Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħruġ ta' Passaporti Maltin

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinforma l-Parlament kemm ħarġu passaporti Maltin għas-snin 2004, 2005 u sat-30 ta' Ġunju 2006? Jista' jinforma lill-Kamra sena b'sena kemm minn dawn ħarġu mill-uffiċċju tal-passaporti f'Malta u kemm minn ambaxxati barra minn Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu s-segwenti:- Sena Malta Għawdex Ambaxxati 2004 38,169 2,717 3,952 2005 34,635 2,609 3,261 2006* 15,027 1,023 1,583 *sat-30 ta' Ġunju. Minn nofs is-sena 2004, il-passaporti li l-applikazzjoni tagħhom saret fl-ambaxxati Maltin ġew kollha proċessati u maħruġa mill-Uffiċċju tal-Passaporti f'Malta.

Qorti — Każi ta' Korruzzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn każi ta' korruzzjoni quddiem il-qorti llum jew li se jitressqu fil-futur din is-sena fejn jirrigwarda uffiċjali tal-gvern jew xi uffiċjal ta' xi ente li fiha għandu x'jaqsam il-gvern? Xi grad għandhom u fejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il persuna, qraba jew tfal ġew mogħtija ċittadinanza Maltija wara li oriġinarjament daħlu Malta illegalment f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' infurmajt lill-Onor. Interpellant fit-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13530, l-ebda persuna minn dawk indikati minnu qatt ma ngħatat iċ-ċittadinanza Maltija.

Qrati — Immigranti Irregolari

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm immigranti irregolari tressqu l-qorti kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? X'weħel f'kull każ individwali u x'kienet l-akkuża f'kull każ individwali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika.

Persuni ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni ta' nazzjonalita' barranija Malta illegalment din is-sena u x'sar minnhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2006 kien hemm 242 persuna ta' nazzjonalita' barranija li nstab li kienu Malta illegalment, li minnhom 233 diġa' ġew ripatrijati.

Stabbilimenti f'Paceville

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inħarġu permessi ġodda għal stabbilimenti ġo Paceville din is-sena u f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? X'tip ta' stabbiliment hu f'kull kas?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' diversi drabi kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, il-liċenzji tan-negozju, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Żweġijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru żweġijiet s'issa din is-sena? Kemm minnhom kienu żweġijiet ċivili? Miż-żweġijiet ċivili li saru s'issa din is-sena, jista' jgħid kemm kien hemm bejn Maltin, bejn Maltin u barranin u bejn koppji barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Ġunju 2006, fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta u dak ta’ Għawdex ġew reġistrati dawn iż-żweġijiet:- Malta Għawdex Total 1,016 68 Dawk minnhom biċ-Ċivil 314 20 Dawk Ċivili bejn Maltin 37 4 Dawk Ċivili bejn Maltin u Barranin 78 3 Dawk Ċivili bejn Barranin 199 13

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jibda l-kors ta' rekluti ġodda fil-korp tal-pulizija? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal dan il-kors? Kemm iridu jintgħażlu? F'liema stadju waslet l-għażla?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kors għal mitt rekluti ġodda fil-Korp tal-Pulizija, li għalih kien hemm 346 applikant huwa mistenni li jibda aktar tard matul dan is-sajf, wara li jkun lest il-proċess ta' għażla.

Ġustizzja u Intern — Konsulenza

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti u/jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-Ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mill-1 ta' Jannar, 2006 sal-lum? Fiex kien jikkonsisti s-servizz li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet għal kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18588.

Moħqrija fuq annimali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu persuni quddiem il-qorti fuq każi ta' moħqrija fuq l-annimali din is-sena? X'kienet l-akkuża u x'weħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena il-Pulizija ressqet żewġ persuni quddiem il-Qorti fuq moħqrija lill-qtates. Dawn instabu ħatja u ġew mogħtija twiddiba.

Pulizija — Attivitajiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġet permessi l-pulizija għall-attivitajiet tal-massa, ġol-Buskett u ġo Ta' Qali u ġo beaches pubbliċi jew ġo postijiet pubbliċi oħra? Kemm hemm pendenti? X'kienet l-attivita' li għaliha ħarġu l-permessi u x'inhi l-attivita' għal dawk pendenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni taħt House Arrest

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni taħt house arrest illum? X'inhu r-reat li tiegħu ġew akkużati individwalment?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 62 persuna taħt "house arrest" fuq ordni tal-Qorti bħala kundizzjoni ta' liberta' proviżorja, fuq akkużi li jinkludu omiċidju, reati relatati ma' droga, serq stupru, korruzzjoni ta' minorenni, prostituzzjoni, money laundering, ħsara volontarja, frodi, attakk u reżistenza fuq uffiċjal pubbliku, rikatt, użura, attentat ta' omiċidju u korruzzjoni.

Immigranti illegali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu immigranti illegali Malta minn mindu beda dan il-fenomenu? Kemm minn dawn ġew ripatrijati f'dawn l-aħħar ħames snin u x'sar mill-oħrajn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ immigranti illegali li waslu Malta tul dawn l-aħħar ħames snin kien: 2002 2003 2004 2005 2006* 1,686 502 1,388 1,822 967 *sa l-4 ta’ Lulju. Infurmat ukoll illi mir-rekords disponibbli jirriżulta illi n-numru ta’ immigranti illegali, inkluż dawk il-persuni ta’ nazzjonalita’ barranija li kienu instabu Malta illegalment, u mhux biss dawk li waslu Malta bid-dgħajjes, li ġew ripatrijati tul l-istess perijodu kien: 2002 2003 2004 2005 2006* 1,199 1,106 704 955 495 *sa l-4 ta’ Lulju. Infurmat ukoll illi dawk li għal xi raġuni jew oħra ma ġewx ripatrijati ġew offruti akkomodazzjoni fiċ-ċentri miftuħa.

Bird callers

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jistax jintuża bird caller elettroniku fi djar privati għal skopijiet ta' avikultura u mhux biex jittieħdu għasafar tal-passa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-apparat imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa regolat bir-Regolamenti ta' l-2006 dwar il-Konservazzjoni ta' l-Ambjent (A.L. 79/2006). Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Xtajta tal-Ġnejna — Parking

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga dwar x'inhu jiġri fir-rigward tal-parking diżorganizzat fuq ix-xtajta tal-Ġnejna? Jista' jara jekk hijiex qed issir forma ta' illegalita' u jekk mhux il-każ jara li l-parking isir b'mod aktar organizzat?

Response (BORG, TONIO)

L-immaniġar tat-traffiku, inkluż il-parkeġġ fil-lokalitajiet, jaqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Kunsill Lokali. Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Rapporti dwar attakki sesswali

Question

Jisa' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru attakki sesswali li ġew rapportati din is-sena u x'tip ta' reati kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, il-Pulizija kellha 36 rapport ta' offiżi sesswali. Minn dawn, 15 kienu jinvolvu korruzzjoni ta' minorenni, 6 kienu rapporti ta' stupru, filwaqt li l-15 l-oħra kienu attentat vjolenti għall-pudur.