Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14144 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Taqsima tad-Drenaġġ — Safety equipment

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jasal is-safety equipment għall-ħaddiema fit-taqsima tad-drenaġġ? Jista' jgħid x'tip ta' taħriġ ingħataw il-ħaddiema tat-taqsima tad-drenaġġ dwar is-saħħa u s-sigurta' tagħhom fuq ix-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-wasla ta' xi 'safety equipment' għall-ħaddiema fit-Taqsima tad-Drenaġġ huwa marbut mal-wasla ta' 'team' ta' ħaddiema li ntbagħtu barra minn Malta biex jaraw mill-qrib l-aħħar teknoloġija ta' dan it-tip ta' apparat.
Leg 9 PQ #14180 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Viżti minn tobba

Question

Wara li ġiet riveduta l-iskema ta' viżti mit-tobba għall-impjegati fis-servizz pubbliku li jkunu ma jifilħux, jista' l-Ministru jinformana kemm u min huma t-tobba li ġew ingaġġati għal dan l-inkarigu fid-dekasteru li jaqa' taħtu? Jista' jgħid kemm qed jitħallsu t-tobba konċernati għal kull żjara? Jekk hemm xi forma ta' kuntratt bejn il-ministeru u t-tobba, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm-il viżta/żjara għamlu għand il-ħaddiema sa l-aħħar ta' Jannar, 2000?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14102 ta' din is-seduta.
Leg 9 PQ #14256 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Żejtun — Triq il-Gwiedi - Ħajt

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga s-sitwazzjoni rigward ħajt li se jaqa' fejn qed isir bini ġdid fi Triq Gwiedi, Żejtun li hi ferm dejqa u li jekk jaqa' dan il-ħajt ikun ta' periklu għar-residenti? Jistgħu jittieħdu passi biex din is-sitwazzjoni riskjuża tiġi rimedjata qabel issir xi traġedja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #12578 Sitting 249 2000-02-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Garaxxijiet tal-Gvern — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fil-garaxxijiet tal-gvern mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonjiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma ġew impjegati l-ebda ħaddiema ġodda fil-garaxxijiet tal-Gvern bejn is-16 ta' Settembru 1999 u l-4 ta' Jannar 2000.
Leg 9 PQ #12565 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment ta' l-Infrastruttura — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-Dipartiment ta' l-Infrastruttura mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Milli jidher l-Onorevoli Interpellant ma jaqrax it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jagħmel. Din id-domanda diġa' staqsiha tliet darbiet oħra (numri 451, 9493 u 12499) u jiena dejjem irrispondejtu li d-Dipartiment ta' l-Infrastruttura ma jeżistix.
Leg 9 PQ #13795 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Rabat — Relief valve

Question

Peress li ilu s-snin jingħad li se jsir relief valve tad-drenaġġ fir-Rabat, Malta u llum il-bżonn ta' dan il-proġett għall-komunita' tar-Rabat sar wieħed ta' natura urġentissima, jista' l-Ministru jintervjeni u jara li dan il-proġett jinbeda u jitlesta matul din is-sena? Kemm kien in-numru ta' washouts ta' l-isprings ta' l-ilma ġieri li saru fir-Rabat matul l-aħħar ħames snin kawża tal-fawran tad-drenaġġ fil-lokal? Kemm kien in-numru ta' ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ irrapportati fl-istess perijodu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13979 (Seduta 245). Dwar it-tieni parti, il-'washouts' isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Dwar in-numru ta' ħsarat, din l-informazzjoni qiegħda tinġabar.
Leg 9 PQ #13939 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Ambjent

Fgura — Nugrufun

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu d-dipartiment tal-protezzjoni ambjentali dwar l-ilment mir-residenti tal-Fgura dwar nugrufun li qed ikun ta' spiss preżenti, fl-istess lokalita, u li barra milli qiegħed jikkawża inkonvenjent kbir lir-residenti qiegħed ikun ta' detriment għas-saħħa tagħhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent għaddej bi programm ta' monitoraġġ ta' l-area msemmija u areas oħra bil-għan li tiġi stabbilita b'mod xjentifiku l-oriġini tat-trab iswed li qed ikun ta' inkonvenjent kbir lir-residenti. Dan il-monitoraġġ qed isir bl-assistenza ta' kumpanija Ingliża b'esperjenza fi problemi simili. L-ewwel fażi ta' dan il-monitoraġġ hu mistenni li jitlesta għal ħabta ta' nofs is-sena.
Leg 9 PQ #13979 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ — Upgrading/estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux se jitkompla x-xogħol fuq l-upgrading u l-estensjoni tas-sistema tad-drenaġġ minn H'Attard sar-Rabat u l-Baħrija li jifforma parti mill-masterplan tad-drenaġġ, li kien inbeda taħt l-amministrazzjoni preċedenti? Jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal dan ix-xogħol u meta hu previst li se jitlesta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol aċċennat għalih fil-mistoqsija parlamentari ser jitkompla kif oriġinarjament mistenni. Il-proġett kollu jikkonsisti fi tlett fażijiet. L-ewwel fażi tal-proġett tinvolvi xogħlijiet f'Ħ'Attard u Ħal Qormi. Dawn ix-xogħlijiet inbdew f'Novembru tas-sena li għaddiet u mistenni li jitlestew fil-bidu ta' din is-sena. Il-kuntratt għat-tieni fażi, li jinkludi t-tqegħid ta' mejnijiet fl-inħawi ta' Ħ'Attard u r-Rabat, għadu kif ingħata, u x-xogħol kollu ppjanat li jsir din is-sena. Għat-tielet fażi li tikkonsisti f'xogħlijiet estensivi ġewwa r-Rabat, tlesta d-disinn preliminari. Ix-xogħol fuq it-tielet fażi huwa ppjanat għas-sena 2001. S'issa ma hemm l-ebda xogħol estensiv ippjanat għall-inħawi tal-Baħrija.
Leg 9 PQ #13995 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Birgu — Forti Sant Anġlu - Telephone box

Question

Jista' l-Ministru jagħti tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13618, peress li skond it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 13790 il-watchman konċernat jagħmel parti mid-dipartiment li jaqa' taħt il-ministeru ta' l-ambjent?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Is-suġġerimenti ta' l-Onorevoli Interpellant ġew innutati u t-Taqsima tax-Xogħlijiet ser tagħmel dak kollu possibbli sabiex jiġu attwati.
Leg 9 PQ #14008 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Tarxien — Ħitan

Question

Jista' l-Ministru jara li quddiem żewġ plots li jinsabu fi triq, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, jitilgħu ħitan ta' erba' filati skond kif titlob il-liġi minħabba l-ħmieġ u n-numru ta' ġrieden li qiegħed ikun hemm?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #14009 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Tarxien — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi solvuta l-problema tad-drenaġġ li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħha r-residenti tal-flat li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbgħtu separatament minn din il-mistoqsija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-problema ta' Triq Luqa kien stoppage fil-main tat-triq tad-drenaġġ il-ġimgħa l-oħra li nfetaħ dak in-nhar stess.
Leg 9 PQ #14064 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Skart domestiku u kummerċjali

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk teżistix statistika dwar kemm jinġabar skart domestiku u kummerċjali lokal b'lokal kull ġimgħa f'Malta u f'Għawdex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Għalkemm tista' tinġabar statistika ta' kemm jiġi mormi skart minn kull lokal mhux rikommandat li wieħed joqgħod fuq din l-informazzjoni li tingħata mix-xufiera tal-vetturi li jġorru l-iskart. Dan għaliex huwa fatt magħruf li qiegħed isir taħlit ta' skart, minn lokalitajiet differenti, meta jsir il-ġbir ta' l-iskart biex jonqsu l-ispejjeż fil-ġarr ta' dan il-materjal. Ħafna mill-iskart kummerċjali qiegħed jinġabar ma' dak domestiku. L-istatistika li teżisti hija tal-piż totali ta' l-iskart li jinġabar mil-lokalitajiet kollha, magħrufa bħala 'Municipal Solid Waste'. Minn din l-istatistika huwa kkalkulat li l-iskart jiġi ġġenerat bir-rata ta' madwar 7 kilogrammi kull persuna fil-ġimgħa. Min-numru ta' residenti wieħed jista' jasal għal kemm jinġabar skart imħallat kull ġimgħa minn kull lokal f'Malta u Għawdex. Hemm il-ħsieb li l-quddiem tidħol is-sistema ta' 'Duty of Care' biex id-Dipartiment ikun infurmat minn fejn ikun ġie ġġenerat kull skart li jintrema.
Leg 9 PQ #12536 Sitting 244 2000-02-16 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tad-Drenaġġ — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-Dipartiment tad-Drenaġġ mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? Jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista'jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma daħal l-ebda impjegat ġdid mad-Dipartiment tad-Drenaġġ mis-16 ta' Settembru 1999 sa l-4 ta' Jannar 2000.
Leg 9 PQ #12961 Sitting 244 2000-02-16 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Għasafar/Rettili/annimali — Importazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati għasafar, rettili u annimali eżotiċi oħra matul is-sena 1999 u x'tip kienu f'kull każ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent ma jżommx tagħrif fuq in-numru ta' annimali eżotiċi li jiġu importati, ħlief dawk li huma mħarsa taħt il-Ftehim dwar il-Kummerċ Internazzjonali dwar speċi ta' Flora u Fawna li huma mhedda (CITES). Tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant li jiġbor fih in-numru ta' annimali eżotiċi kollha li kienu, jew huma, importati, kemm jekk dawn huma CITES, kemm jekk le, jista' jinġabar mingħand id-Dipartiment tad-Dwana.
Leg 9 PQ #13897 Sitting 243 2000-02-16 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Pjazza Santa Margerita

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fl-area tal-Pjazza ta' Santa Margerita, Bormla, b'mod speċjali l-ground ta' l-iskola primarja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Proġett ta' Pjazza Santa Margherita għadu għaddej. Bħalissa qed jiġu ffinalizzati xi dettalji ta' l-ewwel fażi li għadhom m'humiex lesti. It-Tieni Fażi tal-Proġett, jiġifieri għal dak li jirrigwarda xogħol li se jsir din is-sena mill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera, tikkonsisti f'sistema ta' dawl u irrigazzjoni għall-parti tax-Xgħira ta' l-istess ġnien, jiġifieri l-parti li diġa' hija ġnien. Għar-rigward tax-xogħol fl-area tal-ground ta' l-iskola, x-xogħol fuq il-ground stess hu komplut. Ix-xogħol fuq il-parti taħt il-ground huwa sospiż sakemm ikun hemm ċerti deċiżjonijiet marbuta mal-Cottonera Waterfront Project. Dan ix-xogħol huwa stmat li jsir matul is-sena 2001.
Leg 9 PQ #12525 Sitting 242 2000-02-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12213?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bejn is-sena 1987 u 1996 it-Taqsima tax-Xogħlijiet xtrat sitt karozzi kif ġej: Isuzu Gemini LT Lm 3,650.00 1988 Isuzu Gemini LT Lm 3,650.00 1988 Isuzu Gemini LT Lm 3,650.00 1988 Isuzu Gemini LT Lm 3,650.00 1988 Hyundai Lantra Lm 5,000.00 1996 Rover Lm 6,000.00 1996 Bejn is-sena 1987 u 1996 mill-Ministeru inxtraw erba' karozzi kif ġej: BMW 525 Lm15,927.50 1995 Volvo 460 Lm 8,500.00 1996 Renault Laguna Lm 6,900.00 1995 Skoda Felicia Lm 2,961.00 1995 Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent xtara dawn il-vetturi ta' hawn taħt bejn l-1987 u l-1996. 2 Mitsubishi Double Cab Pick up van Lm 3,909.00 each 3 Mitsubishi Double Cab Pick up van Lm 8,014.00 each 2 Mitsubishi Single Cab Pick up van Lm 3,300.00 each 1 Mitsubishi Single Cab Pick up van Lm 6,467.00 3 Mitsubishi Mini Buses Lm 9,591.00 each 1 Land Rover Lm 4,600.00 1 Land Rover Lm 3,105.00 1 Land Rover Lm 4,485.00 1 Van Piaggio Lm 4,735.00
Leg 9 PQ #13912 Sitting 242 2000-02-15 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Ħsarat bil-maltemp

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li fi Triq Saliport, "It-Toqba", li tgħaddi tulha max-xatt mill-Birgu għal Kalkara, tissewwa l-ħsara li ġiet ikkaġunata bil-maltemp? Meta jaħseb li dan ix-xogħol se jsir, peress li din l-akkwata hi popolari ħafna mal-lokal tal-Birgu fiż-żmien is-sajf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #12499 Sitting 241 2000-02-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment ta' l-Infrastruttura — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment ta' l-Infrastruttura? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment ta' l-Infrastruttura ma jeżistix.
Leg 9 PQ #13658 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Bieb il-Belt — Proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-istudji tal-gvern biex iseħħ il-proġett ta' Bieb il-Belt li jinkludi l-venda tal-karozzi tal-linja?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi saret 'out line development application' lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u din qiegħda tiġi diskussa hemmhekk.
Leg 9 PQ #13659 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Belt Valletta — Teatru Rjal

Question

Bħala ministru responsabbli minn proġetti kapitali, jista jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern għall-bini mill-ġdid tat-Teatru Rjal fil-Belt Valletta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13658 ta' din is-Seduta.