Jista' il-Ministru jaġġornana dwar il-pożizzjoni tal-Gvern Malti rigward il-GMO, issa li l-Kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea kkomunkat id-deċiżjoni tagħha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista’ l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema GMO qed jirreferi.
Jista'il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-prezz għall-kull qantar tal-patata esportat din is-sena naqas, paragunat ma' dak ta' snin preċedenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Peress li l-attività ta’ l-esportazzjoni hi llum liberalizzata, it-tweġiba għall-Mistoqsija ta’ l-Onor. Interpellant tista’ tingħata biss minn min jimporta l-patata minn Malta. Ta’ min iżid però li l-prezz din is-sena kien ferm għola meta pparagunat mal-prezz li nbiegħet il-patata għall-esportazzjoni fiż-żmien meta l-Onor. Interpellant kien Ministru ta’ l-Agrikoltura.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm ġie iġġenerat skart mill-industrija tal-bini din is-sena u s-sena l-oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Mir-rekords li jinżammu wieħed jista' jkun jaf kemm intużaw il-faċilitajiet ta' disponiment ta' skart li huma mmaniġġjati mill-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd. Dawn il-faċilitajiet jirċievu fihom ukoll skart li ma jkunx irreġistrat fuq il-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd għax ikunu saru arranġamenti diretti ma' l-operatur tal-Barriera. L-ammont ta' skart li ġie rreġistrat fuq il-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd matul is-sena 2004 kien ta' 2,177,861.23 tunellata.
L-ammont ta skart li huwa mistenni li jiġi rreġistrat matul din is-sena huwa ta’ madwar miljun tunnellata.
Jista' il-Ministru jinformana għaliex ma ġewx ivvotati fondi fl-estimi sabiex jitkompla l-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa bħala pjan għall-iżvilupp rurali ta' dan il-wied żdingat, mitluq u f'qagħda li jiġġarfu l-iskontri tiegħu f'każ ta' xi maltempata qalila?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qegħdin isiru diskussjonijiet ma’ l-Awtorità ta' l-Ambjent u Ippjanar ta' Malta (MEPA) u mad-dipartment tal-gvern relattiv għal tindif tal-widien sabiex Wied il-Qlejjgħa jkun inkluż fil-lista tal-proġett tat-tindif tal-widien, kif ukoll sabiex il-pjanijiet għall-immaniġġjar tal-widien ikunu aktar sensittivi lejn il-ħarsien ta' l-ambjent. Fost oħrajn, hemm qbil dwar il-ħtieġa li ssir distinzjoni aħjar bejn xogħlijiet ta' manutenzjoni u xogħlijiet oħrajn aktar drastiċi li jista' jkollhom impatt ħażin fuq l-ambjent, kif ukoll dwar il-ħtieġa li l-inġenji u l-metodi li jintużaw ikunu addattati għall-post u ma jwasslux biex jintilef il-karattru naturali tal-wied.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15154 u jgħid kemm kienet l-importazzjoni tal-laħam aħmar tal-baqra mill-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena inkluż l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-importazzjoni tal-laħam aħmar tal-baqra mill-Unjoni Ewropea kienet hekk kif jidher fit-tabella annessa hawn taħt :
Sena
Ammont
Kg
2000
5,593,848
2001
2,252,527
2002
4,608,059
2003
4,634,144
2004
3,401,134
2005 *
3,144,620
* Jannar - Settembru
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15155 u jgħid kemm kienet l-importazzjoni tal-laħam ta' l-għoġol mill-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena inkluż l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ma ssirx distinzjoni bejn laħam ta’ l-għoġol u laħam aħmar tal-baqra. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15374.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15156 u jgħid kemm kienet l-importazzjoni tal-laħam tal-ħaruf mill-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena inkluż l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-importazzjoni tal-laħam tal-ħaruf mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar ħames snin, sena b’sena kienet hekk kif jidher fit-tabella annessa hawn taħt :
Sena
Ammont
Kg
2000
140
2001
3,540
2002
734
2003
127
2004
2,270
2005 *
---
* Jannar - Settembru
Jista’ il-Ministru jgħid x'inhuma r-riżultati ta' dawn l-aħħar sentejn tal-monitoraġġ ta' l-arja daparti tal-MEPA, b'mod ġenerali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-moniteraġġ ta’ l-arja mmexxi mill-Pollution Prevention and Control Unit fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ilu għaddej għal bosta snin. Is-sommarju pprovdut f’dan id-dokument jitratta riżultati minn moniteraġġ li sar fl-2003 u 2004. Dan il-moniteraġġ jikkonsisti fid-‘diffusion tube network’ li jsir f’44 lokalità f’Malta u Għawdex, u ‘real time monitoring’ permezz ta l-air monitoring station fi Triq Sant’ Anna l-Furjana.
Dawn huma r-riżultati b’mod ġenerali:
· Il-kwalità ta’ l-arja f’Malta titqies bħala tajba għal moderata, b’livelli ta’ trab fin (PM10) u ‘sulphur dioxide’ li jridu jingħataw iżjed attenzjoni. L-effetti ta’ l-‘ozone’ fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq il-veġetazzjoni ukoll għandhom bżonn ta’ l-attenzjoni.
· Kien hemm tnaqqis sostanzjali fil-livelli tas-‘sulphur dioxide’ u ‘benzene’ fl-arja minn meta beda l-użu ta’ fuel ‘nadif’ fil-power stations (April 2004) u petrol bla ċomb (Jannar 2003) fis-settur tat-trasport.
· Il-kwalità ta’ l-arja f’toroq dojoq u traffikużi hija ta’ kwalità inferjuri f’toroq oħra fil-viċinanzi.
· Meta nikkunsidraw il-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna, xi livelli ta l-‘ozone’, ‘sulphur dioxide’ u trab fin (PM10) jistgħu jiġu mpurtati minn pajjiżi oħra, u dan jiddependi mill-meteoroloġija li f’każijiet tista’ tiffavurixxi dan il-proċess (long range transport)
· Studji inizjali jidentifikaw livelli kemmxejn għoljin ta’ trab fin, għalkemm iktar studju irid iseħħ f’dan ir-rigward, speċjalment fil-komponenti ta’ dan it-trab u sorsi possibbli.
· F’żoni partikolari hemm tendenza ta’ livelli għoljin ta ‘nitrogen oxides’ li jistgħu jiġu mnaqqsa b’użu sostenibbli fis-settur tat-trasport u konsum ta’ l-enerġija.
Iktar dettalji ta’ dan l-istudju li sar għal sentejn sħaħ ikunu nklużi fl-‘iState of the Environment Report 2005’ li se joħroġ aktar tard din is-sena.
Jista’ il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-enti jew dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea din is-sena, għal liema fondi applikaw u x'kien l-eżitu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-entitajiet, jew Dipartimenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent li applikaw għal xi forma ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea din is-sena kienu d-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura (3 proġetti taħt l-INTERREG, li wieħed ġie aċċetat), u żewġ proġetti (mill-WasteServ u mill-Parks Unit) ġew sottomessi lill-Awtorità Kompetenti Nazzjonali tal-programm LIFE (li qiegħed fi ħdan il-Ministeru tiegħi) u kienu mibgħuta lill-Kummissjoni. Dawn it-tnejn ma ġewx ikkunsidrati għall-għajnuna.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jinformana għaliex fil-biċċerija hemm kuntratturi jaħdmu fuq proġetti li mhumiex koperti mill-permessi tal-MEPA? Jista' jinformana għaliex qed tinkiser il-liġi f'dan ir-rigward?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jista l-Onor. Interpellant jispeċifika l-proġett, jew proġetti li qiegħed jirreferi għalihom?
Jista' il-Ministru jgħid x'qed tagħmel il-MEPA biex tara li l-fishfarms li hemm Delimara u/jew Wied il-Għajn qed jitħaddmu kif suppost? X'passi ttieħdu dan l-aħħar wara li kien hemm kwantita' ta' imsaren tat-tonn fil-baħar f'dawn l-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li xi kwantità ta’ msaren iddaħħlu mal-kurrenti f’Wied il-Għajn b’mod inċidentali. Dan ġara waqt il-qatla tat-tonn ta’ nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ Ottubru. Wara li l-imsaren inġabru f’dak li jissejjaħ jumbo bag biex jiġu pproċessati bħas-soltu, dan il-jumbo bag kien qed jiġi ttrasferit minn fuq barkun għal fuq dgħajsa oħra meta dan infaqagħlu l-qiegħ. Il-ħaddiema ġabru li setgħu, iżda minħabba l-baħar imqalleb ma setax jinġabar l-iskart kollu.
Ta’ min jinnota li wara li deher rapport fil-ġurnal 'It-Torċa' fuq dan l-inċident, il-Ministru bagħat komunikazzjoni lill-istess ġurnal iżda dan, sa llum għadu ma ppubblikax din l-informazzjoni.
Filwaqt li wieħed japprezza l-inkonvenjent ta’ inċident bħal dan, ta’ min igħid li l-proposta tal-Gvern biex il-farms kollha tat-tonn f’Malta jitpoġġew 6.3 kilometri ‘l barra mill-kosta għandha l-għan ewlieni li tkompli tnaqqas il-probabbiltà ta’ inċidenti bħal dan.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern dwar il-fishfarms? Jista' jgħid ukoll kemm hawn fishfarms f'Malta u Għawdex u ta' min huma? Meta nħareġ il-permess għal kull wieħed? Jista' jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti u jekk fl-affermattiv, f'isem min hija l-applikazzjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Politika tal-Gvern fil-qasam ta' l-akkwakultura ma nbidlitx. Il-produzzjoni ta' l-akkwakultura proprja għandha tiżdied mill-elf (1000) tunnellata li qegħda fil-preżent għal massimu ta' elfejn u ħames mitt (2500) tunnellata, possibbilment b'diversifikazzjoni ta' l-ispeċi. Il-Gvern għandu jibqa’ jagħti l-għajnuna kollha tiegħu biex jiġu żviluppati speċi ġodda. Kull fejn il-bioloġija tal-ħuta, u x-xjenza u t-teknoloġija tat-trobbija jippermettu, għandu jsir sforz biex t-trobbija ssir l-iktar ‘l barra minn xtutna possibbli biex hekk innaqqsu l-konflitt bejn is-setturi li jużaw il-kosta Maltija. F’dan is-sens il-Gvern qiegħed jipproponi li t-trobbija tat-tonn issir iktar ‘il barra minn xtutna, u għalhekk hemm proposta għal żvilupp ta’ żona ta’ l-akkwakultura 6.3 kilometri ‘il barra mill-Ponta ta’ Żonqor, Marsascala. Fil-futur ser tiġi proposta żona oħra fil-Majjistral ta’ Malta biex jiġu rilokati il-farms tat-trobbija tat-tonn tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Minħabba dan il-fatt, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m’għadhiex tilqa’ applikazzjonijiet għat-trobbija tal-ħut għaliex l-iżviluppatur ser ikun il-Gvern permezz tat-Taqsima għall-Konservazzjoni u l-Kontroll tas-Sajd. L-operaturi, b’hekk, japplikaw ma’ din it-Taqsima meta jkollhom l-intenzjoni li joperaw f’dan il-qasam.
F'Malta għandna żewġ (2) fishfarms fuq l-art li mhumiex joperaw; erba’ (4) fishfarms ta’ l-ispnott u l-awrat fil-baħar, li minnhom illum joperaw tnejn (2) biss; ħames (5) farms tat-tonn, li minnhom illum qed joperaw tlieta (3) biss.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra id-dettalji ta’ kull fishfarm separatament.
Jista' il-Ministru jgħid x'kontroll qed tagħmel il-MEPA biex tassigura li l-iżvilupp li qed isir fi Triq ir-Ramla, Wied il-Għajn qed isir skond il-permess maħruġ u li m'hemmx periklu li n-niċċa ta' San Spiridjun u l-ħarruba ta' maġenbu mhux se jispiċċaw minn hemm bla ħsieb ta' xejn minħabba l-iżvilupp li qed isir?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) qed timmonitorja l-iżvilupp imsemmi mill-Onor. Interpellant. Jirriżulta li l-kundizzjoni tal-permess ta' dan l-iżvilupp jissalvagwardja kemm in-niċċa kif ukoll is-siġra tal-ħarrub li hemm fil-viċin.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati tjur mal-kunsilli lokali, x'tip kienu u f'liema lokalita'? Liema huma kkonsidrati bħala għasafar eżotiċi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-pubbliku irreġistra tjur, għasafar, papri etc f'kull lokalità f'Malta u Għawdex. F'Malta kien hawn 4,953 persuna li irreġistraw it-tjur tagħhom. Filwaqt li f'Għawdex kien hemm 1,847. It-tipi ta’ għasafar li ġew irreġistrati kienu varji u kienu jinkludu għasafar ta' l-għana, wiżż, tiġieġ, ħamiem, summien, fancy poultry etc. Il-klassifikazzjoni tagħhom għadha qed issir. Ir-reġistrazzjoni li saret fil-kunsilli lokali ma kienetx tinkludi lil dawk li huma reġistrati mad-dipartiment bħala registered breeders.
Jista' il-Ministru jara li jirtira t-talba tal-gvern quddiem il-MEPA sabiex fuq raba' għammiel u produttiv f'Ta' Qali jiġi żviluppat ċentru għall-klieb? Billi r-raba' hija sors ukoll ta' ikel għall-bniedem u għat-tjur u l-istess annimali, jista' il-Ministru jara li jinstab sit ieħor għall-iżvilupp ta' ċentru tal-klieb?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-outline application PA 7356/04 minn l-SPCA (Society for Protection and Care of Animals) fuq art tal-Gvern ġiet ikkunsidrata favorevolment mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp nhar it-tnejn 31 ta' Ottubru 2005 wara li ġiet diskussa fil-laqgħa preċedenti tal-11 ta' Ottubru 2005. Il-proposta hija konformi mal-Pjan t’Azzjoni għal Ta' Qali, li kien approvat fi Frar 2000.
Nittama li l-Onor. Membru jifhem li mhux faċli li ssib art adegwata għal Ċentru għall-Annimali li jkun ‘l bogħod mill-abitat.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15152 u jgħid kemm kienet l-importazzjoni tal-laħam tal-ħaruf mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena inkluż l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-importazzjoni tal-laħam tal-ħaruf mill-pajjiżi li mhumiex membri ta’ l-Unjoni Ewropea (Third Countries) kienet kif jidher hawn taħt :
Sena
Ammont
ta’
Metric Tons
2001
897
2002
577
2003
413
2004 **
645
2005 *
390
* Jannar - Settembru
** Jannar - Frar 69 MT
Marzu - Diċembru 576 MT
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15151 u jgħid kemm kienet l-importazzjoni tal-laħam ta' l-għoġol mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena inkluż l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li d-database ma jisseparax il-cuts imma jiġi rreġistrat biss it-tip ta' laħam. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15328.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15150 u jgħid kemm kienet l-importazzjoni tal-laħam aħmar tal-baqra mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-Unjoni Ewropea matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena inkluż l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-importazzjoni tal-laħam taċ-ċanga mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-Unjoni Ewropea kienet hekk kif jidher fit-tabella hawn taħt :
Sena
Laħam taċ-Ċanga
Metric Tons
2001
1152
2002
1211
2003
1484
2004**
2238
2005*
433
* 2005 - Jannar - Settembru
** 2004 - Jannar - Frar = 13
metric tons
Marzu - Diċembru = 2,225
metric tons
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa li applikaw għall-għajnuna sabiex jirċievu fondi għar-riabilitazzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li b’kollox hemm 1,270 persuna li bbenefikat. Dawn kienu maqsumin kif ġej : tmenin (80) benefiċjarji li ħadu għajnuna dwar riabilitazzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ mill-iskema li saret qaqbel is-sħubija mal-Unjoni Ewropea. Kien hemm seba’ mija u disgħa u ħamsin (759) benefiċjarji oħra għas-sejħa għall-applikazzjoni għas-skema għar-restawr ta' ħitan tas-sejjieħ ta' lqugħ li saret fis-sena 2004, u erba’ mija u wieħed u tletin (431) applikanti oħra għas-sejħa li saret fis-sena 2005.