Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST — investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment annwali fl-MCAST mill-Gvern f’dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jinkludi wkoll l-ispiża rikorrenti u t-tipi differenti ta’ investimenti li saru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-investiment annwali, kif ukoll l-ispiża rikorrenti u t-tipi differenti ta' investimenti li saru fl-MCAST mill-Gvern fl-aħħar ħames snin, hu kif se nsemmi: Dettal 2010 2011 2012 2013 2014 Fondi rikorrenti mill-Gvern 14,524,991 14,899,981 15,370,000 18,199,999 € 19,799,989 Fondi kapitali mill-Gvern 1,000,000 500,000 850,299 699,999 € 499,999 Fondi kapitali mill-Gvern - Masterplan 83,163 98,598 - - € 0 Fondi għall-bini tal-kampus ġdid - Masterplan - 128,253 1,957,650 1,986,873 € 0 Fondi mill-Ewropa 2,536,100 3,385,981 1,733,154 3,996,601 € 3,412,504

Università ta’ Malta – investimenti annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment annwali fl-Università ta’ Malta f’dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub fil-mistoqsija jkun jista’ jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.

Investiment fiċ-Childcare – familji li gawdew

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment fl-iskema taċ-childcare u kemm familji gawdew minnha minn mindu bdiet u kemm operaturi qed jieħdu sehem fiha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskema taċ-Childcare bla ħlas daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2014. Bejn din id-data u l-aħħar ta’ Awwissu 2015 ibbenefikaw 5,503 tifel u tifla u fl-istess perjodu n-nefqa fuq l-iskema kienet ta’ €12.7 miljun (April 2014 – Diċembru 2014: €5.2 Miljun; Jannar 2015 – Awwissu 2015: €7.5 Miljun). In-numru ta’ Ċentri reġistrati fl-iskema s’issa (Settembru 2015) huwa ta’ 90. Informazzjoni ta’ kemm ibbenefikaw familji mhux possibbli tingħata f’dan l-istadju, peress li l-proċess li qed jitħaddem huwa wieħed manwali, u kull applikazzjoni tiġi kkunsidrata b’mod individwali. Mill-1 ta’ Jannar 2016 id-Dipartiment se jimplimenta sistema diġitali li waħda mill-funzjonijiet tagħha tkun li tista’ tinġabar din it-tip ta’ informazzjoni.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – membri parlamentari tal-Oppożizzjoni ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni preżenti jew passati li kienu jew għadhom jaħdmu jew jokkupaw xi kariga f’xi entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tiegħu sa mill-2008 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x’kariga jokkupa/tokkupa u x’pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra hemm marbuta mal-kariga?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni preżenti li kienu jew għadhom jaħdmu jew jokkupaw xi kariga mal-Università ta’ Malta huma elenkati hawn taħt: 1. Hon. Jason Azzopardi – Visiting Assistant Lecturer (T1) – Dipartiment tad-Dritt Kriminali – Fakultà tal-Liġi Pakkett Finanzjarju: 1,263 Euros - Perkaċċi oħra: 136.38 Euros 2. Hon. Joseph Cassar – Visiting Senior Lecturer (T3.5) – Dipartiment tal-Psikjatrija – Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija Pakkett Finanzjarju: 5,943 Euros - Perkaċċi oħra: 465.22 Euros 3. Hon. Mario De Marco – Visiting Senior Lecturer (T3) – Dipartiment tad-Dritt Kummerċjali – Fakultà tal-Liġi Pakkett Finanzjarju: 5,094 Euros - Perkaċċi oħra: 397.03 Euros 4. Hon. Albert Fenech – Visiting Professor (T1) –Dipartiment tal-Mediċina – Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija Pakkett Finanzjarju: 2,120 Euros - Perkaċċi oħra: 155.86 Euros 5. Hon. Tonio Fenech – Visiting Senior Lecturer (T2) – Dipartiment tad-Dritt Kummerċjali – Fakultà tal-Liġi Pakkett Finanzjarju: 3,396 Euros - Perkaċċi oħra: 272.75 Euros 6. Hon. Mario Galea – Visiting Assistant Lecturer (T1) – Dipartiment tal-Infermerija – Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa Pakkett Finanzjarju: 1,263 - Perkaċċi oħra: 136.38 Euros 7. Hon. Carmelo Mifsud Bonnici –Visiting Senior Lecturer (T3.5) – Dipartiment tad-Dritt Ċivili – Fakultà tal-Liġi Pakkett Finanzjarju: 5,943 Euros - Perkaċċi oħra: 465.22 Euros 8. Hon. Clyde Puli – Teaching Associate – L-Istudju taż-Żgħażagħ u l-Komunità – Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà Teaching Associate – Dipartiment tal-Politika Pubblika – Fakultà tal-Ekonomija, l-Management u l-Accountancy Teaching Associate – Dipartiment tat-Teoloġija Pastorali, il-Liturġija u l-Liġi Kanonika – Fakultà tat-Teoloġija Jitħallsu fl-aħħar tas-semestru billi jimlew formola bis-sigħat 9. Hon. Francis Zammit Dimech – Visiting Senior Lecturer (T2) – Dipartiment tad-Dritt dwar il-Midja, il-Kommunikazzjoni u t-Teknoloġija – Fakultà tal-Liġi Pakkett Finanzjarju: 3,396 Euros - Perkaċċi oħra: 272.75 Euros

Kunsill Malti għall-Isport – bdil ta’ isem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Kunsill Malti għall-Isport se jbiddel ismu għal SportMalta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li nbeda l-proċess biex jiġi emendat l-Att dwar l-Isports, Kap 455.

NADO — dope tests

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm in-National Anti-Doping Organisation (NADO) għamel testijiet għad-doping li kienu ffinanzjati mill-Kunsill Malti għall-Isport matul is-snin 2013, 2014 u sal-aħħar ta’ Settembru 2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-testijiet għad-doping li saru min-NADO huma kif ġej: Sena Numru ta’ testijiet 2012 100 2013 129 2014 56 Jan-Sett 2015 54 Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2015 in-NADO ma baqgħetx tagħmel parti mill-KMS u saret tirrispondi direttament lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xoghol. Għaldaqstant il-finanzjament tad-doping fis-sena 2015 sar direttament min-NADO. Mis-sena 2015 daħal fis-seħħ l-intelligent testing fejn it-testijiet isiru aktar immirati skont il-prestazzjoni tal-atleta u ġbir ta’ informazzjoni fuq l-atleta. Fil-fatt minkejja li din is-sena saru inqas testijiet mis-snin l-oħra, inqabdu aktar atleti positive mis-snin l-oħra.

Kunsill Malti għall-Isport – bord tad-diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tad-diretturi tal-Kunsill Malti għall-Isport? Jista’ jgħid jekk dawn id-diretturi għandhomx kuntratti jew impjieg mal-Gvern jew jieħdux xi tip ta’ fondi pubbliċi? Jista’ jgħid min hu u x’inhu l-kuntratt u l-pakkett finanzjarju ta’ kull direttur tal-Kunsill Malti għall-Isport? Jista’ jippubblika dawn l-kuntratti u l-pakketti finanzjarji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Kunsill Malti għall-Isport – impjegati li huma seconded minn mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u min huma l-impjegati tal-Gvern jew tas-settur pubbliku jew entità tal-Gvern li huma seconded ma’ għaqdiet reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Isport u x’xogħol qed jagħmlu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li, mill-informazzjoni li għandu l-Kunsill Malti għall-Isport (KMS), hemm disa’ persuni impjegati tal-Gvern jew tas-settur pubbliku jew entità tal-Gvern li huma seconded ma’ għaqdiet reġistrati mal-KMS. Infurmat ukoll li hemm persuna oħra fil-qasam sportiv li hija seconded ma’ NGO. L-ismijiet ta’ dawn il-persuni, kif ukoll ix-xogħol/kariga li għandhom fl-Għaqdiet qed jingħataw lill-Onor. Interpellant separatament.

Kunsill Malti għall-Isport – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ingħatawx direct orders mill-Kunsill Malti għall-Isport minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Settembru 2015? Jekk iva, jista’ jippublika dawn l-kuntratti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' direct orders b'valur ta' 'l fuq minn €6,000 (bla VAT) li ngħataw mill-Kunsill Malti għall-Isport fil-perjodu indikat fil-mistoqsija. Dawn id-direct orders ġew kollha approvati mill-Ministeru għall-Finanzi.

Kunsill Malti għall-Isport – ħaddiema – proġett ESF

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-ħaddiema (bl-ismijiet) li attendew għal proġett ESF fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport? X’livell akkademiku għandhom u x’se jkun ir-rwol ta’ kull wieħed fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Isport? Jista’ jgħid ukoll għaliex ma saritx sejħa minn barra għal nies bi kwalifiki fl-isport u jekk hemmx il-ħsieb li jsir dan? Jista’ jikkonferma li uħud minn dawn in-nies ibbenefikaw ukoll minn scholarship?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-sejħa għal nies barra l-Kunsill Malti għall-Isport (KMS) ma setgħetx issir għaliex il-proġett kien immirat lejn il-ħaddiema tal-KMS. Ta’ min jinnota iżda li minħabba li kien fadal xi postijiet wara l-ewwel sejħa għall-ħaddiema tal-KMS, kienet saret sejħa oħra għal nies li jaħdmu fiċ-ċivil u s-settur pubbliku u li għandhom esperjenza ma’ xi federazzjoni jew assoċjazzjoni. Infurmat li jekk ikun se jerġa’ jingħata l-kors dan jinfetaħ għal pubbliku ġenerali. Infurmat ukoll li 40 mill-parteċipanti kollha ħaddiema tal-KMS ibbenefikaw minn internship barra l-pajjiż. L-informazzjoni dwar il-ħaddiema, il-kwalifiċi tagħhom kif ukoll ir-rwol tagħhom fi ħdan il-KMS qed tingħata lill-Onor. Interpellant separatament.

Għawdex — ħaddiema full-time

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19727 fejn fit-tweġiba qed jingħad li f'Għawdex, bejn is-sena 2013 u s-sena 2014, kien hemm żieda ta' 350 persuna jaħdmu full-time mas-settur privat, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni li ġew impjegati ma' kumpaniji privati li l-ħaddiema tagħhom qed jagħtu servizz f'dipartimenti u entitajiet oħra tal-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma jkollhiex informazzjoni x’servizzi jkun qed jagħti s-settur privat.

Għawdex – ħaddiema full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema full-time f’Għawdex f’Settembru 2015? Jista’ jgħid jekk kienx hemm żieda fin-numru ta’ ħaddiema mill-aħħar tas-sena 2014? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm kienet din iż-żieda? Jista’ jagħti break down ta’ din iż-żieda u jgħid kemm minnhom huma impjegati mas-servizz pubbliku, ma’ kumpaniji parastatali, mal-privat u ma’ kumpaniji privati li l-ħaddiema tagħhom qed jagħtu servizz f’dipartimenti u entitajiet oħra tal-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ta’ Diċembru 2014 in-numru ta' ħaddiema li kienu jaħdmu f’Għawdex fuq bażi full-time kien ta’ 9,942 persuna. Iċ-ċifri ta’ Dicembru 2014 ġew riveduti bħal ma jsir kull sena mill-Korporazzjoni u jiġu ppubblikati mill-uffiċċju tal-istatistika. Fl-aħħar ta’ April 2015 in-numru ta' ħaddiema li kienu jaħdmu f’Għawdex fuq bażi full-time kien ta’ 10,007 persuni. Iż-żieda totali kienet ta’ 65 persuna, peress li filwaqt li fis-settur privat żdiedu jaħdmu 105 persuni kien hemm tnaqqis ta’ 40 persuna minn ma’ kumpaniji parastatali. Il-Korporazzjoni ta’ Xogħol u Taħriġ ma jkollhiex dettalji tal-post fejn attwalment qed jaħdmu l-impjiegati ħlief fil-każ ta’ persuni li jaħdmu mad-dipartimenti tal-gvern, ministeri u entitajiet pubbliċi. Dan jiġri minħabba li fil-formola tal-Bidu ta’ Impjieg, min iħaddem jikteb id-dettalji tal-Head Office li ġeneralment tkun Malta u mhux fejn jaħdem l-individwu. L-aħħar ċifri ppublikati huma ta’ April 2015.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – ħaddiema li rtiraw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irtiraw nies minn kull dipartiment u entità li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u t-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm ġew impjegati nies ma’ kull entità u dipartiment li jifformaw parti mill-Ministeru fl-istess perjodu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Childcare Centres – tnaqqis fit-taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li jibagħtu lill-uliedhom f’Childcare Centres bi ħlas u li bbenefikaw minn tnaqqis fit-taxxa matul l-2014? Kemm huwa maħsub li ġiet iffrankata taxxa b’kollox?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Ministeru tiegħi m'għandux it-tagħrif mitlub fil-mistoqsija. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsija lill-Ministru għall-Finanzi.

Skejjel privati — miżati - inċentivi mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi informazzjoni fuq jekk hemmx xi relazzjoni bejn iż-żieda fil-miżata mitluba mill-iskejjel privati ma' inċentivi fiskali provduti mill-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Iskejjel ‘Privati’ msemmija fil-mistoqsija jidher li qed jirreferu għall-Iskejjel Indipendenti. Infurmat li fis-sena Skolastika 2014-2015 kien hemm Skola Indipendenti waħda biss li infurmat b’mod uffiċċjali lid-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni li kienet ser tgħolli l-miżata. L-Iskejjel Indipendenti jibbenefikaw mill-iskema tal-Per Capita hekk kif imħabbra fil-Gazzetta tal-Gvern numru 18,947 datata 17 ta’ Lulju, 2012. B’din l-iskema il-kapijiet tal-Iskejjel jistgħu jitolbu rifużjoni għall-ispejjeż relatati ma’ infrastruttura teknoloġika, ma’ faċilitajiet relatati mat-tagħlim ta’ xjenza, ma’ faċilitajiet sportivi, mal-iżvilupp professjonali tal-għalliema u mal-ħlasijiet relatati lill-professjonisti involuti f’dawn il-proġetti. Din is-sena ġew mwessa’ l-kriterji tal-iskema tal-Per Capita biex jinkludu wkoll `Xogħlijiet ta’ Natura Kapitali`. Issa l-Iskejjel jistgħu wkoll jitolbu rifużjoni ta’ ħlasijiet relatati ma’ bini bħal ristrutturar, estensjonijiet u manutenzjoni. Ma’ dan, wieħed irid iżid li l-Iskejjel Indipendenti jibbenefikaw ukoll mir-rifużjoni ta’ 15.25% fuq spejjeż relatati ma’ proġetti ta’ natura kapitali hekk kif imħabbra fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta numru 18,934 datata 22 ta’ Ġunju 2012. Ta’ min wieħed isemmi li jeżistu wkoll inċentivi fiskali oħra li jaqgħu lil hinn minn dan il-Ministeru. Fid-dawl ta’ dan kollu, id-Dipartiment fi ħdan dan il-Ministeru ma jistax jgħid jekk hemmx relazzjoni bejn iż-żieda mitluba mill-Iskejjel Privati ma’ inċentivi fiskali provduti mill-Gvern.

Skejjel privati u tal-Knisja — tfal

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni fuq kemm hemm tfal li jattendu l-iskejjel privati u tal-Knisja skola b'skola, u kemm minn dawn it-tfal jużaw trasoprt organizzat mill-istess skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru n-numru ta' studenti li jattendu l-Iskejjel Privati u tal-Knisja f’kull skola u kemm minn dawn it-tfal jużaw trasport organizzat mill-istess Skola. Filwaqt illi n-numru ta’ studenti li jattendu l-Iskola seta’ joħroġ minn statistika li tinżamm ċentralment fi ħdan id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, in-numru ta’ studenti li jużaw it-trasport tal-Iskola nġabar minn kull skola individwali speċifikament biex setgħet tingħata risposta għal din il-mistoqsija. Għal dawk l-Iskejjel li wieġbu li ma jorganizzawx trasport għat-tfal tniżżel il-valur 0 fil-kolonna rispettiva tagħhom.

Nisa — impjiegi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19707, jista’ l-Ministru jindika f’liema impjieg ġew ingaġġati nisa fuq bażi full-time mas-settur privat? Jista’ jindika b’mod separat l-istess informazzjoni għar-rigward tan-nisa li daħlu lura għax-xogħol wara iktar minn erba’ snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru kemm kien hemm nisa li bdew jaħdmu fis-sena 2013 fuq bażi full-time mas-settur privat. It-tabelli juru wkoll f’liema kategorija ta' xogħol dawn in-nisa qed jaħdmu.
Leg 12 PQ #19826 Sitting 308 2015-10-22 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għawdex – korsijiet tal-LSAs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni jibda l-kors għal-LSAs li se jiġi organizzat mill-Università ta’ Malta f’Għawdex għal-LSAs Għawdxin? Kemm se jkun hemm persuni Għawdxin li jsegwu dan il-kors? Jista’ jgħid għaliex il-lectures mhux se jkunu mifruxa fuq jumejn fil-ġimgħa iżda hemm proposta li dawn isiru f’ġurnata waħda nhar ta’ Sibt mid-9:00am sal-5:00pm?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Inklużjoni u l-Aċċess għat-Tagħlim fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fetaħ kors wieħed li jwassal għad-Diploma għall-LSAs f’Malta, kif kien avżat. Għal dan il-kors applikaw 17-il persuna b’indirizz Għawdxi, li minnhom 10 kellhom il-kwalifiki meħtieġa biex jiġu msejħa biex jibdew il-kors ta’ studju. Wara talba li saret lill-Università, il-kors qiegħed jiġi offrut permezz ta’ video conferencing biex l-istudenti Għawdxin għall-maġġor parti tal-kors ma jkollhomx jiġu Malta, iżda jistgħu jattendu għal-lekċers miċ-ċentru tal-Università f’Għawdex. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, fl-ebda mument ma kien hemm il-ħsieb illi l-lekċers isiru fuq ġurnata waħda – il-lekċers qegħdin isiru kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis ta’ kull ġimgħa, bejn l-4 u t-8 ta’ filgħaxija. Il-lekċers huma ta’ sagħtejn-il waħda.

Nisa — impjiegi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19706, jista’ l-Ministru jindika f’liema impjieg ġew ingaġġati nisa fuq bażi part-time mas-settur privat? Jista’ jindika b’mod separat l-istess informazzjoni għar-rigward tan-nisa li daħlu lura għax-xogħol wara iktar minn erba snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru kemm kien hemm nisa li bdew jaħdmu fis-sena 2014 fuq bażi part-time mas-settur privat. It-tabelli juru wkoll f’liema kategorija ta' xogħol dawn in-nisa qed jaħdmu.

Nisa — impjiegi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19706, jista’ l-Ministru jindika f’liema impjieg ġew ingaġġati nisa fuq bażi full-time mas-settur pubbliku? Jista’ jindika b’mod separat l-istess informazzjoni għar-rigward tan-nisa li daħlu lura għax-xogħol wara iktar minn erba’ snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru kemm kien hemm nisa li bdew jaħdmu fis-sena 2014 fuq bażi full-time mas-settur pubbliku. It-tabelli juru wkoll f’liema kategorija ta' xogħol dawn in-nisa qed jaħdmu.