Jista' il-Ministru jara, wara li fallew il-proċeduri normali, li jinbidel il-wire li jissuplixxi l-konsum lil bozza W064-31 li tinsab imwaħħla mal-Knisja ta' Ħal Kirkop?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jirriżulta li l-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma tikkonsidra li hawn madwar 20,000 arloġġ ta' l-ilma li ma jaħdmux sew għand il-konsumaturi? X'tip ta' konsumaturi huma dawn: domestiċi jew kummerċjali? Kemm f'kull każ?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li ma jirriżultax li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha 20,000 arloġġ ta' l-ilma li ma jaħdmux sew, kif allega l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17973 u jgħid kemm jammonta l-konsum ta' l-elettriku sabiex jinxtegħlu l-lampi pubbliċi fit-toroq bħala persentaġġ għall-konsum totali? Min iħallas għal dan il-konsum ta' elettriku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-konsum ta' l-elettriku sabiex jinxtegħlu l-lampi pubbliċi fit-toroq ammonta għall-2% fl-2004 mill-konsum totali. Dan il-konsum ta' l-elettriku jitħallas mill-Gvern ċentrali.
Peress li għadd ta' bdiewa fil-Pwales jinsabu inkwetati li se jitħarbtilhom l-ilma ta' taħt l-art li hemm fl-inħawi jekk isiru mina għal triq fil-Manikata u mina għad-drenaġġ, jista' iserħilhom rashom li m'hemm l-ebda ħsieb li jsiru dawn il-mini fl-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal żewġ mini, nitolbu jkun iżjed speċifiku pero' ninfurmah li fl-inħawi tal-Pwales mhix se ssir l-ebda mina tad-drenaġġ kif diġa' weġibt għall-mistoqsija Nru: 18005.
Jista' il-Ministru jgħid hemmx xi ħsieb li ssir xi mina għad-drenaġġ fl-inħawi tal-Pwales peress li dan qiegħed iħasseb lill-bdiewa dwar li jitħarbtilhom l-ilma ta' taħt l-art?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru: 18005.
Jista' il-Ministru jara li l-arblu mwaħħal f'nofs it-triq fit-tarf ta' Triq il-Ġibjun, H'Attard proprju eżatt quddiem l-entratura għall-uffiċini tal-WSC f'Ta' Qali, u li miegħu hemm imwaħħla xi cables ta' l-elettriku, jitneħħa għax hu ta' periklu kbir għall-vetturi li jgħaddu minn din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ biex jitneħħa l-arblu msemmi ser isir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili fi żmien qasir.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-prezzijiet li setgħet tixtri bihom kuljum (Platts prices) l-Enemalta l-fuel oil u gas oil għax-xhur ta' Ottubru, Novembru, Diċembru 2005 u Jannar 2006?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara li jittieħdu passi biex il-pumping stationta' Għajn Żnuber ma tibqax tfur u tniġġes l-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-"pumping station" ta' Għajn Żnuber qatt ma faret. Il-fawran fl-inħawi ta' Għajn Żnuber kien kaġun ta' 'mains' difettużi. Ittieħdu l-passi kollha biex dan id-difett jiġi rimedjat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17807 u jgħid kemm kien il-konsum tal-fuel f'Għawdex matul l-2005? Jista' jipprovdi l-istess tagħrif għall-aħħar ħames snin, maqsuma sena b'sena separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Din l-informazzjoni hija kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma' tistax tingħata speċjalment issa li dalwaqt jiġi liberaliżżat is-suq tal-fuel.
Jista' il-Ministru jara li xi ħadd mill-korporazzjoni Enemalta jeżamina l-arloġġ tad-dawl ta' l-anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li l-kont tad-dawl tagħha ġie Lm446 ta' tliet xhur?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 17814 u 17964 u jgħid jekk fid-dawl tas-surcharges fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma li ġew introdotti dan l-aħħar u minħabba dawn il-piżijiet ġodda, għamilx arranġamenti ma' l-industrija u ma min iħaddem (jew mar-rappreżentanti tagħhom), jiġifieri mat-tarznari, fabbriki, lukandi u ristoranti kif ukoll ma SME's oħrajn biex dawn ikunu jistgħu "jistaggerjaw" il-pagamenti tagħhom jew inkella xi arranġamenti simili mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma? Jekk le, jista' jgħidilna jekk hijiex l-intenzjoni li jgħin dawn is-setturi b'dan il-mod?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li la l-Korporazzjoni Enemalta u lanqas il-KSI m'għamlu arranġamenti ta' "staggering" fuq il-pagamenti tal-kontijiet ta' l-elettriku u jew ta' l-ilma.
Jista' il-Ministru jara li mill-aktar fis il-meter ta' l-ilma tal-koppja pensjonanta li n-numru tal-kont tagħhom qed jintbagħat separatament, jiġi ċċekkjat għax il-konsum ta' ilma reġistrat fuqu hu esaġerat u qiegħed iwassal għal tbatija kbira għal din il-familja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li t-triq li tagħti bejn iż-Żebbiegħ, limiti ta' l-Imġarr, u Għajn Tuffieħa tiġi mdawwla adegwatament, u dan biex tikkomplimenta t-triq il-ġdida li hija mdawwla bejn il-Mosta u ż-Żebbiegħ? Dan ikun importanti biex fl-istaġun tas-sajf idawwal triq arterjali importanti għat-turiżmu.
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-istallazzjoni ta' dwal ġodda hija responsabilita' tal-Kunsilli Lokali jew ta' ADT f'każ ta' toroq arterjali. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirrreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-Enemalta talbet Lm250 lill-konsumatur li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, biex tħallas dan il-kont meta hi qed tallega li ma kelliex tħallas dak l-ammont?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17870 u cioe': Fid-dawl tar-rapport dettaljat li kien hemm f'"The Times Business Suppliment" tal-Ħamis 9 ta' Marzu 2006 dwar il-kumpanniji involuti fil-privatizzazzjoni tal-Maltacom, filwaqt li wieħed jilqa' b'mod pożittiv l-interess ta' investituri prospettivi mill-Golf Għarbi - li hi xi ħaġa li l-Malta Labour Party jaqbel magħha fil-prinċipju - u filwaqt li ma rrid nuri ebda dubju fil-mezzi finanzjarji ta' dawn l-interessi privati, jista' il-Ministru fl-interess nazzjonali u fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet ta' l-istess Ministru, li naqbel magħhom, li trid issib strategic partners għax-xiri tal-Maltacom kif ukol li trid iżżid il-value added ta' l-intrapriża jgħid:
L-investituri minn Dubai u mis-Saudi Għarabja, kemm għandhom esperjenza fit-telefonija mobile u fixed?
X'inhu l-billing turnover tagħhom fit-telefonija kemm fixed u mobile?
F'liema pajjiżi oħrajn joperaw f'dawn l-oqsma?
Kemm ilhom joperaw f'dawn l-oqsma f'pajjiżhom u lil hinn minnu?
Kemm għandhom subscriber base u klijenti tagħhom?
Jekk hux minnu li wieħed mill-investituri prospettivi għadu qed jibni l-ewwel network tiegħu tal-mobile f'pajjiżu stess u sal-lum m'għandux networks f'pajjiżi oħrajn?
Jekk it-Telecom Italia qattx uriet interess hi li tinvesti direttament fil-Maltacom flok tidħol f'sempliċi management agreement li seta faċilment intlaħaq ma' investituri oħrajn, inklużi investituri Maltin?
Kemm kien hemm kumpanniji oħrajn li għamlu binding bids għal Maltaocom sakemm skadiet id-data għall-binding bids
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.