Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sta Venera — Industrial Space

Question

Jista' il-Ministru jagħti tagħrif dwar proprjeta' li għandha mikrija bħala industrial space l-ME/MIP Sta Venera? Xi spazju hu okkupat għall-industrija? Xi kwalita' ta' xogħol jagħmlu u x'inhu l-ħlas ta' kera fis-sena għal kull waħda?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 17933.

Marsa — Industrial Space

Question

Jista' il-Ministru jagħti tagħrif dwar proprjeta' li għandha mikrija bħala industrial space l-ME/MIP il-Marsa? Xi spazju hu okkupat għall-industrija? Xi kwalita' ta' xogħol jagħmlu u x'inhu l-ħlas ta' kera fis-sena għal kull waħda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ispazju okkupat mill-industrija fil-Marsa huwa ta' 251,639 metru kwadru. Ix-xogħol li jagħmlu huwa kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. It-total tal-ħlas ta' kera annwali huwa ta' Lm477,825. Minħabba kunfidenzjalita' ma tistax tingħata informazzjoni individwali.

Bulebel — Industrial Space

Question

Jista' il-Ministru jagħti tagħrif dwar proprjeta' li għandha mikrija bħala industrial space l-ME/MIP Bulebel? Xi spazju hu okkupat għall-industrija? Xi kwalita' ta' xogħol jagħmlu u x'inhu l-ħlas ta' kera fis-sena għal kull waħda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ispazju okkupat mill-industrija f'Bulebel huwa ta' 222,081 metru kwadru. Ix-xogħol li jagħmlu huwa kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. It-total ta' ħlas ta' kera annwali huwa ta' Lm648,429. Minħabba kunfidenzjalita' ma tistax tingħata informazzjoni individwali.

WSC — Meter ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jara li mill-aktar fis il-meter ta' l-ilma tal-koppja pensjonanta li n-numru tal-kont tagħhom qed jintbagħat separatament, jiġi ċċekkjat għax il-konsum ta' ilma reġistrat fuqu hu esaġerat u qiegħed iwassal għal tbatija kbira għal din il-familja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fit-28 ta' Marzu 2006 il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għamlet spezzjoni fir-residenza indikata mill-Onorevoli Interpellant, fejn irriżulta li kien hemm leakage fil-flushing. Dan il-leakage ġie rranġat temporanjament minn nies tal-Korporazzjoni u l-konsumatur ġie avżat biex jieħu ħsieb jirranġa s-sistema tal-flushing. L-impjegati ftehmu mal-konsumatur li kienu ser jerġgħu jagħmlu spezzjoni oħra nhar it-3 ta' April, sabiex jikkonfermaw jekk il-konsum esaġerat ta' l-ilma kienx dovut għall-dan il-leakage. Madankollu sal-lum 4 ta' April il-konsumatur kien għadu ma rranġax is-sistema. Għalhekk ser issir spezzjoni oħra meta l-konsumatur javża lill-Korporazzjoni li jkun irranġa l-ħsarat fis-sistema tiegħu.

Enemalta — Arloġġi tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li l-Enemalta tul is-sena 2005 u bejn Jannar u Marzu 2006 sabet 7,000 arloġġ tad-dawl bis-siġill miksur jew imbagħbas u x'passi ttieħdu dwar dan? Kemm minnhom huma fi djar u kemm fi stabbilimenti kummerċjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li bejn is-sena 2005 u Marzu 2006 Enemalta sabet 897 każ ta' siġilli mbagħbsa jew miksura. Fil-każ ta' siġilli mbagħbsa kien hemm 141 każ Domestiċi, 314 każ ta' Stabbilimenti Kummerċjali u 3 każi ta' Stabbilimenti Industrijali. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella għal aktar dettalji. Il-Pulizija qiegħda tinvestiga l-każijiet li nstabu fis-sena 2005. Il-każijiet li nstabu fis-sena 2006 qegħdin jiġu mitluba jħallsu l-ammonti dovuti biex b'hekk l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tiġi evitata.

Skema tal-Gozo Channel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm lukandi u ristoranti li qed jieħdu sehem fi skema komuni tal-kumpannija Gozo Channel bħala inċentiv biex iżjed persuni jaqsmu lejn Għawdex? Kif qed taħdem din l-iskema u kif qed tiġi ffinanzjata? X'riżultati tat xahar b'xahar mindu bdiet titħaddem?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.

Enemalta — Każ dwar kont

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-Enemalta talbet Lm250 lill-konsumatur li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, biex tħallas dan il-kont meta hi qed tallega li ma kelliex tħallas dak l-ammont?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ammont imsemmi mill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-ammont dovut fuq allegat każ ta' serq ta' elettriku fis-sena 2002. Jekk il-persuna għandha xi problema fuq dan l-ammont ikun aħjar tikkuntatja lil Enemalta biex tiddiskuti l-każ tagħha.

Logħob tal-Commonwealth — PBS

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-logħob tal-Commonwealth li qed isiru ġewwa Melbourne l-Awstralja ma ġietx imxandra mill-PBS? Jista' jgħid ukoll x'wassal sabiex ġurnalista tal-PBS li suppost kellu jmur mal-kontinġent Malti, dan fl-aħħar ma marx?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-raġuni għaliex il-PBS ma xandrietx iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-logħob tal-Commonwealth hija għax ma kienx kummerċjalment vijabbli li jsir dan. L-istess jista' jingħad għaliex ma ntbgħatx il-ġurnalista biex jirraporta dwar il-logħob tal-Commonwealth mill-Awstralja.

Wied il-Għajn — Triq it-Tiben

Question

Possibbli l-Enemalta ġentilment tgħid x'passi ħadet u qed tieħu biex tiġi riżolta l-problema ta' vultaġġ baxx ta' l-elettriku fi Triq it-Tiben, Wied il-Għajn minħabba li r-residenti ilhom snin twal jilmentaw minn din il-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minħabba li diġa sar xogħol ta' tisħiħ fuq is-sistema ta' vultaġġ baxx ma jirriżultax li għad fadal vultaġġ baxx fl-inħawi. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub li jagħti aktar dettalji biex ikun jista' jsir l-istħarriġ meħtieġ.

Għajnsielem — Triq Borg Gharib

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Borg Għarib, Għajnsielem, Għawdex qed jilmentaw minn nuqqas ta' bozoz fl-imsemmija triq, jista' il-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat?

Response (GATT, AUSTIN)

It-twaħħil ta' bozoz ġodda huwa responsabbilta tal-Kunsill Lokali minħabba li issa dawn ġew devoluti lill-Kunsill Lokali.

Birkirkara — Triq l-Akkwadott

Question

Jista' il-Ministru jagħti struzzjonijiet lill-WSC biex meta jaqilgħu triq jaraw li t-tarmac jerġa' isir kif suppost u mhux bl-addoċċ? Jista' jitlob lill-WSC biex fi Triq l-Akkwadott, Birkirkara t-triq tissewwa kif suppost wara li ġiet maqlugħa?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tieħu ħsieb li jsir il-wiċċ bil-hot asphaltfit-triq imsemmija kif suppost. Dan ma sarx mill-ewwel billi meta nqalgħet it-triq kienet għamlet ħafna xita u l-art riedet tkun nixfet sewwa qabel ma seta' jsir ix-xogħol tar-riabilitazzjoni tat-triq.

Prezzijiet tal-Fuel Oil

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 17732 u 17875 u jgħid b'liema prezz xtratu l-Enemalta l-fuel oil matul l-2005 u l-2006, xahar b'xahar? Jista' jagħti l-prezz medju, xahar b'xahar, matul l-istess perijodu fi swieq internazzjonali? Jista' jagħti r-rata tal-kambju ta' dollaru meta mqabbel mal-lira Maltija fid-data ta' kull pagament jew ħlas li jkun sar mill-Enemalta għal fuel oil matul l-2005 u l-2006?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Enemalta — Kont tad-Dawl

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18080 u jara li xi ħadd mill-korporazzjoni Enemalta jeżamina l-arloġġ tad-dawl ta' l-anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li l-kont tad-dawl tagħha ġie Lm446 ta' tliet xhur?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni preliminarja li saret fuq il-post ma jirriżultax li l-arloġġ tad-dawl huwa difettuż. Il-konsumatur iżda ingħata l-parir li jagħmel applikazzjoni formali biex il-każ jiġi nvestigat aktar fil-fond.

Imġarr — Letter Box

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li tiġi miżjuda letter box viċin il-pjazza prinċipali ta' l-Imġarr, Malta għaliex dik li diġa' hemm (li għandha tibqa' hemm) dejjem mimlija b'inkonvenjent għan-nies ta' dan ir-raħal?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Maltapost qed tikkunsidra li tkabbar il-kaxxa ta' l-ittri li tinsab viċin il-pjazza prinċipali ta' l-Imġarr, iżda mhux l-intenzjoni tal-kumpanija li żżid kaxxa ta' l-ittri oħra fil-post indikat.