Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-inizjattivi differenti li beħsiebu jieħu l-gvern biex jiċċelebra d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u kemm huma mistennija li jqumu ċ-ċelebrazzjonijiet kollha? Mil-liema line items tal-budget mistennija jiġu ffinanzjati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Kultura.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'qed iżomm it-trasferiment ta' l-impjegat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tal-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp lejn il-Gardening unit tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni meta hemm il-kunsens tal-Korporazzjoni u tal-Gardening unit għal dan it-trasferiment?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhix il-“policy” tal-Gvern li talbiet bħal dik tal-persuna li isimha ngħata separatament jiġu milqugħa.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba d-direttur ta' l-office of review siefer, kemm dam barra l-pajjiż u kemm kienet l-ispiża globali għal kull żjara barra minn Malta minn meta ħa l-appointment f'April 2001 sa meta nbidillu r-rwol tiegħu f'Ottubru 2003?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li minn April 2001 sa Ottubru 2003 id-Direttur (Strateġija u Ippjanar) fir-rwol ta’ Direttur (“Office of Review”) siefer fuq xogħol darbtejn:
Żjara Nefqa
Mit-30 ta’ Ġunju sas-7 ta’ Lulju 2001 LM 493.96
Mit-23 sas-26 ta’ Marzu 2003 LM 345.47
Kummissjoni għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji — Każi
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu każi mill-kummissjoni għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji? Kemm minn dawn il-każi s'issa ġew onorati s-sentenzi li ngħataw?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi l-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji kkonkludit 5,333 ilment. 2,062 ġew onorati kompletament u 166 każ ieħor ġiet varjata l-implementazzjoni tagħhom.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex tikkonsisti n-nefqa ta' Lm500,000 fi ħlasijiet għall-Microsoft enterprise agreement f'line item 5427 ta' l-Estimi finanzjarji 2004? Xi jkopri l-ftehim mal-Microsoft?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-istima ta’ Lm500,000 tkopri l-pagament ta’ Lm440,000 għall-liċenzji tal-“Microsoft” installati fuq il-“computers” fis-Servizz Pubbliku u li huma koperti bl-“Enterprise Agreement”. Il-bilanċ ta’ Lm60,000 huwa intiż biex ikopri n-nefqa sabiex jitkompla l-proċess ta’ migrazzjoni mill-“platform” ta’ “Windows” li juża l-Gvern illum għal dak li l-Gvern huwa intitolat għalihom taħt l-“Enterprise Agreement”.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fuqhiex se tmur in-nefqa ta' Lm618,000 ivvotata f'line item 5387 bħala EU pre-accession programmes għall-uffiċċju tas-segretarju permanenti fl-Estimi finanzjarji 2004?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Dawn huma fondi għall-proġetti li diversi direttorati jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi għandhom għaddejjin taħt il-programmi tal-“pre-accession”. Il-lista ta’ l-entitajiet li qegħdin jibbenefikaw minn din l-assistenza kif ukoll l-ammonti ta’ flus (Maltin u Ewropej) u l-programmi li minnhom ġejjin dawn il-flus jinsabu f’paġna 318 ta’ Estimi għas-sena 2004.
Il-proġetti jikkonsistu prinċipalment f’assistenza teknika (inkluż “twinning”) biex tissaħħaħ l-kapaċita` amministrattiva ta’ l-entitajiet kif ukoll xiri ta’ “equipment” (l-aktar “computers”) u żvilupp ta’ “software”. Il-proġett ta’ l-AFM jikkonsisti l-aktar f’“equipment” li għandu x’jaqsam ma “border control” kif ukoll taħriġ li jikkonċerna l-istess qasam.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex se jintnefqu l-Lm5,000 ta' line item 5363 għall-EU Twinning Programmes fl-Estimi finanzjarji 2004?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
In-“national contact point” għal Malta għal dan il-programm hu l-Uffiċċju tiegħi. Il-fondi jirrigwardaw spejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-loġistika ta’ l-implementazzjoni ta’ dan il-programm.
Jista' il-Prim Ministru jgħid għal liema ħidmiet se jmorru l-Lm20,000 ivvotati għall-European institute of public administration li jinsabu f'line item 5385 ta' l-Estimi finanzjarji 2004?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Is-Servizz Pubbliku, permezz ta’ l-“iStaff Development Organiation”, huwa membru ta’ l-“European Institute of Public Administration” u għaldaqstant għandu ma’ l-EIPA ftehim ta’ kooperazzjoni fl-oqsma ta’ taħriġ u riċerka fix-xjenza ta’ l-amministrazzjoni. Permezz ta’ dan il-ftehim iż-żewġ naħat jipprovdu għall-parteċipazzjoni ta’ politiċi Maltin, ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, avukati u mħallfin jew persuni esperti oħra biex jattendu attivitajiet ta’ l-EIPA. Permezz ta’ dan il-ftehim ukoll, fi ħdan l-EIPA, hemm post riżervat għal espert/a Malti/ja fuq xogħol ta’ riċerka u taħriġ f’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropeja. Il-persuna nominata, li tkun sekondata mill-Gvern Malti hija ħolqa importanti fl-iskema ta’ taħriġ fit-tfassil ta’ taħriġ meħtieġ partikolarment minn pajjiżna. Permezz ta’ dan il-ftehim ukoll l-EIPA tista’ tilqa’ numru limitat ta’ riċerkaturi u studenti kif ukoll Uffiċjali Pubbliċi, għal żmien speċifiku.
L-SDO tirrapreżenta lil Malta fuq il-Bord tal-Gvernaturi ta’ l-EIPA.
Min-naħa tagħha l-SDO tħallas kontribuzzjoni ta’ Euros 30,000 fis-sena lill-EIPA li jittieħdu mis-somma ivvutata li rrefera għaliha l-interpellant. Spejjeż oħra bħalma huma akkomodazzjoni u “allowances” lill-persuna sekondata ma’ l-EIPA jitħallsu wkoll mill-bqija ta’ din is-somma.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fuqiex se jintnefqu l-Lm100,000 ivvoutati għall-INTERREG f'line item 5421 ta' l-Estimi finanzjarji 2004?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Malta hija eliġibbli għat-tlett kategoriji taħt l-Inizjattiva Komunitarja Interreg. Il-Lm100,000 huma stima ta’ “co-financing” Malti f’dak li huwa parteċipazzjoni tas-settur pubbliku għas-sena 2004.
Minħabba li l-Interreg mhix inizjattiva nazzjonali, Malta bħalissa tinsab f’taħdidiet mal-“Partners” l-oħra (pajjiżi ġirien u reġjuni fil-qrib) u mal-Kummissjoni Ewropeja biex jiġu emendati u żviluppati l-programmi neċessarji biex l-“Managing Authorities” tat-tlett kategoriji jkunu jistgħu jilqgħu proġetti Maltin.
Il-prioritajiet prinċipali għal Malta taħt it-tlett kategoriji huma ambjent, kultura u wirt storiku, edukazzjoni u taħriġ.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew rapportati każi ta' serq fid-dipartimenti, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru mill-perjodu ta' Jannar sal-lum?
X'passi ttieħdu u x'kienu l-oġġetti misruqa u x'valur kellhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ma ġewx rapportati l-ebda każi ta’ serq fid-dipartimenti jew entitajiet fid-dekasteru tiegħi minn Jannar 2003 sal-lum.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' impjegati pubbliċi li jinsabu interdetti minn xogħolhom u setgħat oħra u minn liema dipartimenti huma? Għaliex ġew sospiżi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm 37 uffiċjal pubbliku li jinsabu interdetti mill-eżerċizzju tas-setgħat u tal-funzjonijiet tal-kariga tagħhom.
L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Inerpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien hawn impjegati fiċ-ċivil u fil-bqija tas-settur pubbliku li jitħallsu b'rata aktar minn tal-President ta' Malta? Fejn jaħdmu u x'jagħmlu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li mas-Servizz Pubbliku hemm ngaġġati 9 persuni li għandhom salarji ogħla minn dak tal-President. Dawn huma kollha barranin u ngaġġati fuq kuntratt definit. Dawn huma kif ġej:
- 2 Konsulenti fil-Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi li qegħdin jaħdmu d-Diviżjonijiet tad-Dwana u tal-VAT.
- 4 Speċjalisti fil-qasam tas-saħħa li qegħdin jaħdmu mad-Diviżjoni tas-Saħħa.
- 2 persuni oħra wieħed “Airworthiness Surveyor” u l-ieħor “Flight Operations Inspector” fid-Diviżjoni tal-Avjazzjoni Ċivili.
- Persuna oħra li qegħda tagħti servizzi ta’ tħaddim ta’ proġetti ta’ natura ġenerali jew speċjalizzatta mal-“Management Efficiency Unit”.
Ma hemmx persuni ngaġġati ma’ entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi li għandhom salarju ogħla minn tal-President.
Għal informazzjoni dwar persuni ngaġġati f’entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt Ministeri oħra nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel mistoqsija lill-Ministri responsabbli.
Jista' il-Prim Ministru jinformani liema kienu l-bordijiet li twaqqfu u l-membri li nħatru f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru? Meta fil-fatt twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-Bordijiet li nħatru mid-data ndikata li jaqgħu taħt id-Dekasteru tiegħi kif ukoll meta twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu sat-tielet gimgħa ta’ Novembru.
Billi waqt programm "Xarabank" persuna prominenti għamlet mossa oxxena meta din kienet fuq hekk imsejħa btala fit-Tuneżija, jista' il-Ministru jgħid jekk l-awtorita' tax-xandir ħaditx passi dwar dan kontra l-produtturi tal-programm?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ċ-“Chief Executive” ta’ l-Awtorità tax-Xandir eżamina l-erba’ programmi ta’ “Xarabank” li ġew iffilmjati fit-Tuneżija. Jirriżulta illi kien hemm mossa li setgħet ikkwalifikat bħala oxxena waqt il-programm tal-31 t’Ottubru 2003 iżda peress li x-xena in kwistjoni ġiet “edited” mill-istazzjon billi ġiet mgħottija l-parti offensiva, jista’ jingħad li ttieħdu l-miżuri neċessarji da parti ta’ l-istazzjon TVM biex dik ix-xena ma tidhirx meta ġiet imxandra.
Iċ-“Chief Executive” ikkunsidra wkoll illi tali xena dehret għall-ħabta ta’ 9.22pm, jiġifieri fil-ħin meta l-istazzjon ikun jista’ jxandar programmi li jkunu addattati għal udjenza matura u ladarba l-istazzjon għatta l-parti offensiva ma kienx hemm każ ta’ ksur ta’ l-Att dwar ix-Xandir.
Billi wieħed mill-programmi "Xarabank" kien fuq il-kliem ħażin, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-awtorita' tax-xandir ħaditx passi kontra l-producers ta' dan il-programm billi fih intqal ħafna kliem ħażin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fit-12 ta’ Novembru 2003, ic-“Chief Exective” ta’ l-Awtorità tax-Xandir ħareġ akkuża kontra PBS Ltd dwar il-programm “Xarabank” tas-7 ta’ Novembru 2003 skond l-artikolu 41 ta’ l-Att dwar ix-Xandir u dan peress li dan il-programm allegatament jikser id-disposizzjonijiet ta’ l-Att dwar ix-Xandir li għandhom x’jaqsmu mad-deċenza u l-gosti tajbin. L-Awtorità għad trid tisma’ l-akkuża u d-difiża ta’ l-istazzjon qabel ma tiddeċiedi l-akkuża.
Jista' il-Prim Ministru jara jekk il-film li deher fuq Bondi Plus dwar is-sataniżmu huwiex ġenwin jew imtella' set up b'atturi, peress li wasluli ħafna rapporti li kien hekk? U jekk jirriżulta li kien set up, x'passi se jittieħdu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità tax-Xandir m’għandha l-ebda informazzjoni jew ilment pendenti dwar dak li qed jingħad fid-domanda, għaldaqstant nitlob li din il-mistoqsija ssir lill-Ministru għat-Teknoloġija ta’ l-Informatika u Investiment.
Reġistru Elettorali — Trasferiment ta' indirizzi minn Malta għal Għawdex
Question
Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk tinżammx statistika ta' kemm persuni mill-1992 sal-lum ittrasferixxew ir-reġistrazzjoni tagħhom fuq ir-Reġistru Elettorali minn xi indirizz f'Malta għal xi indirizz f'Għawdex?
Jista' jagħti l-informazzjoni reġistru b'reġistru u jekk hu possibbli, jindika l-ID number ta' kull persuna kif ukoll l-indirizz jew il-lokalita' fejn kien reġistrat Malta u dak li għandu llum f'Għawdex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
In-numru ta’ persuni li ttrasferixxew ir-reġistrazzjoni tagħhom minn Malta għal Għawdex fuq ir-Reġistru Elettorali mill-1992 sar-Reġistru ta’ Ottubru ta’ din is-sena huwa ta’ 2,851.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni maqsuma reġistru b’reġistru ta’ persuni li trasferixxew ir-reġistrazzjoni minn Malta għal Għawdex u ta’ persuni li trasferixxew ir-reġistrazzjoni minn Għawdex għal Malta.
L-informazzjoni miltuba fit-tieni parti tal-mistoqsija ma tistax tingħata.
Jista l-Prim Ministru jgħid meta sejrin joħorgu l-promotions fl-Armata bħala per eżemepju minn Lance Bombardier għal Bomabardier?Jarax l-Primi Minsitru li dawn għandhom joħorgu peress li ilhom snin ma joħorgu promozzjonijiet f'dawn ir-rankijiet u dan kif wkol ġie rakkomandat mill-Ombudsman.
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li promozzjonijiet fil-Forzi Armati ingħataw inqas minn tlett snin ilu.
Il-“Unit Commanding Officers” bdiet il-proċess biex tidentifika l-vakanzi inkluż dawk ta’ Bombardier.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamnetari 3058 li ġiet indirizzata lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lill-Prim Ministru u cioe' jista' jekk jogħġbu jgħid kemm hawn persuni f'Malta li għandhom 100 sena u aktar u f'liema lokalita' joqogħdu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li n-numru ta’ persuni f’Malta li għandhom mitt sena u aktar huwa ta’ 15.
Hemm persuna waħda rreġistrata f’kull waħda minn dawn il-lokalitajiet: Balzan, Birkirkara, Dingli, Floriana, Luqa, Mosta, Nadur, Naxxar, Qormi, Rabat, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Sliema, Żabbar u Żebbuġ (Malta).
Ħal Luqa — Serq mill-kwartieri ġenerali ta' l-armata
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'irriżulta mill-investigazzjoni li kellha ssir dwar serq mill-kwartieri ġenerali ta' l-Armata f'Ħal Luqa, li fiha kien allegat l-involviment tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom sejrin.