsir re-surfacing ta' Triq Labour f' Ħaż-Żabbar, minħabba li l-istat ta' din l-arterja prinċipali hi ħażin ħafna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 29353.

Senglea — Victory Street

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm intefqu flejjes u x-xogħol attwalment sar sabiex tiġi rranġata l-parti tat-triq ta' Victory Str, Senglea li sfrondat tul is-sajf li għadda?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-valur tal-kuntratt għax-xogħol li kien qed isir f`Victory Street minn Misraħ Żahra sa Misraħ Benedittu li fih sfronda saqaf ta` mina kien jiswa Lm12,819. Ix-xogħol innifsu għal tiswija tal-ħsara li ġarbet il-mina qed ikun stmat mill-kuntrattur li jammonta għal Lm21,984. Id-Dipartiment tat-Toroq għadu ma aċċettax dan il-kont, peress li jrid jiġi stabbilit jekk din il-ħsara taqax fl-ambitu tal-polza ta` l-Insurance li taħtu ħadem il-kuntrattur kif ukoll għaliex ma jaqbilx mar-rati li ssottometa il-kuntrattur.

Bankina — Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex bdiet u kważi tlestiet il-bankina ta' Marfa road fil-parti li tibda minn ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Jugoslavi fil-Mellieħa, bla ma saret konsultazzjoni mas-sidien tar-restoranti li hemm faċċata din il-bankina? Jaf il-Ministru li ma baqax aċċess għall-parking li kien hemm qabel għad-detriment li dawn is-sidien se jitilfu u fil-fatt diġa bdew jitilfu ħafna kummerċ? Jista' l-Ministru jinvestiga din l-inġustiżżja li saret fil-konfront ta' dawn is-sidien u jara li tinstab soluzzjoni immedjatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant qed isir fuq pjanti li kienu esebiti għal diversi jiem f`sala fil-Mellieħa u kienet saret laqgħa ta' konsultazzjoni mal-pubbliku fir-rigward. Ninsab infurmat li ma kien hemm ħadd li ressaq xi oġġezzjonijiet għal dan ix-xogħol, la waqt il-laqgħa ta` konsultazzjoni, la qabel u lanqas wara sakemm fil-fatt inbeda x-xogħol. Ma dan kollu, tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex flimkien mal-Kunsill Lokali jinvestigaw iċ-ċirkustanzi li qed isemmi l-Onor. Interpellant.

Venda tar-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mit-talba tal-Kunsill Lokali tar-Rabat u ta' ħafna Rabtin sabiex il-venda terġa tiġi lura fi Triq Santa Rita r-Rabat? Jista jara li din tirritorna lura bla aktar dewmien, issa li Triq G.B. Olivier, Rabat ġiet one way?

Response (GALEA, ĊENSU)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għal Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 19510 u 21713, L-Onor. Interpellant jaf sew li Triq Borg Olivier għadha bi prova bħala one way, kif diġa aċċennajt fit-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 28680.

Vodafone

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-fatt kif il-kumpanija Vodaphone filwaqt li żidiet il-profitti naqset il-kummissjonijiet tal-bejgħ tal-vodaphone cards minn 10% għall 7% mill-ewwel ta' Ottubru ta' din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta' natura purament kummerċjali, u għalhekk il-M.C.A. ma tidħolx fil-kwistjoni.
Leg 9 PQ #29074 Sitting 629 2001-10-30 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Inspectors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm l-ispezzjoni fuq impjegati fid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu saru matul din is-sena? Min qed ikun inkarigat minn dan ix-xogħol u kemm hemm impjegati li qed jaħdmu bħala jew iservu ta' inspectors?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma saret l-ebda spezzjoni kemm fil-Ministeru kif ukoll fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi fuq l-impjegati matul din is-sena. Ta` min jgħid ukoll li ma jeżistux inspectors fil-Ministeru u fid-Dipartimenti għal dan it-tip ta` xogħol.

Karozzi tal-Linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn fejn hemm il-ħsieb li jiġu mportati karozzi tal-linja ġodda? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm interess biex jibdew jinbnew f' Malta? Jekk iva, jista' jagħti dettalji?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li wara li ġew ippubblikati l-ispeċifikazzjonijiet dwar kif għandhom ikunu l-karozzi tal-linja ġodda, il-Gvern qiegħed iħalli f'idejn l-istess operaturi id-deċiżjoni li jimpurtaw jew jibnu lokalment il-vettura tagħhom.

Karozzi tal-Linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' inhu n-numru ta' karozzi tal-linja li hawn fit-triq bħalissa f' Malta? Kemm inxtraw vetturi ġodda għal fuq ir-rottot f' dawn l-aħħar tlett snin? Kemm hemm karozzi tal-linja joperaw f' Għawdex? Fl-aħħar tlett snin kemm il-vettura ġdida inxtrat? Jista' l-Ministru jgħid x' qed joffri l-Gvern bħala għajnuna biex jinxtraw karozzi tal-linja ġodda? Kemm il-sid huwa interessat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għal risposti mogħtija għad-domandi parlamentari Nru 6197 u 25237, jien infurmat li f`dawn l-aħħar tlett snin ma inxtrawx vetturi ġodda. Jien infurmat ukoll li mill-147 sid li applikaw ma` l-Awtorita` tat-Trasport biex ikollhom karozzi tal-linja ġodda, dawk li għadhom eleġibbli għandhom offerta ta` Lm30,000 sussidju mingħand il-gvern.