Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' rziezet tal-majjal li huma reġistrati f'Malta u f'Għawdex? Kemm hu n-numru ta' rziezet, lokalità lokalità, f'Malta u f'Għawdex?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, bħalissa bejn Malta u Għawdex hemm 106 razzett tal-majjal li huma attivi, u 39 oħra li m’humiex attivi. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bin-numru ta’ rziezet lokalita` b’ lokalita`.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ġewx konklużi d-diskussjonijiet dwar il-binja ta' biċċerija tal-fniek? Jekk iva, fejn hu mistenni li tinbena, u minn min? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux ser ikun hemm għajnuna finanzjarja għall-bini ta' din il-biċċerija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-futur mhux il-bogħod ser tinħareġ sejħa għall-offerti taħt l-Att Dwar it-Trasferiment tal-Artijiet sabiex il-biċċerija tal-Gvern li hemm biswit il-biċċerija fil-Marsa tkun tista’ tiġi żviluppata bħala biċċerija tal-fniek. Il-proċess ħa jkun wieħed kompetittiv u mhux ser ikun hemm għajnuna finanzjarja mill-Gvern. Min jirbaħ is-sejħa għall-offerti jkollu l-fakulta` kollha li japplika għall-fondi taħt skemi ta’ għajnuna skont kif jista’ jkun applikabbli u jekk iħoss li jkun eliġibbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn civic amenity sites u fejn jinsabu? Jista' jgħid x’kien l-ammont ta’ skart li ttieħed fis-civic amenity sites minn kemm ilhom miftuħa sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sit b’sit b’mod separat? Jista’ jgħid x’tip ta’ skart ittieħed u x’kien l-ammont b’mod separat, sena b’sena?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kif ikkonfermawli l-WasteServ, bħalissa għandna ħames Civic Amenity Sites (CA Sites) li dawn jinsabu f’dawn il-lokalitajiet kif ġej:
1. Mrieħel CA site, fiċ-ċentru tal-Mrieħel Industrial Estate.
2. Ħal Far CA site, fi Triq Ħal Far, viċin il-Head Office tal-ETC.
3. Luqa CA site, ftit il-barra mill-Marsa Industrial Estate.
4. Magħtab (Żwejra) CA site, qabel ma tidhol fil-Magħtab Environment Complex.
5. Tal-Kus CA site, ix-Xewkija, viċin il-heliport ta’ Għawdex.
Rigward il-kumplament tal-mistoqsija, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' baqar tal-ħalib li għandna reġistrati mad-dipartiment ikkonċernat, fi ħdan il-Ministeru? Fejn jinsabu l-farms li huma reġistrati bħala rziezet tal-baqar, lokalità lokalità?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ baqar tal-ħalib irreġistrati f’ Malta u Għawdex mad-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji huwa ta’ 6,981. Qed inqiegħed Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bin-numru ta’ rziezet tal-baqar tal-ħalib lokalità b’ lokalità.
Dipartiment tal-Agrikoltura — bdiewa reġistrati bħala full timers
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm bdiewa reġistrati bħala full time mad-dipartiment tal-Agrikoltura, lokalità lokalità? Kemm minn dawn, f'kull każ, huma nisa, u kif inhuma mifruxa lokalità, lokalità, dawn il-persuni li huma reġistrati bħala full timers?
Response (BRINCAT, LEO)
Peress li r-reġistrar tax-xogħol inkluż tal-full-time farmers, jinżamm mill-ETC, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-program ta' xogħol marbut mar-rilokazzjoni tal-irziezet tal-baqar għall-inħawi tas-Siġġiewi? Meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol marbut ma' din ir-rilokazzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett ta’ rilokazzjoni tal-irziezet tal-baqar kien ilu jiġi diskuss mill-amministrazzjoni preċedenti sa mill-anqas fis-sena 2006 u kien lura fit-12 ta’ Diċembru 2006 li l-applikazzjoni ddaħħlet il-MEPA (PA/07823/06). Fit-8 ta’ Marzu 2013, ġurnata qabel l-elezzjoni ġenerali, id-Development Planning Application endorsja r-rapport tal-Case Officer u ġiet iffissata l-10 ta’ Lulju 2014 biex l-applikazzjoni tiġi diskussa mill-Bord tal-MEPA.
Fl-10 ta’ Lulju 2014 il-Bord tal-MEPA approva l-
Outline Development Permission
u ppublikat id-deċiżjoni tagħha fis-7 t’Awwissu 2014. Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-5 ta’ Settembru 2014 daħal Appell minn terzi (PAB/00155/14) u d-data għas-smiegħ tal-Appell ġiet iffissata għas-26 ta’ Frar 2015.
Għaldaqstant, jekk l-Onor. Interpellant jixtieq, jagħmel il-mistoqsija fi żmien propizju.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — żieda fil-fees of office
Question
In vista ta’ dak li ntqal mill-Ministru għall-Finanzi fid-diskors tal-Baġit f’paġna 14 li ‘Se jkun hemm żieda relattiva fil-fees of office mid-dipartimenti tal-Gvern”, jista’ l-Ministru jgħid liema fees of office ta’ dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu diġà għolew u liema huma dawk li huma mistennija li jogħlew matul is-sena 2015? F’kull każ, kemm kienet il-fee fis-sena 2014 u kemm hija issa jew se tkun wara li togħla?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, iż-żidiet relattivi fil-fees of office ta’ dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, kif ukoll id-data meta dawn se jidħlu fis-seħħ, jidhru fl-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ “ATT biex jimplimenta Miżuri tal-Estimi Finanzjarji għall-2015 u miżuri amministrattivi oħra”. Sadanittant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, Tabella A – Fees Ordinance, Tabella B – Skeda ta’ Tariffi qabel is-seħħ tal-Att u Tabella Ċ bit-tariffi riveduti. Tajjeb wieħed iżid li, bl-eċċezzjoni tad-dritt li jitħallas mal-ewwel ħruġ u ma’ kull tiġdid tal-liċenzja għall-produzzjoni kummerċjali ta’ żejt taż-żebbuġa, li ġie ntrodott għall-ewwel darba fl-2014, dawn il-fees of office kienu ilhom ma jiġu riveduti għal bosta snin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta bhejjem, ħajjin jew mejtin li ġew esportati minn Malta matul is-sena 2014, sa issa? Liema kienu dawn il-bhejjem li ġew esportati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, in-numru ta’ bhejjem ħajjin jew mejtin li ġew esportati minn Malta matul is-sena 2014 kien ta' 1187. Dawn il-bhejjem jikkonsistu f’majjal, żwiemel, bovini, mogħoż u nagħaġ. Ovvjament din il-figura ma tinkludix pajjiżi tal-UE.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu l-prodotti agrikoli li ġie awtorizzat li jiġu esportati minn Malta lejn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea? Kemm prodotti ġew esportati lejn dawn il-pajjiżi minn Malta? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar liema kienu l-prodotti li hu magħruf li ħarġu minn Malta għal swieq oħra tal-Unjoni Ewropea?
Response (BRINCAT, LEO)
L-Onor. Interpellant japrezza li t-terminu “prodott agrikolu” huwa vast ħafna u jikkomprendi fost oħrajn żrieragħ, pjanti, fjuri, frott, siġar, annimali ħajjin u mejtin u prodotti agrikoli maħduma jew iproċessati. Għaldaqstant l-Onor. Interpellant huwa mitlub li jkun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu. Infakkru ukoll li m’hemm l-ebda obbligu dirett li moviment ta’ prodotti agrikoli bejn membri tal-Unjoni Ewropea jiġi notifikat jew awtorizzat.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11300 li oriġinarjament saret fl-14 ta’ Ottubru 2014 u jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet fis-sena 2012, u fis-sena 2013, u kemm hu stmat li tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm siġar tal-palm inqatgħu matul din is-sena minħabba li kienu attakkati mill-bumunqar aħmar? Minn fejn inqatgħu u kemm kienu minn kull raħal? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk issa sarx possibli li palm jinqala' minn post u jitħawwel post ieħor? Jekk iva, x'inhi l-proċedura li trid tintuża għal dan il-għan?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari n-numru ta’ palm maqtugħ matul is-sena 2014 kien ta’ 474. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni li turi l-ammont ta’ palm maqlugħ lokalita` b’ lokalita`.
Ta min iżid li l-moviment ta’ siġar tal-palm isir skont Kapitlu 433, Att Dwar il-Kwarantina tal-Pjanti, 2001, liġijiet Sussidjari u linji gwida. Palm jista' jiġi maqlugħ u jiġi mħawwel biss fil-viċinanza immedjata biex ma jkunx hemm riskju ta' tixrid ta' mard. Il-prassi hi li wieħed għandu jikkuntattja lid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti biex jiġi evalwat kull każ.
Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji dwar kemm kienet iż-żieda li ngħatat Malta għal dak li jikkonċerna l-kwota ta’ tonn? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk din iż-żieda fil-kwota tqassmitx lis-sajjieda differenti, u jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar min kien responsabbli għat-tqassim tagħha? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm ilmenti dwar it-tqassim ta’ din il-kwota u x’passi ttieħdu dwar l-istess ilmenti jekk kien hemm?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, bħala riżultat tal-aħħar assemblea tal-ICCAT li saret f’Novembru li għadda, il-kwota allokata lill-Malta żdiedet b’ 28,880 kilogramma għas-sena 2015. Fid-dawl ta’ konsultazzjoni u taħdidiet li saru maż-żewġ Koperattivi rappreżentanti tas-sajjieda, intlaħaq ftehim li kull wieħed mit-tlieta u sittin (63) sajjied li huma awtorizzati li jistadu għat-tonn, se tiżdiedlu l-kwota b’sehem ugwali fuq il-kwota bażika tiegħu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kkonkludiex id-diskussjonijiet mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura biex il-Park tas-Salina jgħaddi taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima? Jekk iva, meta hu mistenni li dawn l-inħawi jgħaddu taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima?
Response (BRINCAT, LEO)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Park tas-Salina bħala park diġa jaqa’ taħt il-Ministeru tieġħi. Dan iżda jeskludi s-Salini tal-melħ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru ressaqx xi proposti partikulari ġodda, għal dak li jikkonċerna l-policy tal-MEPA għal fish farms? Jekk iva, meta saru dawn ir-rakkomandazzjonijiet, u x'kienu? Jista' jqiegħed kopja ta' dawn il-proposti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-Ministeru ma ressaq l-ebda proposti jew rakkomandazzjonijiet ġodda li tikkonċerna l-policy tal-MEPA rigward il-fish farms.
B ‘referenza għal dak li ħabbar fi stqarrija maħruġa permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni fid-29 ta’ Diċembru li għadda (PR 143014), jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-estensjoni msemmija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tal-estensjoni msemmija.
Wild Birds Regulations Unit – ingaġġ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kwalifiki akkademiċi tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li ġie ingaġġat mal-Wild Birds Regulations Unit fi ħdan il-Ministeru tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jien infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament, fil-fatt għandha Master of Science Degree fil-Konservazzjoni u l-Maniġment tal-Biodiversita` mill-Universita` ta’ Londra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li opri tal-baħar ta' taħt it-tmien metri li huma rreġistrati MFA u MFB jibdew jittellgħu fuq l-art fuq il-hard standing ta' Marsaxlokk? Se jkun hemm xi tip ta' ħlas mis-sajjieda għal dan is-servizz? Jekk fl-affermattiv, kemm se jkun dan il-ħlas?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-bastimenti tas-sajd ta’ taħt it-tmien metri li huma rreġistrati fil-kategoriji MFA u MFB minn dejjem kellhom il-faċilita` li jittellgħu fuq l-art fuq il-hard standing ta’ Marsaxlokk. Ir-rati tal-ħlas li ilhom stabbiliti minn meta nfetħet din il-faċilita` jkopru ukoll il-kategoriji msemmija.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – Customer care – ilmenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-iktar ħames ilmenti frekwenti li ġew irreġistrati fis-sistema jew sistemi li tuża mill-customer care tal-Ministeru tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-iktar ilmenti frekwenti rreġistrati mill-customer care tal-Ministeru tiegħi jikkonċernaw il-kumpanija WasteServ, fosthom nies tal-kuntrattur biex isiru tal-post, nuqqas ta’ tagħrif xieraq dwar l-użu tal-bring-in sites u is-C.A sites u nuqqasijiet dwar skart miġbur mill-Kunsilli Lokali; il-Park Ta’ Qali; suġġerimenti fuq il-Family Park ta’ Wied il-Għajn; l-afforestrazzjoni u s-separazzjoni (id-de-merger) tal-MEPA.
Għandi ngħid li ħafna drabi l-ilmenti li jaslu l-Ministeru jikkonċernaw
issues
mhux relatati mal-Ministeru, bħal żamma tal-indafa tat-toroq, abbużi mis-siġar, il-ħtieġa ta’ nfurzar effettiv tal-liġijiet ambjentali mir-regolatur, tniġġiż tal-ħsejjes, irwejjaħ, indafa tax-xtajtiet pubbliċi, u allegazzjonijiet ta’ binjiet mingħajr il-permessi meħtieġa.
Ġieli jitressqu quddiemna każi ta’ nies li jaħdmu mal-Gvern u fis-settur pubbliku li jallegaw inġustizzji li sarulhom fuq il-post tax-xogħol tagħhom taħt l-amministrazzjoni preċedenti. F’dan il-każ nirreferuwhom għall-istrutturi eżistenti sabiex iressqu l-każi dwar l-allegati inġustizzji, ħalli jittieħdu u jsegwu l-proċessi normali stabbiliti mill-Gvern.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — periti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux periti impjegati miegħu jew ma’ xi aġenzija oħra li jagħu taħtu? Jekk iva, kemm hu n-numru ta’ periti li jaqgħu taħt dan l-istess Ministeru?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti n-numru ta’ periti li huma impjegati fil-Ministeru tiegħi huwa ta’ disgħa. Wieħed minn dawn huwa impjegat fid-Direttorat tal-Parks u l-ieħor fil-Biċċerija Pubblika, filwaqt li s-sebgħa l-oħra jaqdu d-dmirijiet tagħhom fil-kumpanija WasteServ Malta Ltd.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — taxxi, tariffi jew miżati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu), mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012? Jista’ jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli bl-informazzjoni mitluba, miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Permanenti. F’Tabella A jidhru taxxi, tariffi jew miżati relatati ma’ servizzi mogħtija mid-Dipartiment għall-Iżvilupp Rurali u d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura u li ġew introdotti u/jew riveduti fis-snin imsemmija. Sadanittant, fid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti, permezz tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 433.01, fl-2010 iddaħħlu drittijiet li jitħallsu għall-kwarantina ta’ pjanti. Kopja tal-Avviż Legali qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra separatament bħala Tabella B. Mill-2010 sa issa ma kienx hemm tibdil f’dawn il-miżati. Tabella Ċ turi taxxi, tariffi jew miżati relatati ma’ servizzi offruti mill-kumpanija WasteServ Malta.