Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali jaħdmu fil-Ministeru ta' l-Affarjiet Barranin fl-1 ta' Settembru, 1998 u fl-1 ta' Jannar, 2000?
X'inhu l-grad ta' kull uffiċjal u x'inhuma r-responsabbilitajiet tagħhom f'dipartimenti jew direttorat li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin?
Response (BORG, JOE)
L-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Peress li fl-1999 inħatar ambaxxatur ta' Malta għall-UNESCO fir-residenza fi Strasbourg, flok f'Pariġi, bħalma kien isir qabel, jista' l-Minsitru jgħid: (a) kemm-il darba l-Ambaxxatur Licari ivvjaġġa minn Strasbourg għal Pariġi minn fondi pubbliċi; (b) x'mezzi uża f'kull vjaġġ (ajru/tren/karozza) u kemm ġie jqum kull vjaġġ; u (ċ) x'allowances żejda talab u ħa dan l-ambaxxatur minn fondi matul is-sena kalendarja 1999 talli jkopri l-UNESCO barra minn Strasbourg?
Response (BORG, JOE)
Bejn id-19 ta' Mejju 1999, data li fiha nħatar delegat permanenti għall-UNESCO, u l-31 ta' Diċembru 1999, l-ambaxxatur Licari vjaġġa darbtejn Strasbourg-Pariġi-Strasbourg minn fondi pubbliċi. Id-darbtejn kienu bit-tren. L-ewwel vjaġġ ġie jqum 808 frank franċiż, jiġifieri Lm52.08ċ u t-tieni 848 frank franċiż, jiġifieri Lm55.11ċ. L-ambaxxatur Licari ma talab u ma ngħata l-ebda allowance żejda talli jkopri l-UNESCO barra mill-Kunsill ta' l-Ewropa.
Jista' l-Ministru jinformana x'inhi l-pożizzjoni li l-Gvern Malti qiegħed, jew se jadotta fil-konfront tal-gvern ġdid Awstriak, iffurmat minn People's Party u Freedom Party? Fil-prattika x'miżuri se jittieħdu, jekk se jittieħdu? Jista' jgħid jekk ingħatawx struzzjonijiet lill-ambaxxatur Malti għall-Awstrija dwar kif għandu jġib ruħu vis-a-vis l-Awstrija, kemm mil-lat politiku, kif ukoll mil-lat ta' attendenza, għall-funzjonijiet soċjali?
Response (BORG, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tad-domanda numru 13674.
B'konnessjoni ma' l-eżamijiet li saru riċentement fil-Ministeru għal għażla ta' councillors, jista' l-Ministru jgħid: (a) min kienu l-eżaminaturi; (b) kemm kien previst li jingħataw ħatriet; (c) kemm għaddew l-eżami - jista' l-Ministru jagħti lista ta' min għadda f'ordni ta' mertu, u jgħid kull wieħed/waħda kemm ilu/ilha fis-servizz diplomatiku, u f'liema kariga servew s'issa -; (d) kemm se jinħatru councillors fil-fatt?
Response (BORG, JOE)
L-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
JIsta' l-Ministru jagħti lista dettaljata tal-postings kollha u l-appointments kollha li ngħataw fil-Ministeru mill-1 ta' Ottubru, 1998 sal-lum? Jista' jgħid kemm kien hemm talbiet għal extensions? Jekk iva, minn min, u jekk it-talba ġietx milqugħa jew le?
Response (BORG, JOE)
L-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista'l-Ministru jgħid x'kienu l-inizzjattivi, jekk kien hemm, li ħadet Malta fis-sena 1999 fil-Ġnus Magħquda u/jew fil-politika għall-paċi fil-Mediterran?
Response (BORG, JOE)
Ma ttieħdet l-ebda inizzjattiva min Malta fil-Ġnus Magħquda u/jew fil-politika għall-paċi fil-Mediterran, fis-sena 1999.
Jista' l-Ministru jgħid x'relazzjonijiet bilaterali ta' pajjiżna mal-Awstrija ġew effettwati mill-ħatra tal-gvern il-ġdid ċentru lemini? Jekk iva, kif?
Response (BORG, JOE)
Ir-relazzjonijiet bilaterali ta' Malta mal-Awstrija ma' ġewx effetwati mill-ħatra tal-Gvern il-ġdid Awstrijak, għalkemm is-sitwazzjoni politika ta' dan il-Gvern ġdid qed tinżamm taħt osservazzjoni.
Jista'l-Ministru jagħti lista ta' l-uffiċjali li jagħmlu parti mill-korp diplomatiku u li qed iservu fis-segretarjat tal-Ministeru jew dekasteru ieħor? Jista'jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew kondizzjonijiet li ngħataw lil dawn l-uffiċjali?
Response (BORG, JOE)
Hemm żewġ uffiċċjali mill-korp diplomatiku li qed iservu fis-segretarjat tiegħi b'kuntratt skond id-dokument 'Engagement of Staff for Private Secretariat' li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta 124 fis-16 ta'Ġunju 1999, u għalhekk m'hemmx għalfejn titqiegħed kopja tal-kuntratti speċifiċi ta' dawn iż-żewġ uffiċċjali fuq il- Mejda tal-Kamra.
Hemm uffiċċjal diplomatiku ieħor li qed iservi fil-Ministeru għal Għawdex. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi l-aħħar parti tal-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Nixtieq inżied ngħid li żewġ uffiċċjali oħra qed iservu fl-Uffiċċju tal-President u l-kuntratti tagħhom jinżammu f'dak l-Uffiċċju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fid-dipartiment li bdew isegwu korsijiet minn Settembru 1998 sal-lum? Min huma? Xi grad għandhom? X'kors qed isegwu? Kif saret l-għażla? X'renumerazzjoni qed jirċievu? Kemm huwa twil il-kors li qed isegwu f'kull każ?
Response (BORG, JOE)
L-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jaħseb li nefaq il-ministeru matul is-sena 1999 fuq xogħol u safar konness mal-proċess ta' l-iscreening bejn Malta u l-EU?
Response (BORG, JOE)
In-nefqa tal-Ministeru fuq safar konness mal-proċess ta'l-iscreening matul is-sena 1999 kien ta' Lm30,250. Din hi cifra proviżorja għar-raguni li xi ftit rendikonti ta' spejjeż għadhom ma ġewx sottomessi lill-Ministeru. Ic- cifra finali mistennija tkun inqas minħabba f'numru sewwa ta' skonti li għad iridu jingħataw fuq l-ispejjes ta' l-ajru mill-Air Malta.
L-Onorevoli Interpellant japprezza illi mhux possibli tagħti ċifra dwar neqfa fuq xogħol tal-Ministeru konness mal-proċess ta' l-iscreening dwar Malta u l-UE.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna ambaxxati Maltin u f'liema pajjiżi huma?
Response (BORG, JOE)
In-numru t'ambaxxati Maltin huwa għoxrin u jinsabu f'dawn il-pajjiżi:-
- Awstralja
- Awstrija
- Belġju
- Ċina
- Eġittu
- Franza (Pariġi)
- Franza (Strasbourg - Rappreżentanza Permanenti ta' Malta
għall-Kunsill ta' l-Ewropa)
- Ġermanja
- Iraq
- Italja
- Libja
- Renju Unit
- Russja
- Saudi Arabja
- Spanja
- Stati Uniti ta' l-Amerika (New York - Missjoni Permanenti
ta' Malta għal-Ġnus Magħquda)
- Stati Uniti ta' l-Amerika (Washington)
- Svezja
- Svizzera
- Tunisija
Hemm ukoll Konsolati Ġenerali f'Toronto l-Kanada, f'Sydney u Melbourne, l-Awstralja.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Trasferimenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema kollha fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ta l-Prim Ministru għall-mistoqsija numru 12460.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Ħaddiema ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dan l-impjieg? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (BORG, JOE)
Matul il-perjodu msemmi għaxar (10) persuni ġew impjegati wara sejħa għall-applikazzjonijiet, tnejn (2) ġew nominati bħala Ambaxxaturi mhux residenti u tlieta (3) ġew impjegati b'kuntratt definit bħala Advisors.
Jista'l-Ministru jgħid kemm sewa s'issa, f'ċifra ta' flus, il-proċess ta' l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza li huwa impossibbli tagħti ċifra ta' flus li tinkludi l-ispejjeż kollha li b'xi mod kienu konnessi mal-proċess ta' l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropeja mill-bidu nett sa issa. Hu wkoll diffiċli li naslu għal ċifra rigward dawn l-ispejjeż minn mindu ġiet riattivata din l-applikazzjoni.
Għaldaqstant, qed nagħti tagħrif dwar spejjeż partikolari li tħallsu s'issa in konnessjoni mal-proċess ta' l-applikazzjoni ta' Malta mir-riattivazzjoni 'l hawn, li huma dawn:
Servizzi professjonali - Lm 21,952.55
Kontribuzzjoni lill-korpi kostitwiti
u għaqdiet oħra - Lm 50,109.04
Ma dawn, iridu jiżdiedu l-ispejjeż konnessi mas-safar li sar mill-Ministeru tiegħi b'konnessjoni mal-proċess ta' l-iscreening. F'dan ir-rigward nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 10785. Nixtieq ngħarraf ukoll lill-Onorevoli Interpellant li qed jinġabar tagħrif aġġornat dwar spejjeż ta' safar konness mal-proċess ta' l-iscreening li jien bi ħsiebni nagħti bi tweġiba għall-mistoqsija numru 12895.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus biex jittieħdu l-miżuri mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex tiġi evitata l-problema tal-Y2K (Millenium Bug)? Jista' jgħid min kien inkarigat li jagħmel dan ix-xogħol u fuq liema kriterji ntgħażel?
Response (BORG, JOE)
Il-Ministeru nefaq Lm 35,902, li minnhom Lm 10,586 u Lm 23,492 tħallsu lill-MITTS fis-snin 1998 u 1999 rispettivament, fil-waqt is-somma ta' Lm 1,824 tħallset lid-ditta Malpro. Ix-xogħol konness mal-problema 'Y2K' sar mid-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi tal-Ministeru b'koordinazzjoni sħiħa mall-MITTS u l-Ambaxxati Maltin.
Fil-każ tal-Kummissjoni Għolja Maltija ġewwa Londra, ittieħdu wkoll miżuri mid-ditta Malpro li hija responsabbli mill-'management' tal-Malta House u li lilha tħallset is-somma ta' Lm 1,824 fuq imsemmija.
Ministeru għal Affarijiet Barranin — Karozzi Impressed
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi impressed miegħu? Jista' jgħid kemm hemm mal-Ministeru jew dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'inhi s-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema llum meta l-gvern kien wegħedhom li se jiġu mpjegati diretti mal-gvern qabel l-elezzjoni?
Response (BORG, JOE)
Is-Segretarjat Privat tiegħi għandu karozza waħda impressed miegħu u l-Ministeru għandu tnejn oħra.
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi l-aħħar parti tal-mistoqsija lill-Ministeru tal-Politika Soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi protesti mill-awtoritajiet Libjani wara l-inċident ta' l-spare parts ta' l-iscud missiles, li ġie rrapportat fil-media dan l-aħħar?
Response (BORG, JOE)
Ma saret l-ebda protesta mill-awtoritajiet Libjani wara li ġie ppubblikat fil-media rapport dwar 'spare parts' ta' 'scud missiles', għalkemm dan is-suġġett ġie mqajjem minn u diskuss mal-Awtoritajiet Libjani.
Jista' l-Minstru jgħid jekk sarux xi protesti ma' l-ambaxxatur Franċiż wara l-kummenti, fil-fehma tiegħi dispreġġjattivi u patronizzanti, li huwa għadda fir-rigward ta' l-awtoritajiet Maltin fir-rigward ta' l-għarqa tal-vapur ERIKA? Jekk le, jista' jikkonferma li l-gvern ma kienx influwenzat mill-fatt li l-ambaxxatur Franċiż se jkun qed jirrappreżenta l-Presidenza Portugiża ta' l-Unjoni Ewropea fl-assenza ta' ambaxxata Portugiża f'pajjiżna?
Response (BORG, JOE)
Il-każ ta' l-ERIKA kien suġġett ta' diskussjonijiet bejn l-awtoritajiet Maltin u Franċiżi u mhux ta' protesti. Fiċ-ċirkustanzi risposta għat-tieni mistoqsija mhix relevanti.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa l-programm taż-żjara tal-President tal-Kummissjoni Ewropea R. Prodi u tal-Kummissarju Ewropew dwar it-tkabbir Verheugen?
Response (BORG, JOE)
Il-programm għadu qiegħed jiġi ppreparat b'koordinazzjoni ma' l-Uffiċju tal-Prim Ministru u b' konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni tal-EU. Kif isir normalment, il-programm ikun ippubblikat qabel ma tibda ż-żjara.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irriżultaw problemi tal-Y2K fil-computers u apparat ieħor elettroniku tal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (BORG, JOE)
Ma jirriżultax li kien hemm problemi konnessi mal-kwestjoni tal-Y2K fil-computers u apparat ieħor elettroniku tal-Ministeru tiegħi, Direttorati u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.