Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq ta’ Għajn Tuffieħa – bus stops

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fit-Triq ta’ Għajn Tuffieħa (Għajn Stas Isfel) jitwaħħlu bus stops fiż-żewġ direzzjonijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sena l-oħra ġew imwaħħla żewġ bus stops fl-inhawi ta’ Għajn Stas Isfel, fit-Triq ta’ Għajn Tuffieħa. Dawn iż-żewġ bus stops twaħħlu madwar 170 metru il-bogħod mit-triq li ġġib l-istess isem.

Proġett kontra l-għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun lest il-proġett kollu kontra l-għargħar u għaliex kien hemm ċertu dewmien?

Response (MIZZI, JOE)

Nirriferi lil Onor. Interpellant għat-twġiba li ngħatat għall-Mistoqsijja Parlamentari 22082.

Belt Valletta – operaturi tal-latrini pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta’ flus dovut lid-Direttorat għat-Tindif minn kuntratturi li joperaw il-latrini pubbliċi fil-Belt Valletta għal dak li jirrigwarda kontijiet tad-dawl u l-ilma għas-snin bejn l-2011 u l-2015? Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx xi darba sar xi forma ta’ pagament minn dawn il-kuntratturi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm żewġ kuntratturi li b’xi mod huma responsabbli tal-operat tal-latrini pubbliċi fil-Belt Valletta. Kuntrattur Responsabbli minn: 2011 2012 2013 2014 * 2015 ** Griffin Sevices LTD Triq il-Karettun NIL NIL NIL €2413.88c €1147.54c Griffin Services Ltd Triq Melita NIL NIL NIL €1475.94c €1053.12c Carlos Zerafa Triq id-Dejqa NIL NIL NIL €1999.09c €1252.93c *Perjodu li jkopri minn Novembru 2013 **Perjodu li jkopri sa Frar 2015 Qatt ma sar pagament li jikkonċerna dawn l-ammont pendenti. Effettivament ser jinbdew proċeduri legali sabiex jiġu rkuprati dawn il-flus.

Belt Valletta – latrini pubbliċi — ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttorat għat-Tindif kienx involut fid-diskussjonijiet meta ġie mfassal l-arranġament bejn il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u l-kuntratturi li ġew fdati bl-operat ta’ numru ta’ latrini pubbliċi fil-Belt Valletta? Meta ġie mfassal dan il-ftehim, l-ispiża tad-dawl u l-ilma u l-kirjiet ta’ dawn il-postijiet pubbliċi, ġiet inkluża fil-kuntratt li sar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li d-Direttorat għat-Tindif qatt ma ġie konsultat jew informat bl-ebda mod, meta kien qed jiġi mfassal il-fteħim bejn il-Kunsill Lokali Valletta u l-kuntratturi li ġew fdati bl-operat tal-latrini pubbliċi, u dan meta l-entita’ responsabbli sabiex tħallas il-kontijiet tad-dawl, ilma u kera hija l-istess Direttorat għat-Tindif. Ma hemm l-ebda referenza fil-kuntratt li tindika li l-ħlas ta’ dawn is-servizzi għandu jiġi mħallas minn xi kuntrattur.

Kontenituri tal-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta’ kontenituri tal-iskart li twaħħlu fit-toroq arterjali u distributorji matul is-snin 2014 u 2015? Jista’ jgħid kemm kien l-ammont ta’ kontenituri tal-iskart li nxtraw fis-snin 2010, 2011, 2012 u 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li matul is-snin 2014 u 2015 twaħħlu 280 kontenitur tal-iskart ġodda fit-toroq arterjali u distributorji. Ma kienu inxtraw l-ebda kontenitur tal-iskart bejn is-snin 2010 u 2013.

Kontenituri tal-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li bbenefikaw minn għajnuna ta’ għoti ta’ kontenituri tal-iskart fis-snin 2014 u 2015? Kemm kien il-valur ta’ dawn il-kontenituri għal kull lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li l-kunsilli lokali li bbenefikaw minn għajnuna ta’ kontenituri tal-iskart matul is-snin 2014 u 2015 huwa kif ġej: San Pawl il-Baħar € 16,236 San Ġiljan € 9,710 Sliema € 9,408 Ġzira € 1,772 Ta’ Xbiex € 792 Msida €2,063 Valletta € 7,920 Marsaskala € 7,014 Birzebbuġa € 4,676 Birgu € 1,056 Bormla € 2,394 Qrendi € 3,092 Kalkara € 1,244 Xgħajra € 792

Kontenituri tal-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-lokalitajiet li bbenefikaw minn kontenituri tal-iskart fis-snin 2010, 2011, 2012 u 2013? Kemm kien il-valur li bbenefikat minnu kull lokalità f’dawn is-snin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda Kunsill Lokali li ingħata provediment ta’ kontenituri tal-iskart matul il-perjodu imsemmi.

Ħaż-Żabbar — Wied il-Mazza - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir ix-xogħol tad-drenaġġ fi triq Wied il-Mazza f'Ħaż-Żabbar peress li jidher li se jsir xi xogħol ta' konkos fi trejqa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm din il-problema ma taqax taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru tiegħi jew ta’ Transport Malta, qed nevalwaw is-sitwazzjoni u mpenjati li noffru l-għajnuna tagħna fejn hu possibli.

Trasport Pubbliku – ħlas lill-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jivverifika jekk hux minnu illi ħaddiema barranin mat-Trasport Pubbliku qed jitħallsu aktar mill-ħaddiema Maltin li qed jagħmlu l-istess xogħol? Jekk dan hu minnu, x’inhi r-raġuni għal din id-diskrepanza fir-rata tal-ħlas bejn ħaddiema barranin u ħaddiema Maltin?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ssir l-ebda diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalita’, bejn ħaddiema tal-Malta Public Transport.

Siġġiewi – triq tas-Salib tal-Għolja — tarmac

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta t-triq li twassal għas-Salib tal-Għolja fil-limiti tas-Siġġiewi ser tingħata t-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Qormi – Triq Valletta u Triq il-Kbira – zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir Zebra Crossing fi Triq Valletta ġewwa Ħal Qormi, ħdejn il-ħanut li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kif ukoll fi Triq il-Kbira ġewwa Ħal Qormi, inti u sejjer lejn ir-roundabout ta’ fejn kienet il-fabbrika tal-Lowenbrau peress li huma żewġ toroq traffikużi u qegħdin ikunu ta’ periklu għar-residenti meta jaqsmu t-triq u anke peress li jkun hemm tfal li jridu jaqsmu għall-iskola?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret spezzjoni fuq il-post minn Transport Malta fejn ġiet issuġġerita din iz-zebra crossing, liema post mhux ideali minn lat ta’ saħħa u sigurta’ u għaldaqstant il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ngħata gwida dwar post aħjar fejn tista’ ssir tali zebra crossing. L-Awtorita’ issa qed tistenna li tirċievi l-proposta emendata mill-kunsill lokali sabiex tipproċedi bl-evalwazzjoni ta’ din it-talba.

Is-Salini – bdil ta’ railings

Question

Jista’ l-Ministru jara li r-railings li qed isiru fiż-żona tas-Salini li jagħtu għal Triq il-Kosta fil-parti residenzjali jinbidlu bħal dawk li saru riċentament fil-belveder ta’ Ħaż-Żabbar?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22959.

L-Imrieħel — xogħlijiet fuq pont pedonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbdew ix-xogħlijiet fuq il-pont pedonali li kellu jsir fil-bypass tal-Imrieħel?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ dan il-proġett, bħalissa qegħdin fit-tielet stadju tal-Competitive Dialogue Procedure fejn iż-żewġ offerenti se jintalbu jagħmlu l-aħjar offerta tagħhom. Jekk l-affarijiet imorru kif ippjanat ix-xogħlijiet huma mistennija jinbdew lejn it-tielet kwart ta’ din is-sena.

Promenade tal-Qajjenza — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq il-promenade tal-Qajjenza? X’xogħol se jkun qed isir u kemm huwa maħsub li se jkun l-investiment fuq dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jibda wara s-Sajf li ġej wara li joħroġ il-permess tal-MEPA.

Funtana tat-Tritoni

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fiex waslu l-preparamenti fuq ix-xogħlijiet ippjanati fuq ir-restawr tal-Funtana tat-Tritoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsieb tal-Gvern huwa li tiġi rrestawrata l-funtuna tat-Tritoni għall-istat oriġinali tagħha u li taħdem permezz ta’ teknoloġija u standards moderni. Wara li għal diversi snin, il-kundizzjoni tal-funtana ta’ Tritoni, fid-daħla tal-Belt Valletta tħalliet tiddeterjora, id-Dipartiment tal-Kuntratti, f’isem il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, ħareġ sejħa għar-restawr, l-operat u l-manutenzjoni tal-funtana. Din ġiet ippubblikata bħala Competitive Dialogue u l-ewwel dokument, Pre-Qualification Criteria Document, ġiet ippubblikata fil-15 ta’ Settembru 2015 u s-sejħa għalqet fis-17 ta’ Novembru 2015. L-offerti ġew evalwati u ħadd ma nstab jikkonformi mal-kriterji ta’ eleġibilità.

Proġett nazzjonali kontra l-għargħar

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma meta se jkunu lesti x-xogħlijiet fuq il-proġett nazzjonali għal kontra l-għargħar? Jista’ jelenka l-ostakli li nqalgħu u xi xogħol addizzjonali ieħor minn dak li kien hemm oriġinarjament ippjanat li kellu jsir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li kienu maħsuba li jsiru oriġinarjament fuq il-proġett nazzjonali għal kontra l-għargħar tlestew. Qed isiru iżda xogħlijiet oħra addizzjonali biex jikkumplimentaw dan il-proġett. Fost dawn insibu numru ta’ culverts f’diversi triqat u l-bini ta’ blokk għal amministrazzjoni tas-sezzjoni li tieħu ħsieb il-manutenzzjoni ta’ dan il-proġett kif ukoll numru ta’ garaxijiet għal makkinarju. Dawn ix-xogħlijiet huma pjanati li jitlestew sa nofs din is-sena. Kien hemm diversi ostakli li nqalgħu tul-iż-żmien li dan il-proġett kien qiegħed ikun implimentat. Fost dawn insibu żbokk ta’ drenaġġ fuq il-komponenti ta’ Birkirkara u Ħaż-Żabbar, sejbin ta’ shelter li kien fond aktar milli kien maħsub ġewwa Ħaż-Żebbuġ, sejbin ta’ numru ta’ bjar li kienu mirduma, ammont ta’ tifrik fil-blat li ried interventi biex jissudaw dan il-blat, blat iebes ħafna f’certi partijiet kif ukoll numru ta’ ġranet ta’ maltemp. Minbarra dawn l-ostakli, l-mini ta’ bejn il-Mosta u Ta’ Xbiex ġew imkabbra tul l-aħħar kilometru u tlett mitt metru biex jilqgħu xita ta’ intensita akbar, u l-mini ta’ Ħaż-Żebbuġ ġew ukoll imtawla bi 350 metru biex jilħqu partijiet oħra li ma kienux ppjanati li jilħqu fil-proġett oriġinali. Saru wkoll madwar 1,500 metru ta’ culverts li wkoll ma kienux jagħmlu parti mill-proġett oriġinali.

Il-Ġnien tal-Argotti

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fiex waslu l-preparamenti fuq ix-xogħol tal-Ġnien tal-Argotti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-MEPA tinsab fi stadju avvanzat waqt li t-tenders għax-xogħljiet qed jitħejjew u dawn mistennija jiġu ppubblikati ftit wara li joħroġ il-permess.

Xogħlijiet fuq knejjes u monumenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar ix-xogħlijiet li għaddejjin u oħrajn li se jsiru fuq knejjes, monumenti u strutturi oħra relatati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li barra l-proġetti ta’ din in-natura li diġà ssemmew fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22073 qed nelenka xogħol ieħor ta’ natura silimi li jinsab għaddej jew hu pjanat li jsir : Xogħlijiet għaddejjin: 1. Knisja ta’ Santa Tereża Bormla – restawr kważi konkluż; installazzjoni ta’ dawl għadu pendenti 2. Monumenti ta’ ġol-Barrakka ta’ Fuq – 50% diġa kompluti 3. Torri ta’ Wignacourt – restawr tal-parti interna issa kompluta; u nbeda xogħol ta’ restawr fuq il-parti esterna. 4. Kjostru tal-Kunvent tad-Dumnikani, Birgu – xogħol għaddej 5. Koppla u Kuppletti tal-knisja ta’ Santu Wistin, Valletta – xogħol fuq il-kuppletti issa tlestew; xogħol fuq il-koppla għadu pendenti 6. Restawr tal-Istatwa tal-Vitorja li tinsab ġol Każin tal-banda San Lawrenz, Birgu – xogħol tlesta fil-jiem li għaddew. Xogħlijiet li huma ppjanati: 7. Knisja ta’ San Ġiljan, Isla – restawr tal-faċċati 8. Funtana ta’ Wignacourt ġewwa Ġnien San Filippu, Floriana 9. Lanterna tal-Knisja tal-Lunzjata, Birgu 10. Restawr tat-taraġ estern tal-Knisja ta’ San Lawrence, Birgu 11. Funtana tat-Tritoni 12. Monument tal-Gwerra, Isla 13. Restawr tan-Niċċa ta’ San Filippu, Birgu 14. Restawr tal-Kappella ta’ Santa Katerina, l/o Rabat 15. Restawr ta’ samrotti ta’ tieqa fuq il-faċċata tal-Knisja ta’ San Pawl, Rabat 16. Restawr tal-koppla tal-Knisja Parrokkjali Maria Bambina, l-Isla

Belt Valletta – Venda tal-karozzi tal-linja — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-estensjoni tal-venda tal-karozzi tal-linja tal-Belt Valletta? Kemm se tkun takkomoda karozzi tal-linja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel fażi tax-xogħlijiet fuq l-estensjoni tal-venda tal-Belt Valletta tlestiet skont il-pjan. Din l-estensjoni takkomoda 14-il bus bay operattivi addizzjonali. Bħalissa Transport Malta għaddejja bl-evalwazzjoni ta’ tender sabiex jitwaħħlu railings sabiex jitnaqqas r-riskju ta’ inċidenti bejn il-karozzi tal-linja u passiġġieri li jagħmlu użu mil-venda. Dan filwaqt li qed jitħejjew disinni biex eventwalment tiġi nstallata tinda mat-tul tal-venda bħala protezzjoni għall-pubbliku mill-elementi naturali, kif ukoll faċilitajiet sanitarji għall-pubbliku in ġenerali. Qed jitħejjew ukoll disinni għat-tieni fażi li tikkonsisti fi pjani għal aċċess aħjar għall-pubbliku mill-venda lejn Pjazza Kastilja.

Ħal Qormi – Triq ir-Rebbiegħa — stage

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-istage tal-karozza tal-linja li ritratt tiegħu qed jingħata separatament, li jinsab fi Triq ir-Rebbiegħa, Ħal Qormi jiġi mċaqlaq għall- pjazzetta ftit metri ‘l bogħod biss minn fejn jinsab preżentament, peress li fejn qiegħed qed ikun ta’ perikolu kemm għar-residenti kif ukoll għall-passiġġieri li jagħmlu użu mill-istage?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta se tkun qed tevalwa din it-talba fil-futur qrib.