Legislature:
Category:
Reset
Active:

AFM — C Company u l-Ispecial Operations Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun id-differenza fix-xogħol bejn is-C Company u l-iSpecial Operations Unit li se titwaqqaf fi ħdan il-Forzi Armati ta' Malta? Jista' jgħid jekk il-personnel office tal-Forzi Armati ta' Malta għamilx studju ta' kif se jkun qed jaħdem dan il-unit il-ġdid? Jista' jgħid jekk hux se jingħata taħriġ apposta lill-membri li se jiġu magħżula f'dan il-unit il-ġdid? Jista' jgħid kif ġew/se jiġi magħżula l-membri l-ġodda li se jkunu qed iservu f'dan il-unit il-ġdid? Jista' jgħid min kienu jew se jkunu l-persuni fuq l-interviewing board li għażel/se jagħżel il-persuni li biex ikunu f'dan il-unit? Jista' jgħid jekk kienx hemm sejħa interna u x'kienu r-rekwiżiti biex wieħed setgħa japplika biex jissieħeb f'dan il-unit il-ġdid?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 16104.

Assistent Kummissarju — Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta irtira mill-Korp tal-Pulizija dak li kien Assistent Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista' jikkonferma li hekk kif iritra mill-Korp, nħatar bħala konsulent? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta l-individwu nħatar bħala konsulent, fuq xiex inħatar konsulent u kemm qiegħed jitħallas għal din il-kariga? Jista' jgħid kemm hija d-differenza bejn il-paga li kien jirċievi l-individwu bħala Assistent Kummissarju u l-paga li qed jirċievi issa bħala konsulent? Jista' jikkonferma li l-individwu fil-kwalità tiegħu ta' konsulent għandu karozza u xufier għad-dispożizzjoni tiegħu? Jista' jelenka l-perkaċċi u benefiċċji kollha li jgawdi l-individwu bħala konsulent?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema Assistent Kummissarju qed jirreferi, minħabba li l-persuna li dettalji tagħha ngħataw separatament ma kelliex kariga ta’ Assistent Kummissarju.

Korp tal-Pulizija — membri boarded out

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il membru tal-Korp tal-Pulizija ġie boarded outfl-aħħar sentejn sal-lum? F'kull każ, jista' jindika kemm ħa l-proċess minn meta saret it-talba sakemm sar il-boarding out?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ninsab infurmat li fl-aħħar sentejn sas-16 ta’ Gunju 2015, ġew boarded out għaxar (10) uffiċjali tal-Pulizija skont kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Forzi Armati ta’ Malta – Special Operations Unit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkunu d-doveri u responsabilitajiet tal-iSpecial Operations Unit fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta? Minn kemm membri se tkun magħmula? X’wassal għal tali unit u għalhiex ix-xogħol ta’ dan il-unit ma jistax jitwettaq mis-C Company tal-Forzi Armati ta’ Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali unit se tkun tinkorpora fiha taħriġ, tagħmir u speċjalizzazzjonijiet diversi li sa ftit ilu kienu misjuba f’Units differenti fl-Armata, u bl-introduzzjoni tagħha ser ikunu kollha inkorporati f’Unit wieħed taħt l-istess Kmand.

Korp tal-Pulizija – RIU – SWAT Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn meta se jibda jiffunzjona l-SWAT unit fi ħdan l-RIU tal-Korp tal-Pulizija? Kemm se jkun hemm membri fih? X'se jkunu d-doveri speċjali ta' dan il-unit?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infumat li it-taħriġ għal li SWAT Team ser jibda jsir fi stadji differenti. Fil fatt l-ewwel stadju ta’ taħriġ beda fil-11 ta' Mejju 2015. L-ammont ta’ uffiċjali f’dan il-grupp ser ikun biżżejjed li jilħaq man neċessitajiet lokali u ser jibqa fi ħdan ir-Rapid Intervention Unit. Id-doveri ser ikunu simili għal dawk ta’ SWAT teams f'servizzi tal-Pulizija madwar id-dinja. Fost dawn id-doveri ser ikun hemm operazzjonijiet ta’ riskju relatati ma reati kriminali serji, operazzjonijiet anti-terroristici, support tattiku lil skwadri u sezzjonijiet oħra tal-Korp u protezzjoni ta' dinjitarji. Wara it-taħriġ, dan il-grupp jibqa jkompli id-dmirijiet tiegħu fl-RIU pero jibqa jitħarreġ regolarment fix-xogħol speċjalizzat tiegħu.

Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jiċħad b’mod kategoriku l-informazzjoni li waslitli, li mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ħerġin b’ċerta persistenza diversi xnigħat u spekulazzjonijiet , li l-Gvern se jneħħi lill-Kummissarju tal-Pulizija preżenti u jaħtar ieħor ġdid minfloku?

Response (ABELA, CARMELO)

Niċħad kategorikament.

Korp tal-Pulizija — dixxiplina interna kontra membri tal-korp

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' dixxiplina interna ttieħdu kontra membri tal-Korp tal-Pulizija fis-sena 2013 u 2014? Jista' jgħid x'kien il-kastig mogħti f'kull każ, mingħajr ebda referenza għad-dettalji tal-Pulizija kkonċernat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Ninsab infurmat li matul is-sena 2013 ma’ kien hemm l-ebda seduta ta’ dixxiplina kontra membri tal-Korp, minħabba l’fatt li f’dik is-sena kienet ingħatat amnestija ġenerali fuq każijiet ta’ dixxiplina pendenti mill-ex-Kummissarju. Matul is-sena 2014 kien hemm ħames seduti ta’ dixxiplina, li b’kollox fihom kien hemm mija u disa u sittin (169) każ li ġew deċiżi. Il-kastigi li ġew mogħtija kienu kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rapport tal-Bord tal-Inkjesta

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attachments neqsin li kienu annessi mar-rapport tal-Bord tal-Inkjesta dwar it-twaqqif ta' proċeduri kriminali mill-ex Kummissarju tal-Pulizija, liema rapport kien imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn 11 ta' Mejju 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Rata ta’ Kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-rata tal-kriminalità għax-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 2014?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ reati kriminali rappurtati lill-pulizija matul ix-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 2014, ġewwa l-għases f’Malta u Għawdex, kif ġew reġistrati fis-sistema kompjuterizzata komuni magħrufa bħala NPS (National Police System) kien skond kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rata ta’ Kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-rata tal-kriminalità għax-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ reati kriminali rappurtati lill-pulizija matul ix-xhur ta’ Jannar, Frar u Marzu 2015, ġewwa l-għases f’Malta u Għawdex, kif ġew reġistrati fis-sistema kompjuterizzata komuni magħrufa bħala NPS (National Police System) kien skond kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma preżentement il-konsulenti li ġew maħtura jew miżmumin fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali fl-2013, fl-2014 u fl-2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — rapporti ta' ġlidiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm rapporti ta' ġlidiet fit-toroq ta' San Pawl il-Baħar matul l-aħħar ħames xhur? Jekk iva, f'liema toroq seħħew il-ġlidiet rapportati? Fejn seħħew?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul laħħar ħames xhur ġewwa il-lokalità ta` San Pawl il-Baħar ġew irrapurtati 23-il każ ta` ġlied lil Pulizija. Dawn kienu kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Wied il-Għajn – Għassa tal-Pulizija – permessi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15655, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Għassa tal-Pulizija f’Wied il-Għajn issa li għadda l-20 ta’ Mejju 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li saret talba biex il-mobile police station ta' Wied il-Għajn titħalla fejn ġiet imqegħda ftit taż-żmien ilu, sakemm jinstab bini ieħor li jista jservi ta’ għassa. It-talba biex isir dan is-sanzjonar saret mal- Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, min Awtorita kompetenti u kif titlob il-liġi, kif ukoll fi żmien adekwat. Għaldaqstant, sakemm din it-talba tiġi deċiża, ma hux il-każ li din il-mobile Police Station titneħħa minn fejn hi. Kif diġa thennejt fi tweġiba oħra fuq dan is-suġġet il-ħtieġa ta’ Għassa ġdida ġewwa Marsascala ilu snin twal jinħass u dan għal diversi raġunijet. Il-prokrastinazzjoni fi żmien il-Gvern Nazzjonalista waslitna għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum. Din l-amministrazzjoni qed tagħmel ħilitha sabiex filwaqt li tibqa` tagħti s-servizz meħtieġ, fl-istess waqt insibu post adegwat sabiex ikun hemm Għassa li taqdi l-bżonnijiet tal-lum.

Detenuti f'solitary confinment

Question

JIsta' l-Ministru jgħid kemm hemm detenuti fl-aħħar ħames snin li kienu f'solitary confinment? Kemm damu? Sar psycological assessment?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar ħames snin ma kien hemm l-ebda immigrant detenut f’solitary confinement fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — solitary confinment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi detenut fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li qiegħed f'solitary confinment? Jekk iva, kemm ilu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhemm l-ebda detenut fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li qiegħed f'solitary confinment.

Persuni akkużati u mtellgħin il-Qorti fil-konfront ta' persuni minuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew akkużati u mtellgħin il-Qorti persuni bejn it-18-il u l-24 sena għax ksiru l-artikolu 203 u 203A tal-kodiċi kriminali fil-konfront ma’ persuni minuri ta’ 16-il jew 17-il sena? Jista’ jelenka ċ-ċifri sena b’sena mill-2004 sal-2014?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Programm IIP — applikazzjonijiet sottomessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-Programm IIP ġiet sottomessa u approvata (ċittadinanza mogħtija), maqsumin skont min kien l-aġent f'kull każ?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsijiet parlamentari 14691, 15896 u 16112.

Għawdex — Kaxxi tal-logħob illegali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu mill-pulizija kaxxi tal-logħob illegali f’Għawdex fis-snin 2013, 2014 u 2015 separatament? Jista’ jgħid dawn il-kaxxi minn fejn inġabru u x’passi ttieħdu f’kull każ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant kien hemm każ wieħed biss fis-sena 2014 fejn instabu kaxxi tal-logħob mill-Pulizija. Dan kien każ f’lokalita fin-Nadur fejn kienu nstabu żewġ kaxxi tal-logħob. In-konnessjoni ma dan il-każ, kienet saret inkjesta Maġisterjali u l-eżitu tagħha għadu mhux magħruf. Għaldaqstant għadhom ma ttieħdu ebda passi kontra ħadd. Sadanittant il-kaxxi ittieħdu mil-lokal rispettiv u qed jinżammu fil-kustodja tal-Pulizija.

Serq ta’ pets

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati serq ta’ pets tul is-snin 2013 u 2014 u sal-1 ta’ Ġunju 2015 separatament? Minn fejn insteraq kull pet u x’kien it-tip ta’ pet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru globali ta’ serq irappurtat lill-Pulizija fir-rigward ta’ pets matul is-snin 2013, 2014 u sal-aħħar ta’ Mejju 2015 huwa skond kif indikat fit-tabella A li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Informazzjoni f’aktar dettal rigward il-lokalita’ min fejn sar is-serq kif ukoll it-tip ta’ animal indikat bhala pet, tinsab ukoll fl-istess dokument fuq il-mejda tal-Kamra, tabella B.

Qorti – Persuni akkużati b’moħqrija jew trattament mhux xieraq ta’ annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-2014 u sal-1 ta’ Ġunju 2015, kemm tressqu nies il-qorti mill-pulizija akkużati b’moħqrija jew trattament mhux xieraq ta annimali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul is-sena 2014 u din is-sena, sal-1 ta’ Gunju 2015, kien hemm tlieta u għoxrin (23) persuna li tressqet il-Qorti in konnessjoni ma moħqrija jew trattament mhux xieraq ta’ annimali, Tlettax (13) il-persuna tressqu il Qorti matul is-sena 2014, filwaqt li għaxra (10) tressqu il Qorti din is-sena. Dettalji dwar dawn il kazi jidhru fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.