Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għassa tas-Swieqi – żieda fil-pulizija assenjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jżid in-numru tal-pulizija assenjati fl-għassa tas-Swieqi għal waqt ix-xhur tas-sajf? Jekk iva, b’kemm beħsiebu jżidhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill Onor. Interpellanta li l-compliment tal-Pulizija f’kull għassa u sezzjoni jiġi studjat regolarment u l-uffiċċjali jiġu assenjati skond il-ħtieġa speċjalment meta jsir ingaġġ ġdid kif sar ftit taż-żmien ilu, fost posibilitajiet oħra. Għaldaqstant il-possibilita li jiżdiedu il-Pulizija fl-għassa tas-Swieqi tiġi mistħarġa meta jsir it-tqassim ta’ membri ġodda jew skond dak il-bżonn partikulari.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Inmates - spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa inmate fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin lill-Gvern fl-aħħar sena ras għal ras?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar sena, kuljum, kull inmate jiswa lil Gvern €54.

Korp tal-Pulizija –eks Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jieħu l-Korp tal-Pulizija kontra l-eks Kummissarju tal-Pulizija wara li l-Kummissarju tad-Data kkonkluda li l-eks Kummissarju b’mod illegali kkopja partijiet mill-personal file tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u għadda dik il-kopja lil gazzetta lokali? Jista’ jgħid x’inhi r-reazzjoni tiegħu għal dan l-aġir tal-eks Kummissarju tal-Pulizija liema aġir ġie definit mill-Kummissarju tad-Data bħala wieħed serju ħafna?

Response (ABELA, CARMELO)

Il-konklużjoni li wasal għaliha l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu m’hux l-istess waħda tal-Kummissarju tad-Data

Assistent Kummissarju — Korp tal-Pulizija

Question

B'referenza għar-risposta parlamentari 17250, jista' l-Ministru jgħid meta irtira (data) mill-Korp tal-Pulizija d-Deputat Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jikkonferma li hekk kif irtira mill-Korp, inħatar bħala konsulent? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid meta l-individwu nħatar bħala konsulent (data) u fuq xiex inħatar konsulent u kemm qiegħed jitħallas għal din il-kariga? Jista’ jgħid kemm hija d-differenza bejn il-paga li kien jirċievi l-individwu bħala Deputat Kummissarju u l-paga li qed jirċievi issa bħala konsulent? Jista’ jikkonferma li l-individwu, fil-kwalità tiegħu ta’ konsulent, għandu karozza u xufier għad-dispożizzjoni tiegħu? Jista’ jelenka l-perkaċċi u l-benefiċċji kollha li jgawdi l-individwu bħala konsulent?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-uffiċjal li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, irtira mill-Korp tal-Pulizija wara aktar min-disa u tletin (39) sena servizz, b’effett mil-1 ta’ Gunju 2015. Nikkonferma li mar-rizenja tiegħu nħatar bħala konsulent fuq materji tal-Pulizija u dan minħabba ir-rekord tajjeb u l-esperjenza tagħha f’diversi oqsma li jittrattaw lill-istess Korp tal-Pulizja. Il-Korp tal-Pulizija ħass li ma setax jitlef l-esperjenza vasta li għandu dan l-uffiċċjal fil-fora ewropeja in vista tal-presidenza li Malta se jkollha fl-2017, kif ukoll l-esperjenza li għandu fil-qasam tas-sigurta u immigrazzjoni, fost esperjenzi oħra. Ma hemm l-ebda differenza fis-salarju tiegħu bħala Konsulent minn dak li kellu bħala Deputat Kummissarju. Għar-rigward u l-benefiċċji li għandu, dawn huma identiċi għal dawk li kellu fil-Korp tal-Pulziija.

AFM — C Company u l-Ispecial Operations Unit

Question

B'referenza għar-risposti parlamentari 16104 u 17249, jista' l-Ministru jgħid x'se tkun id-differenza fix-xogħol bejn is-C Company u l-iSpecial Operations Unit li se titwaqqaf fi ħdan il-Forzi Armati ta' Malta? Jista' jgħid jekk il-personnel office tal-Forzi Armati ta' Malta għamilx studju ta' kif se jkun qed jaħdem dan il-unit il-ġdid? Jista' jgħid jekk hux se jingħata taħriġ apposta lill-membri li se jiġu magħżula f'dan il-unit il-ġdid? Jista' jgħid kif ġew/se jiġi magħżula l-membri l-ġodda li se jkunu qed iservu f'dan il-unit il-ġdid? Jista' jgħid min kienu jew se jkunu l-persuni fuq l-interviewing board li għażel/se jagħżel il-persuni li biex ikunu f'dan il-unit? Jista' jgħid jekk kienx hemm sejħa interna u x'kienu r-rekwiżiti biex wieħed seta' japplika biex jissieħeb f'dan il-unit il-ġdid?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma’ għandi xejn xi nżid mar-risposti tiegħi għall-mistoqsijiet parlamentari 16104 u 17249.

Nutara — atti li ma ġewx invistati

Question

Jista' l-Ministru jindika min huma dawk in-Nutara li l-atti tagħhom għadhom ma ġewx invistati mis-sena 1970 sal-lum u x'passi qegħdin jittieħdu biex dawn l-atti jinġabru?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Reġistru Pubbliku u Reġistru tal-Artijiet — riċerki

Question

Jista' l-Ministru jindika: (a) kemm, mill-1 ta' Jannar 2015 saru riċerki fir-Reġistru Pubbliku (b'mod normali, mhux fast track jew updates ) u fir-Reġistru tal-Artijiet; (b) x'persentaġġ minn dawn ħadu aktar miż-żmien li tagħti l-Liġi jew il-Quality Service Charter biex jitlestew u jaslu għall-ġbir minn Casa Bolino; u (c) x'inhi r-raġuni għal tali dewmien u x'miżuri konkreti u effettivi qed jittieħdu biex jinqata' dan id-dewmien?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-lum ġew ordnati 37,889 –il riċerka li jinkludu kemm il-Fast Tracks u kemm dawk li ġew ikkanċellati. Ma jeżisti l-ebda tracking biex inkunu nafu kemm huwa l-ammont globali tal-Fast Tracks u kemm minn dawk ir-riċerki ordnati ġew ikkanċellati. Sat-22 ta’ Mejju 2015 kien hemm 35,995 -il riċerka li kienet lesta biex tinġabar mill-Front Office. Fil-Land Registry section, sal-21 ta’ Mejju 2015 daħlu 6,573 talba għar-riċerka (for E’s). Ma jezisti l-ebda record tal-persentaġġ ta’ dawk li ħadu iktar zmien biex jitlestew dan minħabba illi r-ricerki huma kollha ikkontrollati minn programm partikoalri li joħroġ ir-riċerki b’mod kronologiku. Ir-raġuni principali għal dan id-dewmien hija ż-żieda fil-kwantità ta’ riċerki minħabba l-inċentivi li ħabbar l-Gvern f’dawn l-aħħar xhur. Id-dipartiment se jieħu l-passi neċessarji sabiex ikun hemm taħrig inkluż dak fl-IT għal-aktar persuni f’dan l-uffiċċju.

Diviżjonijiet tal-ħabs – spezzjonijiet ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet relatati ma’ droga fid-Diviżjonijiet tal-Ħabs bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, xahar b’xahar, b’mod separat? Jista’ jgħid jekk kienx hemm okkażjonijiet fejn anke intużat is-sezzjoni tal-klieb tal-Pulizija? Jista’ jgħid x’tip ta’ droga instabet? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu fejn kien il-każ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tabella t’hawn taħt turi kemm saru spezzjonijiet relatati ma’ droga fid-Divizjonijiet tal-Ħabs u x’tip ta’ droga nstabet. Kien hemm okkazzjonijiet fejn intuzat is-sezzjoni tal-klieb. Fuq kazijiet kollha fejn tinstab id-droga jiġu nfurmati l-pulizija u jittieħdu passi bil-qorti kontra kull min ikun involut. Xahar Numru ta’ spezzjonijiet Tip ta’ droga Jannar 177 Frar 261 Marzu 310 Heroin u ħaxixa April 255 Heroin u droga sintetika Mejju 292

Diviżjonijiet tal-ħabs – spezzjonijiet ta’ droga fuq viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet relatati ma’ droga fuq viżitaturi li daħlu l-ħabs bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, xahar b’xahar, b’mod separat? Jista’ jgħid kemm minn dawn l-ispezzjonijiet irriżultaw fil-pożittiv? Jista’ jgħid x’tip ta’ droga nstabet? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu fejn kien il-każ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Ħabs – testijiet dwar droga fuq l-istaff

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru testijiet relatati ma’ droga fil-ħabs fuq membri tal-istaff tal-istess ħabs bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid jekk kienx hemm każijiet fejn irriżultaw fil-pożittiv u x’passi jittieħdu f’dawn il-każijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju saru 70 urine test fuq uffiċjali tal-ħabs li kollha irrizultaw fin-negattiv.

Ħabs – testijiet dwar droga fuq priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru testijiet fuq priġunieri relatati ma’ droga fil-ħabs bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, xahar b’xahar, b’mod separat? Jista’ jgħid x’passi jittieħdu fil-każijiet li rriżultaw fil-pożittiv?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji qegħdin fit-tabella ta’ taħt. Kull min jirrizulta positive jew jirrifjuta li jagħti sample ta’ urine jittieħed 28 ġurnata remission, kif ukoll il-privileġġi jinqataw għal tliet xhur. Xahar Numru ta’ testijiet Jannar 118 Frar 124 Marzu 131 April 181 Mejju 156

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — persuni impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni impjegati ma' xi dipartiment jew kwalunkwe entità oħra li taqa' taħtu minn Marzu 2013? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu persuni uffiċjalment rikonoxxuti bħala persuni b'diżabilità?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara x’ jifhem eżatt b’persuni impjegati ma xi dipartiment jew kwalunkwe entita oħra.

San Pawl il-Baħar — rapporti ta' ġlidiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqisja parlamentari 16988, jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ta' liema nazzjonalità kienu l-persuni allegatament involuti fil-ġlidiet li hemm imsemmija fl-istess risposta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kolox kien hemm wieħed u ħamsin persuna nvoluti f’dawn il-ġlidiet. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija — kariga ta' CEO

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li tinħoloq il-kariga ta' CEO fil-Korp tal-Pulizija? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid jekk hux se jkun hemm sejħa pubblika biex jiġi magħżul is-CEO tal-Korp u x'se jkunu r-rekwiżiti biex wieħed jokkupa din il-kariga? Jista' jgħid jekk sarux studju ta' kif għandha titħaddem din il-funzjoni l-ġddia tas-CEO u kif se taħden in sintonia mal-poteri preżenti tal-Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija? Jista' jgħid jekk hemmx job description għall-pożizzjoni ta' CEP tal-Korp u meta din se tii ppublikata? Jista' jgħid ta' min se tkun l-aħħar kelma fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, jekk hux dik tal-Kummissarju tal-Pulizija jew hux tas-CEO tal-Korp? Jista' jgħid jekk il-liġi li tirregola l-Korp tal-Pulizija Kap 164 tridx tiġi emendata biex ikun jista' jinħatar is-CEO tal-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Iva u d-dettalji jingħataw aktar il-quddiem.

Korp tal-Pulizja — reinstatement ta' surġent

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament reġa' ġie reinstated fi ħdan il-Korp tal-Pulizija ftit wara l-elezzjoni ġenerali ta' Marzu 2013? Jista' jgħid meta eżatt ġie reinstated fil-Korp (data preċiża)? Jista' jgħid wara kemm żmien li kien ġie reinstated, ġie promoss għal Surġett Maġġur fi ħdan il-Korp tal-Pulizija? Jista' jgħid kemm dam jokkupa l-kariga ta' Surġet Maġġur u fejn kien stazzjonat meta kien qed jokkupa din il-kariga? Jista' jgħid kemm ilu li l-individwu irtira mill-Korp tal-Pulizija (data preċiża)? Jista' jikkonferma li issa li dan l-individwu irtira jekk hux qed jieħu pensjoni ta' surġent maġġur?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li dwaru ngħataw id-dettalji separatament kien ġie reinstated fil-Korp tal-Pulizija fid-19 ta’ Lulju, 2013 . Hu kien ġie reinstated fil-Korp fir-rank ta’ Surġent tmien snin wara li kien irtira mil-Korp, fis-17 ta’ Lulju 2005, fejn ġie stazzjonat fit-Taqsima ta’ Kontra Droga. Fil-15 ta’ Novembru 2013, huwa ġie promoss għall-kariga ta’ Surgent Maġġur tat-Tieni Klassi u fis-16 ta’ Novembru 2013 ġie stazzjonat fit-Taqsima ta’ l-Affarijiet Interni fi ħdan il-Korp. L-istess persuna rtira bil-pensjoni fir-Rank ta’ Maġġur tat-Tieni Klassi fis-16 ta’ Marzu, 2015, tlett xhur u nofs ilu.

Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data — multi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il multa weħel u x'kien l-ammont ta' dawn il-multi li weħel, il-Ministeru tiegħu mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data fl-2014 u fl-2015 dwar nuqqas ta' ottemperanza ma' xi ordni tad-Data Commissioner? F'kull każ, x'kienet l-ordni tad-Data Commissioner li ġabet magħha l-impożizzjoni ta' multa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali weħel żewġ multi fil-2015 li huma ta’ €250 u €1,250 rispettivament. L-ordnijiet li ngħataw mill-Kummisarju tal-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data kienu marbuta ma’ pubblikazzjoni ta’ rapport. Ir-rapport ingħata fit 12 ta’Mejju.

Korp tal-Pulizija – pulizija li rtiraw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pulizija rtira mill-Korp tal-Pulizija f’kull perjodu li dam kull kummissarju tal-pulizija (inkluż kemm ilu l-Kummissarju preżenti) minn meta kien hemm l-ewwel bidla fil-kariga ta’ kummissarju tal-pulizija fl-2013?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ Pulizija li rtiraw wara 25 servizz u/jew bl-eta’, minn meta kien hemm l-ewwel bidla fil-kariga ta’ Kummissarju mill-2013 ‘l hawn kienu hekk: 1. Kummissarju Peter Paul Zammit : 72 2. Aġent Kummissarju Raymond Zammit : 15 3. Kummissarju Michael Cassar : 38

Ir-Rabat – Area Tas-Salib – inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inċident tat-traffiku sar fl-area magħrufa Tas-Salib, limiti tar-Rabat (fejn l-ex-fabbrika tal-mushrooms) bejn l-1 ta’ Mejju 2015 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fl-assenza tal-isem tat-triq relatata mat-talba tal-interpellant, ma kienetx possibli li tiġi identifikata fl-area msemmija, minħabba li din l-area hi f’żona rurali. Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tkun aktar speċifika għal liema triq qed tirreferi.

Individual Investor Programme (IIP)- applikazzjonijiet irrifjutati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet tal-Individual Investor Programme (IIP) ġew irrifjutati u fuq liema bażi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont t’applikazzjonijiet irrifjutati minħabba li ma laħqux il-kriterji stipulati jammonta għal-sittax.

SWAT Team — taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed jagħti t-taħriġ meħtieġ tal-SWAT team? Jista' jagħti garanzija li l-iSWAT team li se jitwaqqad jew li twaqqaf hux se jkun fully functional saċ-CHOGM ta' Novembru li ġej? Jista' jgħid jekk il-membri li se jkunu fl-iSWAT team hux se jkunu assenjati xogħol ieħor apparti li se jkunu qed jagħmlu dan ix-xogħol partikolari? Jista' jgħid kif se jkun qed jaħdem (ix-xift) l-iSWAT team il-ġdid u fejn se jkun stazzjonat? Jista' jgħid jekk inxtarax appart ġdid biex ikun jista' jaħdem l-iSWAT team il-ġdid u kemm ġie jiswa? Jista' jgħid x'apparat ġdid inxtara?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.