Għawdex — Dipartiment tal-protezzjoni ċivili - assistance & rescue officer
Question
B'riferenza għall-MPO circular no. 8/2004 dwar posts of assistance and rescue officer in the department of civil protection (Gozo station), jista' il-Prim Ministru jgħid u jispeċifika x'inhuma other employment rights imsemmija fil-klawsola 6.2?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li “other employment rights” imsemmija fis-sejħa li għaliha qed issir referenza huma dawk id-drittijiet li l-applikanti magħżula jkunu qegħdin igawdu fl-impjieg tagħhom ma’ l-entità pubblika u li jkunu wirtu mill-impjieg preċedenti li kellhom mal-Gvern.
Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid meta hemm il-ħsieb li jiġu ngaġġati l-principal officers mas-servizz pubbliku wara li dawn għamlu b'suċċess l-eżamijiet f'Settembru 2003, l-interviews f'Novembru/Diċembru 2003 u r-riżultat kien ħareġ f'Diċembru 2003?
Jista' jgħid kemm se jiġu impjegati u meta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 4623 fis-seduta numru 106 ta’ l-1 ta’ Marzu 2004. Nixtieq inżid li fil-ġimgħat li ġejjin ser isir l-ewwel ingaġġ minn fost il-kandidati li għaddew mill-eżami ta’ “Principal”.
B'liema tip ta' kundizzjonijiet tax-xogħol, ħlasijiet u allowances l-MPO approva l-ingaġġ tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament fis-segretarjat tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li l-persuna li isimha ntbagħat separatament ġiet ingaġġata fuq kuntratt definit fis-Segretarjat tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni fuq il-kundizzjonijiet ta’ xogħol u bi ħlasijiet u “allowances” kif jidher fid-Dokument dwar “Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats” kif maħruġ fit-12 ta’ Mejju, 2003.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk jistax jiġi kkunsidrat biex id-dritt ta' l-urgent leave li bdew igawdu minnu l-impjegati pubbliċi f'każ li jkollhom jitilqu minn fuq il-post tax-xogħol biex jieħdu ħsieb persuna li jkollha bżonnhom malajr, jibdew ukoll igawduh dawk il-persuni li jiffurmaw koppja li qed tikko-abita u trabbi familja?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi l-impjegati pubbliċi ngħataw id-dritt tal-“Urgent Family Leave” permezz taċ-ċirkolari MPO Nru 9/2004. Din hija bbażata fuq l-Avviż Legali Nru 296/2003 li jistabbilixxi l-parametri ta’ dan il-benefiċċju, r-raġunijiet għalfejn dan il-benefiċċju jiġi wżat, u għal min huwa applikabbli. M’hiex l-intenzjoni li l-parametri jitwessgħu iktar fil-każ tas-servizz pubbliku.
Impjegati fis-servizz pubbliku jistgħu jużaw il-“vacation leave” tagħhom bil-proċeduri normali fil-każijiet li semma’ l-Onorevoli Interpellant.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3403, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-kont għar-Rescue Boat intbagħatx lill-kumpanija kkonċernata u jekk iva jekk dan tħallasx?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta bagħtet il-kont għall-użu tas-“SAR Boat Melita 1” lill-kumpanija kkonċernata fit-22 ta’ Jannar 2004. Dan il-kont għadu ma tħallasx.
Jista' il-Prim Ministru jipprovdi statistika għas-snin: Diċembru 2000, Diċembru 2001, Diċembru 2002, Diċembru 2003 dwar: in-numru ta' segretarji permanenti; in-numru ta' diretturi ġenerali nisa u rġiel; in-numru ta' diretturi nisa u rġiel; in-numru ta' assistenti diretturi nisa u rġiel; u in-numru ta' senior principals nisa u rġiel?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, tabella li turi n-numru ta’ Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali, Diretturi, Assistenti Diretturi li qegħdin fuq “Performance Contract” u “Senior Principals”, nisa u rġiel, għas-snin Diċembru 2000 sa Diċembru 2003.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-impjegati tat-taqsima tal-protezzjoni ċivili għadhom ma tħallsux ta' l-overtime?
Jista' jgħid meta dan il-ħlas se jsir issa li ilu pendenti għal aktar minn sena u nofs?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jaghmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Gustizzja u l-Intern.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk l-istudenti li kienu għaddew mill-eżami ta' clerks miżmum f'Novembru 2002 għadhom sal-lum ma ġewx mogħtija risposta dwar jekk humiex se jiġu ngaġġati jew le, issa li t-terminu ta' sena jiskatta f'Mejju li ġej?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li diġà beda l-proċess biex jiġu reklutati ħamsin kandidat minn dawk li għaddew mill-eżami msemmi biex jimtlew l-istess numru ta’ vakanzi identifikati.
Dan ma jfissirx li ma jistgħux jimtlew aktar postijiet, aktar ’il quddiem.
Bordijiet u Kummisjonijiet — Perċentwal ta' nisa u rġiel
Question
Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li fil-Bordijiet u l-Kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-Dekasteru tiegħi għas-sena 2003, il-perċentwali ta’ nisa u rġiel huwa għaxra fil-mija nisa u disgħin fil-mija rġiel. Ma hemm ebda mara li hija “chairperson” ta’ dawn il-Bordijiet jew Kummissjonijiet.
Jista' il-Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kirjiet ta' vannijiet, karozzi, trakkijiet, gafef, għamara, mobile phones, photocopiers, computers, pjanti, eċċ. li għandu l-ministeru u d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekastru tal-ministeru?
Kemm hi r-rata tal-kirja kull ġurnata f'kull każ separatament?
Fil-preżent, kemm hi ċ-ċifra taż flus tal-kontijiet pendenti li l-ministeru u l-entitajiet għandhom iħallsu għal dawn il-kirjiet?
Kemm kienet in-nefqa globali ta' dawn il-kirjiet matul is-sena li għaddiet?
Jista' jinformani kemm kienet in-nefqa globali għal karozzi u għamara ġdida li nxtrat matul is-sena 2003?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Peress li jidher li l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Membru fil-Mistoqsija tiegħu mhux se twassal għal xi titjib fl-amministrazzjoni pubblika ta’ pajjiżna jew għal xi benefiċċju relevanti ieħor, ma naħsibx li l-ħin estensiv li jinħtieġ f’kull Ministeru u Dipartiment sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba ikun ġustifikat u ċertament huwa ħin li jista jintuża aħjar.
L-Onorevoli Membru għandu jikkunsidra jagħmel Mistoqsija aktar iffokata u ristretta.
Kundizzjonijiet u il-pakkett finanzjarju — Sur J R Grima
Question
X'inhuma il-kundizzjonijiet u il-pakkett finanzjarju li ġew offruti lis-Sur J R Grima wara il-ħatra riċenti tiegħu ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Mal-ħatra tiegħu ta’ Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur J R Grima baqa’ iżomm l-istess kundizzjonijiet u pakkett finanzjarju li kellu bħala Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluża l-“allowance” pensjonabbli li kien tah il-Prim Ministru ta’ qabel fuq bażi personali, u li jien, f’Jannar 2004, irrevedejt għal Lm4,409 fis-sena talli s-Sur Grima ser jibqa jservi bħala uffiċjal pubbliku
Kemm se ikun is-salarju tas-Segretarju Permanenti Prinċipali? X'inhuma u kemm huma l-allowances u l-fringe benefits li ser jibbenifika min ser jieħu dan il-post? Jekk dan il-post huwa suġġett għal-kuntratt, għal kemm żmien ser ikun dan il-kuntratt? Saret sejħa pubblika għal mili ta' dan il-post; kif intgħażlet il-persuna ndikata? Meta jekk kien hemm l-approvazzjoni tal-Public Service Commission xi proċedura ntużat f'dan il-każ u min approva din il-ħatra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4492 inżid ngħid li l-metodu tal-ħatra, l-paga u l-benefiċċji tas-Segretarju Permanenti Ewlieni fuq bażi ta’ kuntratt huma preċiż bħal ma kienu dawk tas-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru sal-4 ta’ Frar 2004.
Sejħa ta' Segretarju Permanenti Prinċipali — Kuntratt
Question
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ħatra u tal-Kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma taf l-Onorevoli Membru m’hijiex etika li wieħed ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-karti mitluba, u din ir-regola dejjem ġiet irrispettata.
It-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 18,371 tal-Leġislatura preċedenti tikkonferma dan.
Servizz Ċivili — Persuni li għaddew mill-eżami ta' principal
Question
Jista' il-Prim Ministru jinformani jekk il-gvern impjegax nies li għaddew mill-eżami għal principal? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid jekk il-gvern għandux intenzjoni jimpjega fil-ġejjieni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li għadu ma ġie reklutat l-ebda kandidat minn dawk li għaddew mill-eżami ta’ “Principal” fis-Settur Pubbliku, liema riżultat ġie ppublikat fit-22 ta’ Diċembru, 2003.
L-ingaġġ ta’ “Principals” isir skond il-ħtiġijiet tas-Servizz.
Tribunal għall-investigazzjoni ta' inġustizzji — Sentenza
Question
Jista' il-Prim Ministru jispjega għal liema raġuni għadu ma sarx ħlas abbażi ta' sentenza tat-tribunal għall-investigazzjoni ta' inġustizzji li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għalkemm din ilha deċiża minn Settembru 2003?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li r-rakkommandazzjoni magħmula mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji, li għaliha qiegħed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, ġiet implimentata u li l-persuna li għamlet l-ilment diġa’ intbagħtilha l-ħlas dovut.
B'referenza għal dak li qal il-Ministru tal-Finanzi rigward n-nies żejda mal-Gvern, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema żejda li jaħdmu mal Gvern? F'liema dipartiment qegħdin u x'inhu il-grad tagħhom? X'qiegħed jagħmel l-MPO biex dawn jiġu assenjati xogħol alternattiv?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi minn żmien għal żmien kull dipartiment ikollu xi nies ’l fuq mill-“complement” jew taħt il-“complement”.
Fl-ewwel każ isiru arranġamenti għal “re-deployment” u fit-tieni każ, fejn hu assolutament neċassarju, jittieħdu passi biex il-vakanzi jimtlew.
Jista' il-Prim Ministru jagħti ħjiel tal-qafas tal-proposti li ġew sottomessi min-naħa ta' l-awtoritajiet Taljani dwar ir-ristrutturar propost dwar il-ħidma tal-missjoni militari Taljana f'Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li matul dawn l-aħħar xahrejn kienu qegħdin isiru taħdidiet bejn Malta u l-Italja dwar il-ħidma tal-Missjoni Militari Taljani f’Malta. It-taħdidiet għadhom għaddejjin.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm mobile phones fid-Dikasteru tiegħu? Minn min qed jintużaw u kemm tħallsu f'kontijiet ta' dawn il-mobile phones matul is-sena 2003?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien is-safar li sar fuq xogħol uffiċjali minn uffiċjali governattivi jew oħrajn li tħallsu mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu matul is-sena 2003? Min siefer? Fejn kienet kull safra? Kemm kienet l-spiża ta' kull safra? Min awtorizza kull safra? Min minn dawk li siefru mar first class jew club class?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika għall-liema perjodu qed jirreferi u wara nara jekk hiex utli li jinħela żmien biex tinġabar l-informazzjoni li tkun mitluba.