Jista' l-Ministru jgħid kellux complaints rigward stray dogs fix-Shipbuilding tal-Marsa, jew kienx b'xi mod involt bħala l-ministru responsabbli mill-ambjent fuq din il-problema?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministru għall-Ambjent b'ebda mod ma kien involut f'din il-materja.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' restawr tat-Torri ta' San Tumas ġo Wied il-Għajn? Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti dan ix-xogħol u x'inhu ppjanat li jsir b'dan it-torri eventwalment?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li r-restawr tat-Torri ta' San Tumas hu maqsum f'erba' fażijiet. L-ewwel fażi hi kważi konkluża u kienet tikkonsisti fir-restawr tal-faċċata li tħares lejn in-Nofs in-Nhar. It-tieni fażi, dik tal-faċċata li tħares lejn il-Lvant, ser jinbeda x-xogħol fuqha dan ix-xahar. Għad iridu jsiru l-preparazzjonijiet meħtieġa għar-restawr taż-żewġ faċċati l-oħra iktar tard din is-sena.
Ix-xogħol jikkonsisti minn tiswija ta' ħsara fil-ġebel u bdil ta' travi u soqfa perikolużi fuq it-torrijiet.
Għadu ma ġiex identifikat użu għat-torri.
Jista' l-Ministru jgħid minn min tintuża l-karozza tal-gvern bin-numru li qed jintbagħat separatament? Għal-liema skopijiet u f'liema ħinijiet suppost tintuża?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ebda karozza tal-gvern m'għandha dak in-numru msemmi.
Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru 1998, liema kienu dawk l-areas li fihom saret tindifa tal-ħitan tas-sejjieħ minn tankijiet msadda u oġġett oħra, madwar Malta u Għawdex?
Kemm huwa stmat li tneħħew minn dan il-materjal?
X'qed isir minnu?
Kemm tressqu nies il-qorti jew ġew imħarrka għaliex ma neħħewx materjal bħal dan minn fuq il-ħitan tas-sejjiħ f'dan i-perjodu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li minn Settembru 1998 kien hemm diversi areas minn fejn tneħħew xi tankijiet imsadda u oġġetti oħra minn Malta. Pero' l-areas li spikkaw l-aktar kienu s-Siġġiewi, Mġarr, Kirkop, Iklin, Fgura u limiti ta' Raħal Ġdid/Luqa.
Huwa stmat li tneħħew madwar erba' mitt oġġett, l-aktar tankijiet imsadda. Dawn ġew mgħoddija lill-kuntrattur li qiegħed jgħaffiġhom bil-'compactor'.
Ma jirriżultax li tressqu nies il-Qorti jew ġew imħarrka għaliex ma neħħewx materjal bħal dan minn fuq il-ħitan tas-sejjieħ f'dan il-perjodu.
Fl-isfond tad-diżgrazzja li grat fiċ-Ċirkewwa, jista' l-Ministru jgħid kemm ittieħdu kampunji mis-Scientic Officer tad-Dipartiment tad-Drenaġġ matul dawn l-aħħar 13-il xahar biex jissorvelja għal perikli li huma esposti għalihom ħaddiema bħal dawk li diżgrazzjatament tilfu ħajjithom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li sa issa ma kienx fil-kompitu tas-'scientific officer' tad-Dipartiment tad-Drenaġġ li jagħmel xogħol ta' 'Health and Safety'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittieħdu passi legali f'dawn l-aħħar 13-il xahar kontra nies li jbattlu ċertu sustanzi fid-drenaġġ kontra l-liġi ta' l-1993?
X'passi qed jittieħdu kontra dawk il-lukandi jew stabbilimenti oħra li jitfgħu ilma mielaħ tal-baħar fid-drenaġġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Kull meta ġew identifikati xi abbużi, s-sid jew l-operatur ġie mġiegħel jirranġa n-nuqqas li kellu fi żmien raġonevoli u jekk dan ma setax isir l-operatur ingħata l-fakulta' li jidħol fi ftehim volontarju bl-avukat tiegħu fejn intrabat li jagħmel ix-xogħol meħtieġ fi żmien kif ġie miftiehem.
Dan id-Dipartiment ma joħroġ l-ebda permess biex jintuża l-ilma mielaħ tal-baħar bħala 'second class water'.
Biex tiġi evitata xi diżgrazzja minnn xi splużjoni ta' gass, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu jew qed jittieħdu matul l-aħħar sena, sabiex ma jiġix mormi skart perikoluż fil-Magħtab?
X'tip ta' sorveljanza qed issir biex materjal ta' dan it-tip ma jitremix hemm?
Kemm ittieħdu passi legali kontra nies li nqabdu jarmu skart tossiku, mħallat ma' skart ieħor mingħajr permess f'din il-miżbla, jew f'postijiet oħra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Fil-preżent, il-Magħtab hi s-sit fejn jintrema l-parti l-kbira ta' l-iskart perikoluż.
Produtturi ta' skart perikoluż jenħtieġu li jinfurmaw id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent b'dan. Dan id-Dipartiment jinforma d-Dipartiment li jopera l-Magħtab biex dan jieħu l-miżuri neċessarji skond il-każ.
Ma kienx hemm każi ta' persuni li nqabdu jħalltu skart tossiku ma' skart ieħor.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 2666, jista' l-Ministru jgħidilna fiex waslu x-xogħlijiet ta' drenaġġ u ta' surfacing fi Triq Andrea Debono, in-Naxxar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li wara li sar studju biex isir id-drenaġġ f'dawn l-inħawi nstab li din it-triq tifforma parti minn numru ta' toroq li s-sistema tad-drenaġġ tagħhom iridu jaqgħu ġo 'Pumping Station'.
Dan ifisser li din hija skema ta' 'extensions' ta' drenaġġ mhux normali. Rigward il-'Pumping Station', ittieħdu proċeduri biex tiġi esproprjata l-art fejn se ssir din il-pompa. Qegħdin jittieħdu passi wkoll biex tinħareġ offerta għal dawn l-estensjonijiet.
Rigward xogħol ta' 'surfacing' ta' l-istess triq, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f'pagi u f'allowances iċ-chairpersons, il-membri u l-kordinaturi tal-kumitati għar-riabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u Imdina f'dawn l-aħħar ħames snin (jew inkella minn meta ġew iffurmati fil-każ ta' dawk li m'ilhomx ħames snin)?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-unika persuna li titħallas huwa l-Kordinatur tal-Valletta Rehabilitation Project, Cottonera Rehabilitation Project u ta' l-Imdina Rehabilitation Project.
Din il-persuna tħallset hekk:
Sena Salarju Allowance
Lm Lm
---------------------------------------------- -----
1995 5,774.254 9.75
1996 5,822.998 26.00
1997 5,910.752 20.58
1998 5,798.004 220.00 (Inc. Bonuses & Collective Agreement)
1999 5,889.000 623.00 (Inc. Bonuses & Collective Agreement)
Jista' l-Ministru jgħid kemm tiswa biex tinbena kamra għal pompi tad-drenaġġ bis-sump u l-pompi nklużi? Xi kemm qed ikun il-konsum tad-dawl li jintuża f'kamra tad-drenaġġ bħal dik fuq imsemmija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Biex l-Onorevoli Interpellant ikun jaf kemm tiswa kamra għall-pompi tad-drenaġġ, bis-'sump' u l-pompi nklużi, jrid jagħti indikazzjoni ta' kemm trid tkun kbira din il-kamra u x'volum ta' drenaġġ trid tkopri. Mingħajr dawn id-dettalji, huwa mpossibbli biex wieħed joħroġ stima għax il-prezz jista' jvarja minn ftit eluf għal eluf kbar skond id-daqs tal-'pumping station'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li bejn is-16 ta' Settembru 1999 u l-4 ta' Jannar 2000 sar dan it-trasferiment mid-Dipartiment tad-Drenaġġ:
GRAD DATA TRASFERIT GĦAL RAĠUNI
-------------------------------------------------- ---------
Executive Officer 11.10.99 Education Division Talba personali
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti li l-kumitat għar-riabilitazzjoni ta' l-Imdina se jwettaq matul din is-sena finanzjarja? Kemm se jsir infiq fuq kull proġett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina, bħall-kumitati l-oħrajn, għadu mhux f'pożizzjoni li jqassam il-vot tiegħu peress li għad irid jiġi infurmat dwar il-pagamenti li ġew ipproċessati fis-sena finanzjarja li għaddiet. Il-programm ta' ħidma jipprevedi l-preparazzjoni ta' conservation u master plan, il-bidu ta' l-upgrading tas-servizzi biex jitpoġġew taħt l-art bi preparazzjoni għall-programm ta' pavimentazzjoni, jibda l-programm ta' tarmac barra s-swar, jibda r-restawr tal-Main Gate, jipprepara dak kollu neċessarju lejn soluzzjoni tal-problemi ta' Vilhena Palace, jibda s-sistema ta' dawl tas-swar, jibda r-restawr tal-Banca Guratale, jibda l-proġett ta' sistema ta' dawl intern, jibda jopera l-Historic Buildings Subsidy Schemes u jibda l-upgrading tal-foss.
Jista' l-Ministru jgħid kemm telgħu persuni għall-kaċċa barra minn Malta matul is-sena 1999? Jista' jgħid kemm ġabu għasafar lura magħhom għall-ibbalzmar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent la jikkontrolla u lanqas iżomm tagħrif fuq dawk li jmorru barra l-pajjiż għall-kaċċa. Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent jikkummenta fuq l-applikazzjonijiet għall-importazzjoni ta' annimali, jagħti parir u jiddentifika l-ispeċi ta' annimali, ħajjin jew mejtin, jew partijiet minnhom, li jiġu mportati.
Bħala regola, id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ma jżommx tagħrif fuq dawk l-annimali li jiġu mportati li l-ispeċi tagħhom mhix imħarsa bil-liġi Maltija. Dan it-tagħrif jinżamm minn Dipartiment ieħor. (Dipartiment tad-Dwana)
Dawk l-ispeċi ta' annimali kaċċabbli li huma mħarsa bil-liġi Maltija u li jiġu mportati wara li jkollhom l-approvazzjoni uffiċjali minn Dipartiment tal-Gvern tal-pajjiż minn fejn ikunu qed joriġinaw, jiġu mmarkati mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent u b'hekk dan jippermetti li l-pussess tagħhom ikun wieħed legali.
Matul l-1999 ġew impurtati għasafar mejta li kienu kkaċċjati kif jidher hawn taħt:
1) Mill-Eġittu: numru ta' ġlud ta' għasafar impurtati - 2178
2) Mir-Renju Unit: numru ta' ġlud ta' għasafar impurtati u mmarkati - 371
3) Mir-Russja: numru ta' ġlud ta' għasafar impurtati - 148.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li spiċċaw jaħdmu minn mad-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1998 u l-1999?
Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li matul l-1999 ġew trasferiti għal dipartimenti ta' ministeri oħra u xi grad kellhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
In-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li spiċċaw minn mad-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ambjent matul l-1998 u l-1999 huwa ta' 236 u 30 rispettivament.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13170 mogħtija mill-Prim Ministru.
Jista' l-Minstru jgħid kemm ingħataw transfers lill-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum?
Fejn intbagħtu l-ħaddiema li ġew transfered?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema li ġew trasferiti mid-Dipartiment tad-Drenaġġ mill-1 ta' Jannar 2000 sa llum huma dawn:
1 Watchman trasferit għall-Watchmen Section
1 Heavy Plant Driver trasferit għall-Manufacturing & Servicing Department
2 Motor Transport Drivers trasferiti għall-Manufacturing & Servicing
Department
4 General Hands trasferiti għall-Construction & Maintenance Department
Dawn it-trasferimenti saru b'effett mill-14 ta' Jannar 2000.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-periti u inġiniera li jaħdmu fuq il-masterplan tad-drenaġġ fi ħdan id-Dipartiment tad-Drenaġġ ġew trasferiti mill-uffiċċji tagħhom f'Pinto House għal Project House proprju meta nħatar direttur ġdid f'dan id-dipartiment?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi t-trasferiment li qed jirreferi għalih ma sarx minħabba li nħatar Direttur ġdid fid-Dipartiment tad-Drenaġġ. It-twettieq tal-Master Plan tad-Drenaġġ kien qiegħed jiġi ko-ordinat mid-Direttur Ġenerali tax-Xogħlijiet, u kienet diġa' nħasset il-ħtieġa qabel li dawk li kienu qed jaħdmu fuqha jkunu qrib l-uffiċċju tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi, mis-16 ta' Settembru 1999 sa l-4 ta' Jannar 2000, ingħataw tlieta u għoxrin (23) trasferiment. Persuna ġiet ittrasferita mid-Dipartiment ta' l-Indafa Pubblika għad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fuq it-talba tal-ħaddiem stess. Tnejn u għoxrin (22) oħra ġew ittrasferiti għall-'Unit għal Ambjent Nadif' fl-istess Ministeru għall-Ambjent. Dawn saru skond il-ħtieġa tad-Dipartiment. Jekk fil-futur isiru xi trasferimenti, dawn isiru skond in-neċessita' tad-Dipartiment jew ta' l-individwu.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija nurmu 13123, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jitħaddmu l-latrini ġodda fil-bajja ta' San Ġorġ f'Birġebbuġa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-latrini l-ġodda mistennija jibdew jitħaddmu fil-bidu ta' Marzu 2000.
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb l-inkonvenjent tal-persuna li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, peress li wara li saru xi xogħlijiet fit-triq issa qiegħed ikollha problemi ma' kull ħalba xita li tagħmel?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istudju dwar il-waste management li għadu kif tlesta? X'inhuma l-konklużjonijiet ta' dan l-istudju?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Dan l-istudju huwa mistenni li jkun pubblikat fi żmien qasir.