Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Pulizija hemm stazzjonat f'Kemmuna? Jista' jgħid kemm ikun hemm pulizija kuljum matul il-jum u kemm ikun hemm pulizija matul il-lejl f'Kemuna? Jista' jgħid jekk kienx hemm żieda fuq l-aħħar snin u jekk kien hemm żieda, x'kien l-iskop? Jista' jgħid x'vetturi u dgħajjes għandhom għad0dispożizzjoni tagħhom il-Pulizija li joperaw f'Kemmuna?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi bħalissa hemm tmien (8) pulizija stazzjonati Kemmuna. Matul il-jum ikun hemm erbgha (4) pulizija u wieħed ikun għassa matul il-lejl. Dan l-ammont ta’ Pulizija jfisser zieda ta’ erbgha (4) Pulizija fuq l-aħħar snin, għal perjodu tas-sajf. L-iskop ta’ din iż-żieda hi biex tiżdied u tittejjeb is-sorveljanza fil-gżira matul ix-xhur tas-Sajf, meta il-presenza tan-nies li jzuruha, jiżdied konsiderevolment. Biex isir dan ix-xoghol, il-Pulizija ġewwa Kemmuna ghandha ghad-disposizzjoni tagħha, żewġ dgħajjes u mutur.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' serq ġie rappurtat lill-Pulizija f'Għawdex u Kemmuna matul l-2014 u din is-sena sal-lum? Jista' jgħid kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-rekwiżiti sabiex Malti-Awstraljan ikun jista’ jġib karta tal-identità Maltija?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex wieħed jkollu l-karta tal-identita’ Maltija irid ikun għalaq l-erbatx-il sena, ikun ċittadin Malti, ikollu l-att tat-twelid reġistrat f’Malta u jkollu l-indirizz prinċipali tar-residenza f’Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni hemm li s’issa saritilha due diligence taħt l-iskema IIP? Jista’ jgħid mil-liema nazzjonijiet huma dawn l-applikanti li saritilhom due diligence taħt l-iskema s’issa? Jista’ jgħid kemm-il applikant kien hemm li ma għaddewx mid-due diligence u mil-liema pajjiżi kienu ġejjin? Jista’ jgħid jekk hu bħala Ministru responsabbli minn din l-iskema u mill-uffiċċju tal-passaporti, rax ir-raġunijiet għalfejn dawn il-persuni ġew imwaqqfa fl-istadju ta’ due diligence? Jista’ jgħid kemm minn dawk l-applikanti li għaddew mill-istadju ta’ due diligence xtraw proprjetà f’Malta u f’liema lokalitajiet jinsabu dawn il-proprjetajiet? Jista’ jgħid x’kontrolli qed isiru biex jiżguraw li verament dawn l-applikanti qed jgħixu u huma residenti effettivi f’Malta kif titlob il-liġi?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser tingħata fir-rapport tar-Regolatur.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jibqa’ in vigore l-addendum tal-Korp tal-Pulizija li kien ġie fis-seħħ fi żmien il-Ministru preċedenti? Jista’ jgħid jekk hu jaqbilx ma’ dan l-addendum jew jekk jarax li dan l-addendum ixekkel l-operat tal-Korp tal-Pulizija bil-possibilità li jagħti lok għall-korruzzjoni?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 15095.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-pulizija se jibdew iħallsu t-taxxa ta’ 15% għall-extra duty kif kienu mwegħda qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, minflok ir-rata li qed iħallsu issa?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Gvern, b’kuntrast mall-amministrazzjoni preċedenti beda mill-ewwel iwettaq il-programm elettorali tiegħu. Dan il-programm se jkun qed jitwettaq matul din il-leġislatura.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jintefaq il-baġit fir-rigward tal-Overseas Development Aid fejn jidħlu l-immigranti u jagħti rendikont fir-rigward tan-nefqa totali li saret għas-sentejn li għaddew kif ukoll jipprovdi breakdown tal-istess nefqa u jgħid kemm minn din in-nefqa intużat għal skopijiet edukattivi jew ta’ taħriġ, fuq provvediment ta’ ikel, fuq salarji u fuq kull materjal oħra li l-Ministru jqis li għandu jagħti bħala parti mill-istess breakdown?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-mobile police station ta' Wied il-Għajn hijiex koperta b'permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fil-jum li fih qed issir din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 16791.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13790 u jgħid kemm ingħataw traffic tickets mill-Korp tal-Pulizija tul s-snin 2013 u 2014? Jistgħu dawn jinqasmu dettaljatament?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2013 kien hemm 81,816 ċitazzjoni jew ticket maħruġa fuq offiżi relatati mat-traffiku. Fis-sena 2014 l-ammont kien ta’ 72,027. Dettalji qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — persuni impjegati
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17046 jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru totali ta' impjiegi fil-gradi kollha li saru mill-entitatjiet (bħal Dipartimenti, Kunsilli, Awtoritajiet, Kummissjonijiet, Aġenziji eċċ.) kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-perjodu indikat? Kemm minn dawn l-impjegi kienu ta' persuni rikonuxxuti uffiċjalment bħala persuni b'diżabilità?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17248 jista' l-Ministru jgħid min qed jagħti t-taħriġ meħtieġ tas-SWAT team? Jista' jagħti garanzija li l-iSWAT team li se jitwaqqaf jew li twaqqaf hux se jkun fully functional saċ-CHOGM ta' Novembru li ġej? Jista jgħid jekk il-membri li se jkunu fl-iSWAT team hux se jkunu assenjati xogħol ieħor apparti li se jkunu qed jagħmlu dan ix-xogħol partikolari? Jista jgħid kif se jkun qed jaħdem (ix-xift) l-iSWAT team il-ġdid u fejn se jkun stazzjonat? Jista jgħid jekk inxtarax apparat ġdid biex ikun jista' jaħdem l-iSWAT team il-ġdid u kemm ġie jiswa? Jista jgħid x'apparat ġdid inxtara?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa għadu għaddej it-taħriġ meħtieġ li qed jingħata internament minn instructors tal-Pulizija kif ukoll tal-Akkademja tal-Pulizija, anke lill-membri tat-team li kienu diġa ħadu taħriġ simili fil-passat. Fil-każ ta’ taħriġ tal-Ewwel Għajnuna Avvanzata dan qed jingħata minn entita' lokali akkreditata internazzjonalment. Li-Swat team ser ikun fully operational sac-CHOGM f’Novembru li ġej u ser ikun jaqdi dawn id-doveri fuq bażi permanenti. Membri ta' dan it-team ser jagħmlu wkoll xogħol ta' protezzjoni personali ma dinjitarji barranin li jżuru Malta fost doveri oħra. It-team ser jibqa jitmexxa min ta’ Kandja u meta jibda jiffunzjona dan ikompri sservizz tiegħu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Ser jinxtraw xi vetturi u apparat relatat max-xogħol tal-istess team, li jinkludu armi, ilbies u apparat ieħor protettiv.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-full complement tal-Korp tal-Pulizija? F’liema ranks hemm in-nieqes u kemm hemm bżonn pulizija iktar biex jiġu full complement u meta se jiġu ingaġġati? Jista’ jgħid kemm telqu pulizija fl-aħħar sena u f’liema ranks kienu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sat-18 ta’ Gunju 2015, il-complement sħiħ tal-Korp tal-Pulizija skond kif approvat, kien ta’ 2,261. Attwalment il-complement huwa ta’ 2,093 u għaldaqstant huwa b’168 uffiċċjal anqas. Dawn il figuri kif ukoll l-ammonti ta’ kull rank, jidhru fit tabella A li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Dwar il-Pulizija li telqu, ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2014 spiċċaw 79 membru tal-Korp filwaqt li 72 membru spiċċaw fis-sena 2015 kif jidher fit-tabelli B u Ċ li qed jitpoġġew ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il unjoni ċivili ġiet reġistrata f’Malta sal-lum? Jista’ jgħid kemm-il unjoni ċivili ġiet reġistrata f’Għawdex sal-lum? F’kull każ, jista’ jgħid kemm minn dawn kienu bejn koppji ta’ sess maskili u kemm kienu bejn koppji ta’ sess femminili? Kemm minn dawn kienu bejn koppji ta’ sess differenti? Jista’ jgħid kemm kien hemm ċittadini barranin involuti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum kien hemm 38 unjoni civili registrati f’Malta li kienu masqsumi hekk: 29 koppji maskili, 8 koppji feminili u koppja waħda ta’ sess differenti. Kien hemm ukoll 8 unjonijiet civili (kollha ta sess maskili) li seħħew barra minn Malta u ġew irreġistri f’Malta. B’kollox l-ammont jitla’ għal 46.
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi it-tieni domanda lill-Ministeru konċernat.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16644, jista’ l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija u jgħid meta se jittieħdu pulizija Għawdxin li preżentement qed jaħdmu f’Malta biex jaħdmu f’Għawdex biex b’hekk jiżdied il-complement tal-Pulizija f’Għawdex? Jista’ jgħid fl-aħħar sena (Mejju 2014 sa Ġunju 2015) kemm-il każ ta’ traffikar tad-droga ġie maqbud mill-Pulizija tas-CID stazzjonati f’Għawdex? F’liema lokalità nqabdu dawn il-każijiet u kemm minnhom diġà tressqu l-Qorti b’din l-akkuża?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li għalissa m’hemmx data jew ħsieb li ji¿diedu il-Pulizija f’Ghawdex u jekk l-esigenzi tas-servizz juru li jkun hemm il-ħtieġa u allura jkun hemm il-bżonn, jintbagħtu aktar Pulizija Għawdxin li presentament huma stazzjonati Malta, biex jaħdmu Għawdex.
Bejn Mejju 2014 u Gunju 2015 kien hemm erbgħa (4) każijiet tat-traffikar tad-droga li ġew maqbuda mit-taqsima tas-CID ta’ Għawdex. Dawn kienu jinvolvu sitt (6) persuni u kienu fil-lokalitajiet li huma msemmija fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istess tabella turi l-kazijiet li tressqu u oħrajn li għad iridu jitressqu.
San Pawl il-Baħar — Bypass - preżenza ta' pulizija
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba matul din is-sena, kien hemm preżenza ta' pulizija fil-Bypass ta' San Pawl il-Baħar, b'mod partikolari l-Ħdud filgħodu biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm abbużi fis-sewqan ta' vetturi li jgħaddu minn din il-bypass? Kemm kien hemm każi li min inqabad isuq ittieħdu passi kontra tiegħu? X'tip ta' kontravenzjonijiet kien hemm rappurtati, u kemm ta' kull tip, f'kull każ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bħal fi snin preċedenti, matul din is-sena, kien hemm preżenza ta' Pulizija fil-Bypass ta' San Pawl il-Baħar, fil-weekends inklużi l-Ħdud filgħodu u anke fil-granet ta’ Festi, biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm abbużi fis-sewqan ta' vetturi li jgħaddu mil-istess triq. L-offizi li ġew identifikati u li dwarhom ittieħdu passi matul dan il-perjodu, kienu kif jidher fit-tabellla li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija assenjati fl-għassa tas-Swieqi waqt il-ħinijiet tal-ftuħ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Għassa tas-Swieqi hemm sitt uffiċjali tal-Pulizija stazzjonati biex jagħmlu għassa fil-lokalita. F’kull watch ikun hemm mill anqas Pulizija wieħed u matul il-ġurnata, ħafna drabi jkun hemm tlieta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pulizija assenjati esklussivament għall-għassa tas-Swieqi? F’każ li din it-tweġiba tkun fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm huma?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għal mistoqsija parlamentari 17321.