Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kif u b'liema mod se ssir ir-riabilitazzjoni tal-kumplament tal-promenade fil-bajja ta' Wied il-Għajn, il-parti ta' l-iskal? Jista' jinforma partikolarmanet dwar x'se jsir mid-dgħajjes li hemm bħalissa sakemm isir ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' embellishment li mistenni jsir ikopri mill-pitch tal-Marsascala Sports Club sa Pjazza Dun Tarcis.
Il-bankina mill-waterpolo pitch sa Triq San Ġużepp ser titwessa b'sistema ta' "cantilever". Dan ix-xogħol mistenni jibda hekk kif joħroġ il-permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar (għall-applikazzjoni emendata). Ix-xogħol fejn hemm l-iskal ser jibda fil-bidu ta' Frar wara li tneħħew id-dgħajjes biex ix-xogħol ikun jista' jibda. Dan ix-xogħol jikkonsisti f'pavimentar ġdid fi Triq San Ġorġ, bankini ġodda u f'kostruzzjoni ta' pjattaforma ikbar minn dik eżistenti għad-dgħajjes. Parti mill-iskop ta' dan il-proġett hu li d-dgħajjes kollha jkunu miġbura f'post wieħed. Ta' min jgħid li din l-area għandha tkun għat-tiswija tad-dgħajjes u mhux post fejn wieħed iħalli d-dgħajsa tiegħu sajf u xitwa. Hija r-responsabbilta' ta' min għandu d-dgħajjes biex jieħu ħsieb fejn ser ipoġġi d-dgħajsa sakemm isir ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jara hux possibbli li f'Forti Sant'Anġlu fil-Birgu jkun hemm faċilita' ta' telephone għall-watchman u anke faċilitajiet sanitarji adegwati peress li dawn huma ineżistenti u huma bżonnjużi anke għat-turisti li jżuru l-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għall-Ambjent m'għandux watchman fil-Forti Sant'Anġlu. Nipproponi lill-Onorevoli Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru responsabbli mit-Turiżmu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fi ġnien Pawlu Boffa f'Raħal Ġdid terġa tinfetaħ mil ġdid il-gabbana u l-public toilet u jiġu rranġati l-pompi?
Min huwa responsabbli tal-ġnien, il-Gvern ċentrali jew il-Kunsill Lokali Paola?
Kemm hija l-kirja tal-gabbana? Hemm il-ħsieb li tonqos fil-prezz biex tagħmel kuraġġ lill-individwi li japplikaw biex b'hekk ir-residenti ta' Paola jkollhom post rikreattiv?
Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa dan il-ġnien?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għar-rigward ta' l-ewwel tliet mistoqsijiet, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministru konċernat.
Għar-rigward ta' l-aħħar mistoqsija, l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar.
Jista' l-Ministru jagħti lista dettaljata tad-dokumenti u pjanti (inkluż numru) fix-xogħol ta' konsulenza li għamel il-perit Richard England f'St. James Cavalier u li għalih tħallas is-somma ta' Lm177,000?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dokumenti u pjanti li ġew ippreparati mill-uffiċċju ta' England & England, jinkludu dawn li ġejjin:
a. Concept Design 95 Sketches
b. Outline Development Application 7 pjanti
c. Full Development Application 22 pjanta
d. Sejħa għal konsulenti fuq
is-servizzi elettriċi u mekkaniċi 6 pjanti
e. Xogħol ta' Struttura 89 pjanta u speċifikazzjonijiet
f. Xogħol ta' Finishes 108 pjanta u speċifikazzjonijiet
g. Soqfa tat-Teatru u Atrium 11-il pjanta u speċifikazzjonijiet
h. Struttura fit-Teatru 17-il pjanta u speċifikazzjonijiet
i. Master Plan 15-il pjanta u għaxar kopji ta'
brochures bil-kulur li ġew
ippreżentati lill-Kabinet.
j. Exhibition 8 pjanti
Saru wkoll għadd ta' pjanti ta' dettal waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet.
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, il-ħlas li jirċievi Perit m'huwiex biss għal preparazzjoni ta' pjanti u dokumenti. Il-ħlas ta' Lm177,000. jinkludi wkoll diskussjonijiet ma' konsulenti oħra nvoluti fil-proġett, superviżjoni tax-xogħlijiet minn tliet Periti flimkien ma' uffiċjal tekniku, ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet, kejl, ħlas għall-konsulenza fuq is-sistema ta' sigurta' f'każ ta' ħruq kif ukoll xogħol fuq mudell dettaljat ta' l-Atrium.
X'inhu n-numru ta' health and safety officers kwalifikati li hemm mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet pubbliċi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda persuni kwalifikati bħala Health & Safety Officers mat-Taqsima tax-Xogħlijiet. Madankollu jidher li hemm il-ħtieġa li dan isir u xi ftit taż-żmien ilu diġa' bdew proċeduri biex dan jitwettaq.
Sadanittant, it-Taqsima tax-Xogħlijiet tinkoraġġixxi impjegati minn tagħha sabiex jattendu korsijiet fuq Health & Safety u fil-fatt bħalissa fit-Taqsima hemm tnejn min-nies li qed jattendu kors ta' sentejn fl-Universita' ta' Malta u bdew dan il-kors fl-1 ta' Ottubru 1999.
B'riferenza għall-mistoqsija numru 13187, peress li jiena kont qiegħda nistaqsi fuq it-tinġiż ta'l-ambjent ta'Vjal Cottoner,il-Fgura, bl-ammont kbir ta' żjut li qegħdin iħallu inġenji kbar ipparkjati fil-pjazza,jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li ngħataw struzzjonijiet lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent biex jinvestiga u biex jieħu passi skond il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-CRC hux lest li jgħin lill-kunsilli lokali fl-upgrading biex jissebbaħ il-promenade tal-Kalkara?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Kalkara kien talab lill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera għal għajnuna għal proġett ta' titjib tal-promenade wara li l-istess Kunsill Lokali kien diġa' ħareġ offerti għal dan ix-xogħol. M'huwiex possibbli li s-CRC jgħin f'offerta li tkun diġa' ħarġet minn Kunsill Lokali. Madankollu s-CRC offra li wara li jitlesta x-xogħol li għalih diġa' ħareġ offerta l-Kunsill Lokali, jkompli l-proġett minn fondi tiegħu. F'dan il-mument pero', s-CRC m'għandu l-ebda talba formali mill-Kunsill Lokali dwar dan.
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex l-impjant ta' Wied Għammieq, ix-Xgħajra, qed jiftah il-pipeline ta' max-xatt u mhux l-ieħor li hemm tul 750 metru 'l bogħod?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li dan sar minħabba li dan l-aħħar kien hemm xi ħsarat fil-'Pumping Station' ta' Wied Għammieq li huwa mistenni li fi ftit taż-żmien ieħor din il-ħsara tkun irranġata.
Rigward il-problema tas-'submarine pipeline', din qiegħda tiġi investigata.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 13202 dwar it-tajn fit-toroq fil-viċinanzi tal-miżbla tal-Magħtab minn inġenji li jużaw din il-miżbla, jista' l-Ministru jikkonsidra li t-tyres ta' dawn l-inġenji jinħaslu permezz ta' mezzi high pressure qabel joħorġu mill-miżbla sakemm jittieħdu miżuri oħra dwar il-futur tal-miżbla tal-Magħtab?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kif intqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13202, diġa' saru l-preparamenti biex tinxtara s-sistema tal-ħasil tat-tyres ta' dawn l-inġenji permezz ta' ilma ppressat. Biex issir sistema temporanja tinvolvi l-kostruzzjoni ta' tankijiet li jkunu jistgħu jżommu u jisseparaw l-ilma nadif mill-kwantita' ta' tajn li joħroġ mar-roti ta' l-inġenji kif ukoll dak li jinżel mal-wied ta' l-ilma tax-xita li joħroġ minn ġol-miżbla. Il-perjodu meħtieġ biex jinħarġu t-tenders għal dawn ix-xogħlijiet ma jippermettix li din is-sistema tkun tiffunzjona matul dan l-istaġun tax-xita.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tal-garaxxijiet tal-Gvern? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-trasferimenti li ngħataw bejn is-16 ta' Settembru 1999 u l-4 ta' Jannar 2000 lill-ħaddiema tal-Garaxxijiet tal-Gvern (Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi) kienu jirrigwardaw sitt każijiet li saru kollha fuq talba personali.
Peress li fl-inħawi tad-Dwejra, l/o Rabat, twaddab xi skart u wara x-xita li għamlet jenħtieġ li ssir manutenzjoni fit-triq prinċipali u jiġu rranġati ħitan tas-sejjiegħ li ġġarfu, jista'l-Ministru jara li jiġu kkordinati dawn ix-xogħlijiet? Peress li turisti li jżuru l-Victoria Lines mid-Dwejra qed jaraw dawn il-ħsarat, jista' l-Ministru jawtorizza x-xogħlijiet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew iddikjarati tajr u għasafar maqbuda mill-kaċċaturi u nassaba matul is-sena 1998, skond ma ġie ddikjarat minnhom (carnet de chasse)? X'tip ta'għasafar inqabdu, u kemm kien in-numru f'kull każ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-"carnet de chasse" (li hija l-iskeda IV li tinstab annessa ma' Avviż Legali 216 ta' l-1997) tinġabar mill-Kummissarju tal-Pulizija meta tiġġedded il-liċenzja ta' l-insib u tal-kaċċa. Dawn jintbagħtu lid-Direttur tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent mill-Kummissarju.
Sa llum il-ġurnata d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent irċieva biss 554 minn dawn il-"carnet de chasse". Billi huwa mifhum li liċenzja tista' tiġi mġedda sa l-aħħar tas-sena, u billi meta tiġi mġedda b'dan il-mod, il-"carnet de chasse" tinġabar dan iż-żmien, jista' jagħti l-każ li xi "carnet de chasse" li nġabru fl-aħħar ta' l-1999 għadhom ma ġewx mibgħuta lid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent. Għalhekk, għadni mhinix f'pożizzjoni li nagħti t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Peress li fi Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat, hemm spralli ta' l-ilma tax-xita li sfrondaw u li qed jisfrondaw, jista' l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa? Peress li dawn ir-rapporti ta' ħsarat ilhom isiru x-xhur, jista' l-Ministru jirrimedja bil-manutenzjoni neċessarji immedjatament sabiex is-sistema ta' traffiku tiġi għan-normal u jispiċċa l-inkonvenjent għar-residenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment għandux rapporti ta'rwejjaħ insapportabbli fil-Marsa, ħdejn il-Maltacom, fil-bajja tal-Pieta' u fl-Imsida? Jekk iva, x'qed jagħmel id-diparitment?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent irċieva numru ta' rapporti ta' rwejjaħ fil-Marsa. Dawn ġew investigati u ttieħdu l-passi neċessarji biex il-problema tonqos, jekk mhux eliminata.
Id-Dipartiment ma rċeviex rapporti simili minn tal-Pieta' u mill-Imsida.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi impressed miegħu? Jista' jgħid kemm hemm mal-Ministeru jew dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'inhi s-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema llum, meta l-gvern kien wegħedhom li se jiġu mpjegati diretti mal-gvern qabel l-elezzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li mal-Ministeru għall-Ambjent jew id-dipartimenti li jaqgħu taħtu hemm 81 karozza Impressed.
Rigward it-tieni parti, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi kollha neċessarji ħalli jispiċċa darba għal dejjem it-tjun fit-toroq tal-Magħtab li jwasslu saħansitra sat-Telgħa ta' Alla u Ommu u Naxxar, mit-trakkijiet u inġenji li jkunu ħerġin mill-miżbla tal-Magħtab? Jista' jara li jittieħdu dawn il-passi b'mod urġenti għax meta jinxef dan it-tajn, kullimkien qed jispiċċa taħt sħaba kbira ta' trab, ikkontaminat b'konsegwenza gravi għas-saħħa tar-residenti tal-Magħtab u ta' madwar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jekk fil-pjan għall-immaniġjar ta' l-iskart jiġi deċiż li l-miżbla tal-Magħtab għandha tibqa' tintuża, hemm disinji ppreparati biex tiġi żviluppata l-entratura ta' din il-miżbla fejn it-trakkijiet ikollhom ir-roti maħsula qabel joħorġu fit-toroq pubbliċi. Bħala miżura temporanja d-Dipartiment għandu numru ta' ħaddiema, li permezz ta' gaffa u għodda oħra, inaddfu kontinwament din l-entratura biex itaffu din il-problema. Ta' min jinnota li din is-sena kellna xita kontinwa li ma tagħtx ċans biex is-sitwazzjoni f'dan is-sit tiġi għan-normal.
Il-Ministeru ta struzzjonijiet ħalli jintbagħtu aktar ħaddiema biex inaddfu dawn it-toroq.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12382, fejn l-Ministru qal li t-twaqqigħ tal-ħajt tat-Tarzna ta' Bormla hu kopert bil-permess tal-PA maħruġ fit-8 ta' Novembru, 1999, jista' jgħid meta se jibda t-twaqqigħ ta' dan il-ħajt u kemm hemm il-ħsieb li jdum dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol fuq il-ħajt il-ġdid li ser jieħu post il-ħajt antik tal-Baċir Nru 1 diġa beda. Huwa mistenni illi meta dan ix-xogħol jasal fi stadju fejn jista' jitneħħa l-ħajt l-antik, dan jitneħħa.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitħammel l-isprall li jiġbor fih l-ilma tax-xita fi Sqaq Nru.2, fi Triq Sta. Katerina, Ħal Qormi, li minħabba li jinsab mimli, jista' fl-eventwalita' ta' xita qawwija bħalma kellna dan l-aħħar, jgħarraq id-djar ta' biswit?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onor. Membru hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġerilu li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali interessat.
Peress li Sqaq Nru. 1, Triq San Ġużepp, Ħaż-Żebbuġ qiegħed jilqa' ġewwa fih kwantita' kbira ta' ilma li prinċipalment ikun ġej mill-pjazza prinċipali ta' Ħaż-Żebbuġ wara kull ħalba xita, jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm lid-dipartiment billi jsewwwi l-ħsara li hemm fl-istess Misraħ ta' sprall li huwa ikkonnettjat mal-ġibjun ta' taħt iz-zuntier tal-Knisja?
Jikkonsidra wkoll li l-ilma li jkun ġej għall-isqaq imsemmi jintefa' f'shelter li hemm quddiem Nru. 23, Triq San Ġużepp?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Membru hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġerilu li jindirizza l-Mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali interessat.