Jista' l-Ministru, peress tal-Board tal-Kontroll tat-Traffiku, jara xi problemi qed iħabbtu wiċċhom magħha numru ta' residenti li joqgħodu fi Triq l-Ispirtu s-Santu fiż-Żejtun u jikkunsidra li jew issir one way u/jew ikun hemm parking ristrett?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku flimkien mal-Kunsill Lokali ser jieħdu l-passi meħtieġa biex Triq l-Ispirtu s-Santu ssir one way.
Jaf l-Ministru li t-traffic lights li dan l-aħħar ġew installati fi Triq Manwel Dimech, Qormi ma jixgħelux fuq iż-żewġ lanes f'daqqa bil-konsegwenza li min jaqsam irid jistenna għal xi ħin f'nofs din it-triq passaġġa u perikoluża? Jaf li fi ftit ġimgħat li ilhom installati seħħew għadd ta' inċidenti tat-traffiku fejn karozzi daħlu fuq l-ispeċi ta' centre strip li hemm fin-nofs li saħansitra inċident minnhom kważi kisser kollox? Jista' jirranġa dwar it-traffic lights b'mod li jinxtegħelu iż-żewġ naħat f'daqqa biex jiġi evitat li persuna toqgħod tistenna f'nofs ta' triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-mod kif ġew kostruwiti t-traffic lights jaħdmu ndipendentament minn xulxin.
Dan it-tip ta` disinn jiġi mplimentat f`postijiet fejn d-distanza li jridu jaqsmu l-pedestrians tkun twila u b'hekk il-karozzi li jkollhom jieqfu ma jieqfux għal tul taż-żmien żejjed u b'hekk jiġi evitat li jiżviluppa queue twil ta` karozzi weqfin.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir l-lqugħ li hemm bżonn fi Triq l-Għargħar - Ħal Qormi fil-parti li tiġi mal-wied bil-għan li jiġu mgħeluba u sskansati l-perikli waqt ħalbiet tax-xita qawwija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fl-ispezzjoni li saret fil-lokalita` irriżulta li hemm djar li l-livelli tagħhom qiegħed prattikament mal-livell tal-wied, u għalhekk kwalunkwe kostruzzjoni tista` tikkaġuna aktar għargħar.
Jista' l-Ministru jara li jinxtegħel id-dawl mar-roundabout ta' ħdejn it-telgħa ta' Raħal Ġdid ħdejn Sare ta' l-Irħam peress li min kemm ilu li sar il-proġett tat-tarmac u l-bankini dan id-dawl qatt ma nxtegħel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ż-żona tar-Roundabout hija diġa mdawwla mill-arbli ta` Street Lighting ta` l-Enemalta u m'hemmx ħsieb li jsir dawl mar-Roundabout inifisha.
Jista' l-Ministru jgħid peress li numru ta' karozzi tal-linja għandhom 'il fuq minn tletin sena, jista' jgħid jekk isirux testijiet għall-għarrieda biex jkun żgurat li jkunu mekkanikament fi stat tajjeb? Jekk fil-fatt isiru dawn it-tipi ta' testijiet, kemm saru din is-sena? Minn min isiru testijiet fuq il-karozzi tal-linja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-karozzi tal-linja huma, bħal kull vettura oħra, suġġetti għal Vehicle Roadworthiness Test. Fil-fatt, il-liċenzja tagħhom tiġi mġedda biss jekk jiġi provdut iċ-ċertifikat ta` dan it-test.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qagħdu għall-eżamijiet organizzati mill-Awtorita' Marittima Maltija għall-għoti ta' liċenzji biex isuqu xi vettura tal-baħar? Għal-liema tip ta' vetturi kisbu liċenzja biex isuqhom? Kemm għaddew? Biex issuq vettura (minn jott sa jet-ski) irrid ikollok liċenzja anki jemm ma tkunx sid u tkun krejt din il-vettura?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Regola 29 dwar liċenzji tal-baħar fir-Regolamenti ta' l-2001 dwar Bastimenti Żgħar tirreferi li ħadd m'għandu jsuq xi speedboat jew jirmonka xi persuna fuq il-baħar kemm il-darba ma jkollux tmintax-il sena u jkollu wkoll liċenzja tal-baħar maħruġa mill-Awtorita' Marittima. Għalhekk anke jekk ma jkunx sid tal-vettura tal-baħar persuna jrid ukoll ikollha din it-tip ta' liċenzja.
Madanakollu operaturi liċenzjati sabiex jikru speedboats għandhom iwasslu l-istruzzjonijiet dwar is-sigurta' fit-tbaħħir b'mod konformi mar-regolamenti eżistenti lil kull min jikri għalih xi biċċa tal-baħar tal-kiri u ma jkollux liċenzja tal-baħar valida.
Sa issa permezz ta' l-istess regolamenti l-persuni obbligati li jkollhom liċenzja tal-baħar huma dawk li jsuqu speedboats li għandhom makni ta' 100HP jew aktar.
Sa issa 461 persuna ngħataw liċenzja tal-baħar u persuna waħda ngħatat liċenzja bħala instructor.
Rigward ta' kemm persuni qagħdu għall-eżamijiet għall-għoti ta' liċenzja tal-baħar, nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għad-domandi parlamentari preċedenti jikkonsidra jekk kemm-il darba huwiex possibbli li t-toroq li jinsabu fl-arja magħrufa bħala St. Peter Zabbar jsiru mid-Dipartiment tat-Toroq billi ħafna minnhom jinsabu fi stat ħażin u l-Kunsill lokali ma għandux biżżejjed finanzi għal dan il-għan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq bħalissa qed jagħmel xogħol fi Triq Berebies u Triq Dun Salv Sciberras f'din il-lokalita` .
Sadanittant tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jiltaqa' mal-Kunsill Lokali u jiddiskutu s-sitwazzjoni tat-Toroq l-oħra ta` dan il-lokal.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-posizzjoni tal-Ministeru rigward it-toroq msemmija fil-petizzjoni mehmuża?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qed isiru stejjem għal xogħolijiet ta' toroq oħra f'dik il-lokalita' inkluż ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant. Dawn ix-xogħolijiet kollha eventwalment jitwettqu skond il-prijoritajiet miftehma mall-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid minn min hu kompost il-bord li jieħu ħsieb il-ħruġ ta' settijiet ta bollol ġodda? Kemm għandhom esperjenza f'dan il-qasam kull membru tal-bord?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-membri tal-Bord kollha għandhom esperjenza twila f`dan il-qasam wara li ilhom iservu fuq dan il-Bord għal diversi snin kemm taħt din il-leġislatura kif ukoll f`leġislaturi oħra.
Dan il-Bord hu ppresedut mill-A/Postmaster General waqt li l-membri huma:
Is-Sur Anthony Fenech
Dr John Mercieca
Dr Vincent Depasquale
Is-Sur John Bonnici
Is-Sur Dominic Cutajar
Is-Sur John Mizzi
Is-Sur Tony Barbaro Sant
Jista' l-Ministru jgħid fi ħdan id-dekasteru tiegħu, kemm hemm awtoritajiet, bordijiet, kummissjonijiet jew entitajiet governattivi?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll minn huma ċ-Chairman, Chief Executive Officers, diretturi u konsulenti legali ta' dawn l-awtoritajiet, bordijiet, kummissjonijiet u entitajiet governattivi?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni fuq xogħol li sar fi Triq il-Knisja fix-Xgħajra (l/o Żabbar) fejn it-triq qed tingħalaq permezz ta' katina b'mod li mhux biss qed joħloq inkonvenjent lir-residenti, imma jista' jkun wkoll ta' periklu f'każ ta' emergenza jew f'każ ta' maltemp?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment biex flimkien mal-Kunsill Lokali jindaga l-ilment imressaq mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jintervjeni peress li residenti ta' Għar Barka r-Rabat Malta ilhom aktar minn 15-il sena jistennew li jiġi estiż is-servizz tal-karozza tal-linja, sabiex bla aktar dewmien, is-servizz ikun provdut?
Fid-dawl ta' dan l-inkonvenjent li ħa daqstant snin, jista' l-Ministru jara li tingħata t-tarmac fil-parti tat-triq kif rikjesta mill-Awtorita' sabiex dan is-servizz jkun jista' jiġi estiż immedjatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 28915.
Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex matul dawn l-aħħar tlett snin ma sar ebda żvilupp
fil-pjazza tal-Baħrija?
Meta fil-fatt se jsir l-iżvilupp u meta se jibdew ix-xogħlijiet?
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qatt ma kellu żviluppi partikolari ntenzjonati għal din il-pjazza.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-talba għandu l-Ministeru u d-Dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu biex jimla' postijiet vakanti fl-istess Ministeru/Dipartiment?
Liema huma dawk il-gradi li l-Ministeru/Diviżjoni qed jitlob biex jimla'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm ilhom li bdew l-attakki fuq l-Afganistan għaddewx ajruplani militari mill-ispazju ta' l-ajru Malti?
Jista' jgħid kemm-il darba għaddew u meta?
Jista' jgħid jekk intalabx permess?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ebda ajruplan militari ma għadda mill-ispazju ta' l-ajru Malti fil-perjodu msemmi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-traffic control board hux qed jissuġġerixxi xi tibdil fid-direzzjoni tat-traffiku f'San Pawl il-Baħar? Jekk fl-affermattiv, x'inhu t-tibdil issuġerit?
Response (GALEA, ĊENSU)
Billi San Pawl il-Baħar hu raħal b'numru kbir ta' toroq nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema parti ta' San Pawl il-Baħar qed jitlob l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefaq fuq safar bejn l-1 ta' Jannar 2001 u l-aħħar ta' Settembru 2001 fil-Ministeru li jaqa taħt ir-responsabbilita tiegħek? Kemm min dan l-infieq kien fuq safar relatat mal-applikazzjoni ta' Malta biex issir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropeja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-total ta` nfieq f`safar li sar mill-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħti fil-perjodu msemmi mill-Onor. Membru kien ta` Lm14478, li minnhom Lm2791 kien infieq fuq safar relatat ma` l-applikazzjoni ta` Malta biex issir membru sħiħ ta` l-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jagħtini lista taż-żiedet fit-tariffi kemm permezz ta avviżi legali kif wkoll mhux permezz ta' dawn, li l-Gvern introduċa minn Novembru 2000 sal-lum, inklużi xi korporazzjonijiet jew awtoritajiet/instituzzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? F'dawn il-każi tistax tindika kif kienu it-tariffi qabel dik id-data u kif saru illum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma kienx hemm żidiet fit-tariffi ħlief għaż-żieda ta' tariffa għat-trasferimenti ta' bastimenti żgħar kif ippubblikat b'avviż legali Nru. 129 ta' l-2001.
Jista' l-Ministru jinforma l-kamra jekk kemm l-darba l-ġebel ta' rinforz li tqedu ġewwa Ancient Str, Birgu sarux taħt is-sorveljenza tad-Dipartiment tat-Toroq u jekk iva, jistax jinforma l-kamra jekk huwiex possibbli li dawn jitneħħew billi qegħdin jagħlqu l-aċċess għall-pubbliku u l-użu tal-karozzi tar-residenti tal-akkwati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-blokki msemmija mill-Onor. Interpellant tqiegħdu mid-Diviżjoni tax-Xogħolijiet mill-Ministeru għall-Ambjent minħabba periklu strutturali li kien hemm fil-bini ta` l-inħawi.
Għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.