Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għalfejn taxxa uffiċjali tal-qorti tal-kawża li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li ġiet deċiża nhar it-28 ta' Frar 2006 u liema kawża llum il-ġurnata għaddiet in ġudikat, għadha ma nħarġitx sal-lum il-ġurnata mill-amministrazzjoni tal-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-taxxa uffiċjali tal-Qorti tal-kawża li d-dettalji dwarha ntbagħtu separatament, u liema kawża ġiet deċiża fit-28 ta' Frar 2006, għadha ma nħarġitx peress li għad jonqos valur fuq ir-raba' talba taċ-ċitazzjoni u fuq it-tielet talba tal-kontro-talba. Ingħataw struzzjonijiet lid-Deputat Reġistratur ta' l-Awla li tat is-sentenza fil-kawża li għaliha saret referenza, sabiex tinforma lill-avukati biex jiddikjaraw valur. Fin-nuqqas, ir-Reġistratur se jieħu l-miżuri kif hemm indikat fil-paragrafu 4 (3) ta' Skeda A Tariffa A.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il rapport sar mill-pubbliku fuq storbju żejjed u tlajjar li qed isir fuq iz-zuntier tal-knisja tal-Mosta fil-ħinijiet ta' filgħaxija? Kemm-il darba saret ronda mill-pulizija tal-Mosta biex jiġu investigati dawn l-allegazzjonijiet u qattx kien hemm il-bżonn li jittieħdu passi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm ma jirriżultax li matul din is-sena saru xi rapporti uffiċjali fl-Għassa tal-Mosta dwar storbju żejjed u tlajjar fuq iz-zuntier tal-knisja tal-Mosta, il-pulizija regolarment tagħmel ronda fl-inħawi. Kull meta kien osservat li hemm xi persuni miġmugħa fuq iz-zuntier tard bil-lejl, dawn ġew ordnati sabiex jitilqu u ma kienx hemm lok li l-Pulizija tieħu passi ulterjuri. Minkejja dan il-Pulizija ser tkompli tagħmel sorveljanza f'dan il-post.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadet s'issa l-pulizija dwar ittra datata 28 ta' Ġunju, 2006 li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ilment imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed ikun investigat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li l-persuna ossia ditta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament rebħet tender għall-provvista ta' l-ikel għall-immigranti irregolari? Jista' jgħid jekk saritx sejħa għall-offerti jew jekk it-tender ingħatatx b'direct order? X'kienu l-kriterji għat-tender? Kemm hu l-valur tiegħu? Meta nħarġet it-tender?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ebda dipartiment taħt id-dekasteru tiegħi ma kien involut fit-tender li saret referenza għaliha. Għalhekk nitolbu jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Ġunju 2006? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Ġunju 2006?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Ġunju 2006 ir-reati li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li tidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar kien hemm 45 persuna misjuba ħatja ta’ reati kriminali.
Against morals/honour - family1
Arson13
Attempted offences99
Bodily harm106
Computer misuse2
Damage229
Drugs18
Forgery10
Fraud6
Illegal Immigration16
Perjury & false swearing1
Prostitution4
Sexual offences10
Theft648
Threats and private violence5
Violence against public officers16
Jista' il-Viċi Prim Minstru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Ġunju 2006? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti matul Ġunju 2006?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul Ġunju 2006, il-każi ta’ serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 34 każ ta’ serq li fi 13 minnhom diġa’ nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti.
Hold up4
Pick Pocketing33
Snatch & grab6
Serq minn dgħajjes7
Serq ta’ dgħajjes6
Serq ta’ karozzi40
Serq minn karozzi183
Serq minn residenzi48
Serq minn barijiet / lukandi36
Serq minn xtajtiet26
Serq minn fabbriki6
Serq minn ħwienet17
Serq ieħor234
Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19913 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm djar magħrufa bħala ex-officers f'Ħal-Luqa (dawk id-djar li huma biswit il-head offices ta' l-Air Malta)? Min huma l-inkwilini ta' dawn id-djar jekk huma okkupati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-djar li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kienu ġew ittrasferiti lill-Awtorita' tad-Djar permezz tal-Avviż Legali Numru 101 tal-1989.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet mill-kunsilli lokali għall-introduzzjoni ta' speed cameras? Għal liema lokalita' u għal liema triq?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jelenka kemm saru ċitazzjonijiet mill-ispeed cameras separatament mill-1 ta' Jannar sal-15 ta' Ġunju, 2006? Kif jinqasmu l-flus imħallsa wara dawn iċ-ċitazzjonijiet, bejn kunsilli, kumpanniji tal-gwardjani, eċċ.? Kemm tqassmu flus din is-sena s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk meta jinħareġ permess biex jinħaraq nar f'festi jew okkażjonijiet oħra, dan jinħariġx bil-kondizzjoni li wara li jsir il-ħruq tan-nar, kemm jekk ikun ta' l-ajru ukoll jekk isir minn fuq każini jew jekk ikun nar ta' l-art, min ikun responsabbli jkunx obbligat li jagħmel tfittxija fejn ikun inħaraq in-nar u fl-inħawi ta' madwar għal xi bċejjeċ tan-nar li jkunu waqgħu u ma ħadux? Jekk iva, din il-kondizzjoni qed tiġi infurzata? Minn min? Ġieli waslu ilmenti dwar inċidenti minn bċejjeċ tan-nar li ma jkunux ħadu, billi waslitli informazzjoni minn staff li jaħdem l-isptar li ta' kull sajf qed ikollhom numru ta' inċidenti bi bċejjeċ tan-nar li jiġru f'dawn iż-żmenijiet ta' festi?
Jista' jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-Regolamenti dwar il-Kontroll ta' Xogħlijiet tan-Nar u Esplożivi oħra jesiġu li d-detentur tal-liċenzja biex jaħraq ix-xogħlijiet tan-nar għandu jagħmel dak kollu li jkun meħtieġ sabiex isib u jneħħi mill-inħawi ta' madwar il-post tal-ħruq, dawk l-oġġetti kollha ta' xogħlijiet tan-nar li ma jkunux ħadu jew splodew kif ukoll materjal ieħor li jirriżulta mill-ħruq ta' dawn ix-xogħlijiet tan-nar. Fejn jirriżulta li dan ma jkunx sar, il-Pulizija tieħu passi skond il-liġi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna li qiegħda teżerċita negozju li jikkonsisti fil-kiri ta' deckchairs u umbrelel fejn il-baħar, din għandhiex bżonn ta' permess mill-awtorita' tat-turiżmu u mill-kummissarju ta' l-artijiet? Il-liċenzja tat-Trade hija biżżejjed għal eżerċitar ta' dan in-negozju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sabiex persuna tikri deckchairs u umbrelel fuq proprjeta' tal-Gvern fejn il-baħar, irid ikollha il-permess tal-Kummissarju tal-Artijiet u tal-Awtorita' tat-Turiżmu u għalhekk il-liċenzja tat-Trade m'hijiex biżżejjed.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' nutara li turi s-sena sa meta l-atti tagħhom inter vivos u causa mortis ġew depożitati fl-arkivju nutarili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hi kif tidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar minnha l-art li kienet tintuża għall-IT fis-Swatar, l/0 Dingli?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern qed jistudja x'inhuwa l-aħjar użu li għandu jsir mill-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant iżda sal-lum għada ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid jekk meta ġie rrapportat l-att vandalu fuq il-Knisja antika ta' San Girgor, Żejtun, fejn fost l-oħrajn saret ħsara lil kwadru ta' San Girgor li hija pittura imprezzabbli tas-seklu sbatax, kenitx saret inkjesta maġisterjali? Jekk iva, l-inkjesta ġiet konkluża?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kienet saret inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa dwar il-ħsarat fil-knisja ta' San Girgor fiż-Żejtun li kienu ġew irrapurtati lill-Pulizija f'Settembru tas-sena l-oħra. Infurmat ukoll li din l-inkjesta għadha ma ġietx konkluża.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega l-iskop wara t-tender maħruġ fil-gazzetta tal-gvern mid-dipartiment ta' l-artijiet Avv. No 109 għal għoti b'ċens għal 65 sena ta' art għal bini ta' sptar f'Tarxien Road, Żejtun?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern kellha talba minn kumpannija għal għotja b'ċens ta' din l-art għal bini ta' sptar wara li din il-kumpanija għottjeniet permess mill-MEPA għal użu ta' l-art għal dan l-iskop. Peress li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma sabet l-ebda oġġezzjoni għal din it-talba, ħarġet sejħa għall-offerti biex din l-art tingħata b'ċens għal dan l-iskop.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux se japprova d-devoluzzjoni ta' biċċa art f'Ħal-Luqa (faċċata tal-ġibjun) lill-kunsill lokali ta' Ħal-Luqa, li diġa' għamel ħafna xogħol u nefaq ħafna flus biex jiżviluppaha?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant se jsir fuqha proġett tal-Gvern mill-Kunsill Malti għall-iSports. Għalhekk it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa għad-devoluzzjoni tal-istess art ma tistax tintlaqa'.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-membri tal-ġudikatura li matul is-sena 2005/2006 siefru għan-nom u fl-interess ta' xi delegazzjoni u jagħti dettalji ta' kull safra?
Jista' jispjega u jagħti dettalji tas-sinjorita' ta' l-imħallfin u jagħti dettalji ta' kemm ilhom f'din il-kariga?
Jista' jagħti wkoll dettalji ta' min huma l-membri tal-ġudikatura li waslu biex jirtiraw fit-12-il xahar li ġejjin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sa fejn seta’ jigi stabbilit, ma kien hemm ebda membru tal-ġudikatura li siefer “għan-nom” u/jew “fl-interess” ta’ xi delegazzjoni, għax il-ministeru ma jaf b’ebda delegazzjoni, presumibbilment tal-Gvern, li kellha l-ħtieġa tinkariga membru tal-ġudikatura biex isiefer għan-nom tagħha u/jew fl-interess tagħha.
Ma hemm xejn x’wieħed jispjega dwar l-anzjanita` – dik li l-Onorevoli Interpellant isejħilha “sinjorita`” ta’ l-imħallfin. Tali anzjanita` tirriżulta mill-lista ta’ l-imħallfin kif tidher anke fuq is-sit ta’ l-Internet tal-Ministeru http://www.mjha.gov.mt/justice/judiciary.html. L-anzjanita` hi kif muri fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, bid-data ta’ meta l-imħallef (inkluż il-Prim Imħallef) beda fil-kariga tiegħu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu u jittieħdu normalment sabiex jiġi kkontrollat l-istorbju eċċessiv (amplified music) f'postijiet ta' divertiment - b'riferiment dirett lejn l-istabilimenti f'oqsma ta' divertiment bħal Paceville, Wied il-Għajn jew Buġibba?
X'parametri jintużaw sabiex jiġi stabilit li storbju huwa eċċessiv jew le billi fl-Ewropa l-istandard li jintuża huwa li ebda storbju ma jista' jinstema minn barra l-istabiliment? Hemm xi rekwiżiti ta' soundproofing għal postijiet ta' divertiment meta lil dawn jinħarġilhom permess? Jekk hemm dawn l-istandards, kif għad hemm dan l-istorbju eċċessiv f'bosta partijiet minn ċentri hawn fuq imsemmija?
Kemm-il każ kien hemm tul l-aħħar sena li tressaq il-qorti fuq storbju eċċessiv? X'pieni ngħataw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dwar is-suġġett imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija timxi skond kif provdut fir-Regolamenti ta' l-2006 dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ. Dwar ir-rekwiżiti ta' soundproofing għal postijiet ta' divertiment meta lil dawn jinħarġilhom permess, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, stante li dawn il-liċenzji ma jinħarġux mill-Pulizija.
Infurmat ukoll illi matul dawn l-aħħar tnax il-xahar kien hemm b'kollox 14-il persuna li tressqu l-Qorti fuq 21 każ ta' storbju ġewwa Paċeville u Buġibba, filwaqt li f'Wied il-Għajn ma kien hemm ħadd. Minn dawn il-każi li ġew deċiżi, il-persuni li nstabu ħatja ingħataw multa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-kondizzjonijiet u kriterji li bihom adults only clubs jinħarġulhom il-permess? Kemm hawn minn dawn il-clubs?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, il-liċenzji tan-negozju, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu biex tiġi eliminata l-problema ta' żbroff ta' drenaġġ fl-għassa tal-pulizija li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, billi dan l-iżbroff qed ikun il-kaġun ta' invażjoni ta' ġrieden u firien fl-istess għassa u qed ikun ta' periklu għas-saħħa u s-sigurta' tal-membri tal-korp tal-pulizija li jaħdmu f'din l-għassa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-Supretendent tad-Distrett qed jieħu ħsieb sabiex ix-xogħol meħtieġ isir.