Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-iskola primarja tal-Qrendi jinstabilha xi użu alternattiv ieħor jew inkella addizzjonali? Jekk fl-affermattiv, x'se jiġri mit-tfal li jattendu din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
F'dan l-istadju l-iskola tal-Qrendi hi u ser tibqa' l-iskola primarja tal-lokalita'.
Jista' il-Ministru jgħid liema tenders ingħataw lin-Network Publications mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada mill-bidu ta' din is-sena sal-lum?
Jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn it-tenders u jagħti l-valur tagħhom, wieħed wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mill-bidu ta' din is-sena sal-lum ma ngħataw l-ebda tenders lin-Network Publications.
Jista' il-Ministru jagħti raġuni għaliex għadu ma ħatarx ir-rappreżentanti tiegħu fuq il-bord tal-fond ċentrali tal-kooperattivi u konsegwenza t'hekk dan il-bord ma jistax jiffunzjona? Jista' jgħid meta beħsiebu jaħtar ir-rappreżentanti tiegħu sabiex il-bord jibda jiffunzjona?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ġiet approvata l-ħatra tar-Rappreżentanti tiegħu fuq il-Fond Ċentrali tal-Koperattivi b'effett mit-Tlieta 4 ta' Lulju 2006. Informat ukoll li l-Kumitat tal-Fond Ċentrali għandu jiltaqa' għall-ewwel darba matul din il-ġimgħa.
Filwaqt li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx mill-Universita', s-suġġeriment ta' l-Onor. Membru ser ngħaddih ukoll lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19609 mill-aktar fis possibbli u jgħid: B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19482, jidher li l-ebda wieħed mit-tlett lecturers responsabbli ma resqu lejn uħud mill-kmamar ta' l-eżami waqt il-ħin ta' l-eżami tal-Psikoloġija nhar it-Tlieta 30 ta' Mejju. Jista' il-Ministru jagħti l-ismijiet tat-tlett lecturers involuti? B'liema mod ġew poġġuti mistoqsijiet li ma kenux koperti fuq il-kotba jew waqt il-lectures, fosthom domanda dwar Ljung u oħra dwar Pule'. Minħabba l-ħin qasir li kien hemm allokat biex jitwieġbu 100 domanda, ma jaħsibx il-Ministru li mhux prattikabbli li jkunu mgħajjta l-lecturers għal kull problema? F'każ li saru l-iżbalji min-naħa tal-lecturers, se jkunu l-istudenti li jġorru l-piż ta' żbalji li m'għamlux huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tlett lecturers kienu disponibbli matul l-eżami. Kien hemm studenta li riedet kjarifika fuq mistoqsija waħda li ngħatat dak il-ħin stess mingħand il-koordinatur ta' l-iStudy Unit. Il-mistoqsijiet kienu kollha koperti fuq il-kotba jew waqt il-lectures, kemm il-mistoqsija fuq Jung u fuq Pule' ġew diskussi matul il-lectures.
Informat ukoll li 100 domanda fis-siegħa u nofs hija il-prassi normali għal dan it-tip ta' eżami (multiple choice).
Meta lecturers jagħmlu żbalji s-soltu jittranġaw għall-ġid ta' kulħadd permess ta' diskussjoni. Il-feedback li ħadet il-Kap tad-Dipartiment, mir-rappreżentanti ta' l-istudenti tal-psikoloġija u oħrajn, huwa li ma kellhom ebda problemi b'dan l-eżami. Il-Kap tad-Dipartiment reġgħet informat li hemm proċedura ċara fl-Universita' għall-istudenti biex jiċċaraw id-diffikultajiet tagħhom u għalhekk għandhom jippreżentawhom lill-koordinatur ta' l-iStudy Unit u l-Kap tad-Dipartiment.
Jista' il-Ministru jgħid il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, kemm għamlet żmien tirreġistra ma' l-ETC fl-ewwel xhur ta' l-2004, taħt liema parti tar-reġistru kienet tirreġistra u għal liema tip ta' xogħol kienet qed tirreġistra, dejjem jekk din għamlet xi żmien tirreġistra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ETC ma tistax tiġbor din l-informazzjoni jekk l-Onor. Membru ma jipprovdix lill-Korporazzjoni n-numru tal-karta ta' l-identita' tal-persuna konċernata.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19730 u jikkonferma li l-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada issa ttrasferit l-uffiċini tagħha fl-iskola Sir Adrian Dingli ta' Pembroke? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid minn meta beda jseħħ dan? Jista' jgħid ukoll jekk għadhiex tiġi mħallsa kera għall-uffiċini li kienet qed tuża l-istess fondazzjoni ġewwa Ta' Xbiex? Jekk fin-negattiv, sakemm tħallset kera? Fl-aħħarnett, jista' jgħid jekk il-fatt li l-FTS qed tagħmel użu minn skola, dan qed ikollu xi tip ta' impatt negattiv fuq l-andament ta' din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
L-FTS trasferiet l-uffiċini tagħha f'bini maqtugħ għalih fil-grawnds ta' l-iskola imsemmija b'effett mit-30 ta' Marzu, 2006. M'hemm l-ebda kera dovut jew xi kera ieħor li l-FTS qed tħallas fuq xi bini privat.
Ma jirriżultalix li kien hemm xi impatt negattiv fuq l-iskola minħabba din ir-raġuni.
Jista' il-Ministru jirrispondi misotqsija parlamentari 19727 u jgħid x'inhi l-pożizzjoni dwar placements li qed isiru ta' studenti ta' l-MCAST li qed isegwu kors tal-BTEC National Diploma in Sport (Sports Development and Fitness), speċjalment fid-dawl tal-punti li tqajjmu mill-Universita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Napprezza jekk l-Onor. Membru jispeċifika x'punti tqajjmu, minn min u b'liema mod mill-Universita'.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huma l-istudenti li jinsabu fis-sitt sena ta' l-iskejjel primarji tal-gvern, bniet u subien separatament? Kemm resqu għall-eżami tal-Junior Lyceum, bniet u subien separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti bniet u subien li jinsabu fis-sitt sena fl-iskejjel primarji tal-Gvern huwa hekk:
Bniet Subien
Year 6 1456 1711
Informat ukoll li n-numru ta' studenti bniet u subien li resqu għall-eżami tal-Junior Lyceum huwa hekk:
Bniet 1785
Subien 2183
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-popolazzjoni ta' kull skola tal-gvern, kemm primarja kif ukoll sekondarja f'din is-sena skolastika? Jista' jagħti din l-informazzjoni separata għal kull skola u maqsuma fi bniet u subien?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jpoġġi l-workings ta' l-istatistika li semma fid-diskors tal-ftuħ tiegħu meta ressaq l-abbozz li jemenda l-Att dwar l-Edukazzjoni dwar l-infiq ras għal ras għal studenti fl-iskejjel ta' l-istat u dawk privati jew tal-knisja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-nefqa ras għal ras tal-Gvern fuq l-istudenti fl-iskejjel ta' l-Istat, tinħadem billi wieħed jara l-ispejjeż relatati ma' pagi/salarji, spejjeż rikorrenti oħra u nefqa kapitali konnessi ma' l-edukazzjoni obbligatorja diviża bin-numru ta' studenti f'dan il-livell. Fir-rigward ta' l-iskejjel tal-Knisja l-formola tinkludi l-ispejjeż rikorrenti.
Peress li x-xogħol fuq il-kulleġġ ġdid fl-iskola Verdala jibda fis-sajf li ġej, jista' il-Ministru jgħid f'liema skola se jattendu l-istudenti tal-J.L. ta' G. Despott?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti kollha tal-Junior Lyceum ta' Verdala se jintbagħtu temporanjament fl-iskola Adelaide Cini fil-Ħamrun sakemm jitlesta x-xogħol fl-iskola tal-Verdala.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 19671 u 19767 u jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni ddeċidiet li tneħħi l-ispazji fil-bini tal-Junior Lyceum Sir Adrian Dingli li kienu jintużaw b'mod tajjeb għal skopijiet edukattivi?
Għaliex id-diviżjoni qed tinjora lit-tmexxija ta' l-iskola, il-kunsill ta' l-iskola u x-xewqa ta' l-istudenti u l-ġenituri f'deċiżjoni bħal din?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'dan l-istadju għadha ma tteħditx id-deċiżjoni msemmija. Tlabt li nidħol fil-kwestjoni biex nevalwa s-sitwazzjoni u niddiskuti ma' kull min hu involut.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qamet kull safra (spejjeż kollha inklużi) li saret matul l-2005 u l-2006 sal-lum, fejn kien involut hu safra b'safra, meta sar dan is-safar, kemm damu iljieli, x'kienet id-destinazzjoni,. min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh u x'kariga għandhom? Jista' jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom f'kull safra separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk:
Data Post Ljieli Ammont
Lm
08-14/01/05 Renju Unit 5 667.53
20-21/02/05 Brussel 1 786.08
06-10/04/05 Lussemburgu 3 578.06 (Akkompanjat minn Dr N Vella)
18-21/05/05 Norveġja 2 1,802.44
08-10/06/05 Svizzera 2 987.87
01-03/06/05 Lussemburgu 2 1,582.42
07-08/12/05 Brussel 1 568.04
15-17/01/06 Lussemburgu 2 431.19
28-29/01/06 Katanja 1 138.17
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm call for applications sabiex jiġu impjegati nies minn redeployment li kien għaddej fi ħdan l-istrutturi tal-gvern fil-ministeru, id-dekasteru jew enti tiegħu bejn Ottubru, 2005 sal-lum? Jista' jgħid x'karigi kien hemm vakanti, kif ġew mgħażula l-applikanti, jekk hux b'eżami, fuq bażi ta' kwalifiki jew b'interview? F'każ li saru interviews, jista' jgħid jekk il-membri ta' l-interviewing board kienx mgħamul minn nies mill-istess ministeru/dekasteru u jekk fl-affermattiv, xi skala kienu dawk li tpoġġew f'dawn il-bordijiet ta' l-intervisti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti Għall-iSport kellha 4 call for applications for redeployment. Dawn kienu għal Communications & Marketing Executive, Front Office Clerk/Reception, Accounts Clerk u Electrician. Dawn saru kollha fuq bażi ta' kwalifiki u interview. L-interviewing board kien kompost mill-Kap Eżekuttiv, żewġ diretturi mill-Bord tad-Diretturi u l-Finance Officer. Ħadd ma applika għall-post ta' Electrician.
Informat ukoll li fl-Awtorita' għas-Saħħa u Sigurta fuq il-post tax-xogħol (OHSA) hemm żewġ ħaddiema li ntbgħatu mill-Industrial Projects Services Ltd. (IPSL). Dawn iż-żewġ ħaddiema li jokkupaw gradi klerikali ġew sottomessi għal interview li saret minn Senior Manager fl-Awtorita' biex jaraw l-kompetenza taż-żewġ impjegati.
Il-Korporazzjoni Għax-Xogħol u Taħriġ għamlet 3 call for applications sabiex jiġu mpjegati nies mir-redeployment. Dawn kienu għal Executive (Information System), Tradesman (Storekeeper) u Executive (Finance).Dawn saru kollha fuq bażi ta' interviews. Il-Bord tal-interviews kien immexxi minn wieħed mill-Bord tad-diretturi tal-Korporazzjoni u magħmul minn uffiċjali tal-ETC li huma kollha f'karigi maniġerjali.
Informat li fl-MCAST saru 11 call for applications. Dawn kienu għal Technician (Electrical u Electronics) u Technician (Science), 2 Study Room Supervisors, 2 Handypersons, 1 Casual Substitute Administrative Officer u 4 Casual Substitute Clerks. Dawn saru kollha fuq bażi ta' interviewing. L-interviews saru kollha minn Diretturi u minn uffiċjali li huma kollha f'karigi maniġerjali. Informat ukoll li l-Kuleġġ ingħata permess biex jagħmel it-talba lill-ETC għal calls ta' Casual Substitute Administrative Officer u Casuals Substitute Clerks.
Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru uffiċjali tal-gvern fi skala 14, 15 jew 16 fuq xogħol tal-gvern matul l-2005 u minn Jannar, 2006 sal-lum separatament? Jista' jgħid kemm qamet flus kull safra, kemm damet iljieli, x'kienet id-destinazzjoni, xi skala kienu l-uffiċjali u x'kienet ir-raġuni tas-safra separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ministeru, dipartimenti jew enti li jaqgħu taħtu għandhomx xi tip ta' proprjeta' li mhijiex qiegħda tintuża għal xi raġuni? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li din il-proprjeta' mhijiex tintuża u fejn tinsab?