Jista' l-Ministru jgħid kemm inġibdu films parzjalment/totalment f' pajjiżna sena b' sena f' dawn l-aħħar 10 snin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li statistika dwar produzzjonijiet awdjoviżivi barranin li jinħadmu f'pajjiżna bdiet tinżamm mill-kummissarju tal-films mis-sena l-oħra.
Għaldaqstant it-total approssimattiv ta' films minn produtturi barranin li nġibdu f'Malta bejn l-1991 u l-1999 kien ta' ħdax. Fl-istess perjodu inġibdu erba' sensiliet għat-televiżjoni u ħdax-il reklam barrani. Matul is-sena 2000 f'pajjiżna nġibdu ħames films, żewġ sensiliet għat-televiżjoni u ħames riklami.
Jista' l-Ministru jgħid x' inhi r-raġuni li l-ammont ta' bozoz fil-Coastline, Salini li għadhom kif ġew installati u inawgurati mhumiex jixegħlu?
Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex dawn il-bozoz jinxtgħalu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-bozoz li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Membru, qiegħdin jiġu nvestigati biex tiġi stabbilita' l-problema teknika li żviluppat fihom. Qiegħed isir kull sforz biex id-dawl f'din it-triq jiġi għan-normal.
Jista' l-Ministru jgħid x' inhi r-raġuni illi l-Enemalta Corporation qed iddum ix-xhur biex tripprovdi meters tad-dawl lil dawk l-għandhom bżonn dan is-servizz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li d-dewmien imsemmi huwa kagunat prinċipalment minħabba materjal li ilu ordnat u li ħa aktar milli kien mistenni biex jidħol Malta.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 28426, jista' l-Ministru jgħid xi flus qiegħed iddaħħal l-Institute of Water Technology għall-użu tal-faċilitajiet tiegħu minn kumpanniji privati?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-flus li jdaħħal l-Institute of Water Technology mill-faċilitajiet provduti lill-kumpaniji privati jiddependi minn numru ta' fatturi bħan-nnumru u daqs tal-lecture/training rooms, it-tul ta' użu u l-apparat jew support services meħtieġa.
Ir-rati li japplikaw għal kull ġurnata ta' użu huma dawn:
Workstation - Lm5; kamra li tesa' 15-il persuna - bejn Lm10 u Lm15; kamra li tesa' bejn 20 u 25 persuna - bejn Lm15 u Lm20; kamra li tesa' bejn 30 u 35 persuna - bejn Lm30 u Lm40 u kamra li tesa' 150 persuna - bejn Lm50 u Lm60.
Il-ħlas għal faċilitajiet bħal secretarial support services, photocopying u użu ta' apparat isir ħlas separat għalihom.
Fl-aħħar nett ta' min jgħid li l-proċedura li juża l-Institute of Water Technology biex tikri dawn il-faċilitajiet hija l-istess bħal dik li kienet tintuża meta l-Onorevoli Interpellant kien il-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-servizzi tal-bars u l-catering b'mod ġenerali li hemm fuq kull vapur tal-Gozo Channel humiex qegħdin jitmexxaw mill-Gozo Channel jew mill-privat?
Il-ħaddiema li hemm jaħdmu f'din is-sezzjoni huma mal-Gozo Channel jew mal-privat? Kemm huwa n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu f'din is-sezzjoni u x'inhuma l-kundizzjonijiet ta' l-impjeig tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul is-sena 2000 il-Kumpanija Gozo Channel ħadet f'idejha l-bejgħ li jsir mill-bars li hemm fuq il-vapuri tagħha. Dan il-pass ittieħed sabiex il-Kumpanija tiżgura ruħha li s-servizz jitjieb, jintlaħqu l-istandards mixtieqa u jkun hemm aktar kontroll. Fil-fatt il-kuntrattur privat għadu jforni l-barijiet bil-provvisti meħtieġa kif ukoll hija fir-responsabbilta' tiegħu li jżomm store fuq l-art u jagħmel il-kunsinni lill-vapuri skond l-esiġenzi tal-Kumpanija. Il-prezzijiet ta' l-oġġetti provduti jiġu negozjati mill-Gozo Channel direttament mal-fornitur.
L-impjegati tal-barijiet kollha huma tal-kuntrattur privat li min-naħa tiegħu jissuplixxi n-nies fuq il-vapuri tal-Kumpanija skond l-esigenzi tas-servizz. Għaldaqstant dawn l-impjegati jaqgħu direttament fir-responsabbilta' ta' min jimpjeghom.
Tajjeb jingħad li ladarba dawn l-impjegati jkunu fuq il-vapuri, jiġu utilizzati f'emergency drills skond is-Safety Managemenrt System tal-Gozo Channel. Għal dan il-għan dawn l-impjegati qed jiġu mħarrġa f'basic skills li jinkludu sea-survival, first-aid and fire-fighting.
Jista' l-Ministru jara li l-bozza pubblikali qiegħda quddiem id-dar Emerald, Dar Saveria Bianco Street Baħrija titranġa peress li ilha bil-ħsara għal diversi ġimgħat minkejja li ġiet rappurtatha diversi drabi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq il-bozza li qed issir riferenza għaliha saret.
Jista' l-Ministru jgħid b' riferenza għar-risposta ta' mistoqsija numru 28545 x' tip ta' passi legali ttieħdu u f' liema stadju waslu fil-każ tal-persuna imsemmija?
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet, l-awtoritajiet, l-kummissjonijiet mwaqqfa mill-gvern? X' inhu n-numru ta' nisa u ta' rġiel li huma membri ta' dawn il-bordijiet, awtoritajiet u kummissjonijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid f' liema stadju waslet il-kawża li għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma kontra individwu li ġie akkużżat li tefgħa żejt maħruq f' borehole u li niġġes il-galleries f' Ta' Kandja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-kawża quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta' Malta bħala Qorti ta' Ġudikatura Kriminali ġiet deċiża fit-3 ta' Diċembru 1999. Barra minn dan il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tieħu l-passi legali neċessarji sabiex tirkupra d-danni li sofriet.
Jista' l-Ministru jgħid filwaqt li huwa nnotat li l-Ministeru approva l-estensjoni tad-dawl fil-parti ta' Vjal il-Ħaddiem, Rabat li tinsab fil-qasam tad-djar ta' Għajn Qajjed, Rabat, jista' jara li l-arbli jinxtelu immedjatament issa li l-ġurnata bdiet tidlam kmieni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li x-xogħolijiet meħtieġa biex jitlesta l-proġett fil-Vjal imsemmi mistennija li jitlestew sa nofs dan ix-xahar.
Jista' l-Ministru jara li tissolva l-problema fil-wiring tat-telefon li qed tilmenta minnha l-anzjana li l-partikolaritajiet tagħha jidhru separatament peress li ilha żmien issofri inkonvenjent?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li għamlet il-Maltacom irriżulta li ma hemm ebda problema fil-wiring tat-telefon tal-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.
Din il-persuna tinsab imħassba dwar kontijiet pendenti tat-telefon għax tħoss li mhumiex ġustifikati. Il-Kumpanija qed tinvestiga dan l-ilment.
Jista' l-Ministru jinrrispondi mistoqsija nru. 28242?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li hija l-policy ta' l-Institute of Water Technology li tutilizza l-faċilitajiet kollha tagħha jekk jista' jkun għal erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Għalhekk meta l-faċilitajiet ma jkunux qed jintużaw mill-Istitut, dawn jinkrew lis-settur privat u l-flus li jdaħħal l-Istitut jinvestihom f'faċilitajiet u taħriġ għall-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Xi drabi l-faċilitajiet jiġu mikrija għal siegħa, nofs ta' nhar jew għal perjodu itwal. Il-kiri jsir skond iċ-ċirkustanzi u l-interessi ta' l-Istitut.
Fil-preżent il-faċilitajiet qed jintużaw għal perjodu relattivament twal kemm mill-kumpanija Playmobil (Brandstatter Malta) kif ukoll mill-Institute of Health and Safety sabiex jitħarrġu ħaddiema Maltin. L-istitut jagħmel sforzi kbar biex jattira dan it-tip ta' xogħol biex b'hekk isir l-akbar u l-aħjar użu mill-investiment tiegħu. L-Istitut jieħu gost jekk hemm aktar kumpaniji privati li lesti jagħmlu użu mill-faċilitajiet tiegħu.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija nru. 28063?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm ħaddiem wieħed impjegat bħala fattiga fuq bażi part-time mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma (inkluż l-I.W.T.).
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija nru. 28061?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul is-sena kurrenti ġew impjegati ħames ħaddiema b'kuntratt u ħaddiem fuq bażi part-time mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, inkluż l-Institute of Water Technology.
Il-ħaddiem fuq bażi part-time kien impjegat bħala fattiga u l-ħaddiema b'kuntratt kienu mpjegati wieħed bħala Kontrollur Finanzjarju, wieħed bħala Manager Servizzi Korporattivi, wieħed bħala Assistant Uffiċjal u tnejn bħala Uffiċjal Proġetti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet lil poplu Malti u/jew lil Freeport il-Malta Gantry? b) Kemm ħadmu Maltin mal-Malta Gantry c) Xi profitti għamlet il-Malta Gantry kull sena għall-dawn l-aħħar sitt snin?