B'riferenza għall-applikazzjonijiet li ħarġu jew ħerġin għall-clerks mal-gvern, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawn infetħu biss għall-ħaddiema casuals li ilhom aktar minn għaxar snin u mhux għal kulħadd?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Dan il-proċess huwa wkoll skond wegħda li saret fil-programm elettorali tal-partit fil-Gvern fl-1998 li ħaddiema li ilhom snin twal jaħdmu bħala “casuals” jingħataw l-opportunità li jsiru tal-fiss, liema wegħda ma kienx possibbli li tiġi attwata fil-leġislatura l-oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' korruzzjoni li tressqu matul l-2003 quddiem l-awtorita' kompetenti? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għas-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 separatament?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-ammont ta’ każi li tressqu quddiem il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni bejn is-snin 1999 sa 2003
huma dawn:-
1999 - 18
2000 - 13
2001 - 12
2002 - 15
2003 - 3
Jista' il-Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' każi mressqa quddiem il-public service commission?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti u għalhekk dawn il-każijiet m’għadhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi.
Dwar id-Dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi, ninsab infurmat li bħalissa hemm żewġ każijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema li spiċċaw bl-eta' ta' 60 u 61 sena matul is-sena li għaddiet (2003) maċ-ċivil? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema fiċ-ċivil li spiċċaw boarded out u /jew tkeċċew mis-servizz u/jew emigraw u/jew telqu, eċċ.? Jista' jinforma lill-Kamra bl-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Il-“Management and Personnel Office” ma jżommx informazzjoni separata ta’ impjegati li jkunu spiċċaw mis-Servizz biex jemigraw. Dawn il-persuni huma nklużi man-numru ta’ dawk li rriżenjaw.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali ta' l-armata sabiex jiġu mħarsa ċ-ċentri ta' l-immigrazzjoni f'Ħal Safi u Lyster Barracks għas-snin 2002 u 2003? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża ta' l-ikel, phonecards u ħwejjeġ li ngħataw lid-detenuti f'dawn is-snin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li l-ispejjeż li għamlu l-Forzi Armati għas-snin 2002 u 2003 kienu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex — Applikazzjonijiet għal post ta' direttur customer services
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet li daħlu biex timtela' il-pożizzjoni ta' direttur (customer services) fil-Ministeru għal Għawdex, liema applikazzjonijiet għalqu fit-23 ta' Jannar?
Jista' jgħid ukoll kemm ilha battala l-pożizzjoni u jekk hemmx aġent direttur biex jagħmel ix-xogħol? Jekk fin-negattiv, għaliex ġara dan?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
MISTOQSIJA NUMRU 4217
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ applikazzjonijiet għall-pożizzjoni ta’ Direttur (“Customer Service”) huwa ta’ tlieta.
Il-pożizzjoni ilha battala mill-erbatax ta’ Ottubru 2003.
Għalkemm ix-xogħol li normalment jagħmel direttur jinqasam bejn uffiċjali oħra f’każ ta’ assenza jew nuqqas temporanju mill-post, hemm l-obbligu li jinħatar aġent direttur biss fejn dan huwa mitlub mill-liġi.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu ppjanat li jonfoq il-gvern fuq il-festi nazzjonali tal-31 ta' Marzu, 2004 fl-għeluq tal-25 anniversarju?
X'inhuma ċ-ċelebrazzjonijiet li beħsiebu jagħmel il-gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
MISTOQSIJA NUMRU 4242
Nitlob lil Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru għaż-Żgħażagħ u Kultura.
Jista' il-Prim Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienuj jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament?
Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma hemm l-ebda awtorità, regolatur jew entità pubblika taħt d-dekasteru tiegħi li għaliha tapplika din il-Mistoqsija.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni fir-rigward ta' dawk iż-żgħażagħ li għaddew mill-eżami ta' skrivani maċ-ċivil, u l-perjodu ta' sena li jgħodd l-eżami dalwaqt jiskadi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt fis-26 ta’ Jannar 2004 għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3930 tal-21 ta’ Jannar 2004.
Tribunal għall-investigazzjoni ta' inġustizzji — Rakkomandazzjoni
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk ir-rakkomandazzjoni li saret mit-tribunal għall-investigazzjoni ta' inġustizzji għar-rikors nru. 45/97 datata 9 ta' Diċembru 2002 hijiex se tiġi implimentata? Jekk fl-affermattiv, f'liema stadju waslu l-proċeduri relattivi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi r-rakkomandazzjoni li saret mit-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji għar-rikors imsemmi ma tistax tiġi mplimentata minħabba li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ma ħassitx li hija f’pożizzjoni li tirrakkomanda l-ħatra proposta mit-Tribunal.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il darba siefer lejn Brussel mis-sena 2000 sal-lum u kemm-il darba tar bil-linja nazzjonali ta' l-ajru ta' Malta?
Jista' jgħid jekk kisirx ir-regolament 22G f'dan il-konfront? Jekk iva, kemm-il darba? Kemm sewa lill-kaxxa ta' Malta kull vjaġġ li għamel lejn Brussel biss u kif se jirreċiproka l-fondi lill-poplu Malti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Mis-sena 2000 sa llum mort fuq xogħol uffiċjali fi Brussel 9 darbiet li 7 minnhom kienu bl-Air Malta.
Id-deċiżjoni dwar liema ajruplan jintuża tittieħed skond l-esiġenzi u wara li jiġu ikkunsidrati diversi fatturi inkluża l-ispiża.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm swiet il-karozza tat-tip BMW li l-poplu Malti ħallas għaliha mit-taxxi? Għaliex intgħażlet din id-ditta, in vista tal-qagħda finanzjarja tal-pajjiż?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-karozza BMW ta’ qabel:
- nxtrat fl-1995;
- kienet l-unika karozza għall-użu uffiċċjali tal-Prim Ministru;
- ġratilha l-ħsara fil-maltemp ta’ Settembru 2003.
Inżid ninforma lill-Onorevoli Interpellant li:
- l-kumpanija ta’ l-“insurance” sabet li l-ispiża biex tissewwa l-karozza u tkun f’kundizzjoni tajba kienet tqum aktar mill-“market value” tagħha;
- l-kumpanija ta’ l-“insurance” allura ddeċidiet li tħallas lill-Gvern il-“market value”, jiġifieri Lm12,000;
- l-karozza li nxtrat hi ta’ l-istess ditta bħal dik ta’ qabel li nstabet addattata għall-użu ta’ Uffiċċju ta’ Prim Ministru;
- l-karozza l-ġdida BMW swiet lill-Gvern Lm13,325 (VAT inkluża) wara li l-kumpanija ta’ l-“insurance” ħallset il-“market value” tal-karozza li ġarrbet il-ħsarat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'sar minnhom dawk li għaddew biex jaħdmu fis-servizz pubbliku bħala clerks kif ipubblikat l-eżami tagħhom madwar sena u xahar ilu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li tajt fis-27 ta’ Ottubru, 2003 għall-Mistoqsija Numru 2103 f’seduta numru 47.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'qed iżomm lill-uffiċċju tiegħu milli jawtorizza f'dipartimenti differenti tal-gvern it-trasferimenti tal-ħaddiema tal-MDC, METCO u IPSE li ma ntgħażlux mal-Malta Enterprise u qed jitħallew f'kamra ma' jagħmlu xejn?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk wara li kif qal huwa stess tkexkex jisma li l-isptar Mater Dei se jiswa l-miljuni tal-liri minn but il-poplu Malti aktar milli kien previst, huwiex lest li jdur fuq min huwa responsabbli billi jgħabbi r-responsabbilta' fuq min huwa konċernat, cioe' mill-konsulenti u spiċċa bil-ministri konċernati u li jekk ikun il-każ illi jinstabu abbużi, dawn iridu jgħaddu lura lill-poplu dak li huwa tiegħu u saħansitra sseħħ ir-riżenja tal-ministri responsabbli?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Onorevoli Interpellant għandu jkun jaf li s-servizz pubbliku għandu strutturi li huma responsabbli sew mill-infieq pubbliku u kif ukoll is-sorveljanza tiegħu.
Nispera li ma nessiex li miż-żmien li ilu jinbena l-isptar, sentejn minnhom kien hemm l-amministrazzjoni laburista li għamliet bidliet radikali.
Jista' il-Prim Ministru jgħid wara li kif qal huwa stess, tkexkex bl-ispejjeż ta' l-isptar Mater Dei, x'seħħ sabiex tiġi ġġustifikata l-ispiża u kif il-poplu se jiġi nformat li l-isptar Mater Dei reġa' lura għall-budget plan li kien ippjanat u ppreżentat lill-Parlament saħansitra qabel beda l-iskavar tas-sit li fuqu qed jinbena l-isptar in kwestjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-ispiża hija ġustifikata mill-fatt li l-poplu Malti se jkollu sptar modern li jixraqlu għaż-żminijiet tal-lum.
Servizz Pubbliku — Eżami ta' l-iskrivani (clerk 1)
Question
B'riferenza għar-riżultat ta' l-eżami ta' l-iskrivani (clerk 1) għal maċ-ċivil, liema riżultat ħareġ ftit qabel l-elezzjoni ġenerali 2003, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għaddew minn dan l-eżami u kemm minn dawn li għaddew ġew effettivament impjegati? U peress li r-riżultat ta' dan it-tip iservi biss sena, jista' jgħid x'se jiġri minn dawk li għalkemm ikunu għaddew ma jiġux impjegati f'dik is-sena?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi mill-eżami għal Skrivani fis-Servizz Pubbliku li r-riżultat tiegħu ħareġ fl-2003 għaddew 545 applikant. Sa issa ħadd għadu ma ġie mpjegat. Il-validità tar-riżultat taqa’ wara sena mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'sar minn naħa tal-Gvern dwar il-pubbliċita' ħażina li ngħatat lil pajjiżna dwar -
L-iskandlu tat-
tender
tal-apparat mediku tal-Mater Dei;
Ir-referenzi għal Malta bħala tax haven fil-każ tal-Parmalat anki f'ġurnali influwenti bħall Financial Times;
Ir-rapporti f'Le Figaro dwar il-każ tad-diżastru marittimu dwar il-vapur Erika?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant li jaqra l-istqarrijiet maħruġa mill-awtoritajiet responsabbli.
Jista' il-Prim Ministru jgħid f'għaxar snin ta kunsilli lokali, jiġifieri mill-1993 sal-lum, kemm-il persuna (u mhux kemm-il nominazzjoni intefgħet) ikkontestat l-elezzjonijiet lokali? Jista' ukoll jingħata rendikont ta kemm minn dawn kienu nisa u irġiel u kemm kien hemm żgħażagħ u anzjani? Kemm-il persuna ikkontestat aktar minn darba? Jista' jagħti r-rendikont lokal b'lokal?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kien hemm 1,870 persuna li kkontestaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mill-1993 sal-2003. 1,497 kienu rġiel u 373 nisa. L-etajiet tagħhom kienu hekk:
Eta`
Rġiel
Nisa
minn 18-il sena sa 25 sena
144
50
minn 26 sena sa 45 sena
640
152
minn 46 sena sa 60 sena
513
135
minn 61-il sena ’l fuq
200
36
Kien hemm 667 persuna li kkontestat l-elezzjoni aktar minn darba u dawn kienu 554 irġiel u 113 nisa.
Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella ‘A’ li turi kif l-1,870 persuna kkontestaw l-elezzjonijiet lokalita` b’ lokalita` u maqsuma bis-sess u bl-eta` u tabella ‘B’ li turi t-totali ta’ rġiel u nisa li kkontestaw aktar minn darba, maqsuma lokalita` b’lokalita`.
Jista' il-Prim Ministru jgħid, f'għaxar snin ta kunsilli lokali, jiġifieri mill-1993 sal-lum, kemm-il persuna ikkontestat iktar minn lokalita' waħda, anke jekk fi snin differenti? Jista' iżid ukoll kemm-il persuna irnexxielha tiġi eletta f'aktar minn kunsill wieħed? Jista' jgħid min kienu dawn il-persuni u minn liema lokalitajiet kienu ġejjin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
In-numru ta’ persuni li kkontestaw aktar minn lokalita` waħda fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mill-1993 sal-2003 huwa ta’ 15. Kien hemm 3 persuni li ġew eletti f’aktar minn lokalita` waħda. Dawn kienu Spiru Formosa li tela’ fuq ir-Rabat Għawdex u fuq il-Fontana, Herman Schiavone fuq Birżebbuġa u fuq Marsaxlokk u Keith Patrick Grech fuq San Pawl il-Baħar u fuq Ta’ Xbiex.