Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jissoktaw l-interviews għall-membri ġodda fil-korp tal-pulizija billi dan l-aħħar l-interviews waqfu ħesrem?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għad fadal xi applikanti li għad irid isirilhom l-interview fil-proċess ta' reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija.

Qrati — Kawżi ta' separazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid bħalissa kemm hemm kawżi ta' separazzjoni pendenti quddiem il-qorti? Kemm daħlu kawżi ġodda fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Kemm-il kawża ġiet irtirata fl-istess żmien u kemm ġew deċiżi?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar u tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Qrati — Kawżi ta' separazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid il-kawżi ta' separazzjoni li hemm pendenti quddiem il-qorti, huma bejn koppji Maltin, koppji barranin, jew fejn il-koppja hija magħmula minn Malti/ija u barrani/ija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar in-nazzjonalita' tal-partijiet f'kawżi ta' separazzjoni.

Pulizija — Rapporti dwar serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' serq li ġew irrappurtati fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Kemm kienu ġew rappurtati fl-istess żmien is-sena li għaddiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena il-Pulizija kellha 4,473 rapport ta' serq, filwaqt li matul l-istess żmien tas-sena l-oħra kienu saru 5,131.

Pulizija — Sejba ta' droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta' droga li nqabdet mill-pulizija bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena? Ta' liema tip kienet? Kemm tressqu l-qorti persuni b'konnessjoni mad-droga fl-istess żmien? Kemm kienu nisa u kemm mit-total kienu barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena kien hemm 234 persuna li ġew imressqa l-Qorti fuq akkużi relatati ma’ droga, li minnhom 25 kienu nisa, filwaqt li 16 kienu barranin. Infurmat ukoll illi l-ammont ta’ droga maqbuda mill-Pulizija matul l-istess perijodu huwa kif ġej: Cocaine1kg 007.5grms Heroin1kg 765.81grms Cannabis resin44kg 334.88grms Cannabis grass1kg 974.5grms Ecstacy5,469 tablets Valium2 tablets DHC68 tablets BZP70.5 tablets

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' barranin li ngħataw ċittadinza Maltija f'dawn l-aħħar ħames snin? Minn liema pajjiż oriġinaw u għaliex ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li dwar l-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija tiegħu nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 11634 u Nru. 15796 ninfurmah, dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija, li ċ-ċittadinanza Maltija tingħata b'reġistrazzjoni lil dawk il-persuni li għandhom dritt jiġu reġistrati, bħal l-irġiel jew in-nisa ta' ċittadini ta' Malta, u b'naturalizzazzjoni lil dawk il-persuni li jissodisfaw ir-rekwisiti stabbiliti biex tingħata ċ-ċittadinanza Maltija.

Reati ta' prostituzzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni tressqu quddiem il-qorti fuq reati ta' prostituzzjoni din is-sena? Kemm minn dawn kienu barranin u minn liema pajjiż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, kien hemm 68 persuna, kollha ta' nazzjonalita' Maltija, li bejniethom tressqu l-Qorti 248 darba fuq akkużi ta' tlajjar għal skop ta' prostituzzjoni.

Pulizija — Xiri ta' Shotgun

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex persuna mill-Mosta li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applika biex jixtri shotgun No. A19149 mingħand persuna mill-Mosta Ref. MST/W0/01386/2006 u li dettalji dwarha wkoll qed jintbagħtu separatament, ma ġietx milqugħa mill-kummissarju tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni imsemmija mill-Onorevoli Interpellant qed tkun rikonsidrata.

Uffiċċju Konġunt — Xiri ta' art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-uffiċċju konġunt se jagħmel dawk il-proċeduri neċessarji sabiex tiġi pproċessata l-applikazzjoni ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u dan sabiex tinxtara porzjon art li parti minnha hi mqabbla lilhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju Konġunt qiegħed jivverifika l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.

Bini tal-Qorti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet l-ispiża nvoluta fix-xogħol li sar fil-bieb ta' barra ta' l-edifiċju tal-Qorti kif ukoll tal-ħġieġ li tpoġġa u l-magna tas-sigurta? Min wettaq dawn ix-xogħlijiet? Jista' jgħid ukoll liema kumpannija ħadet it-tender tas-security mal-bieb? X'inhi l-ispiża kuljum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Diviżjoni tal-Ġustizzja nefqet is-somma ta' Lm26,105 fix-xogħol tal-bieb ta' barra ta' l-edifiċju tal-Qorti li jinkludi ukoll il-ħġieġ li tpoġġa. Ix-xogħol tal-bieb ta' barra kif ukoll tal-ħġieġ saru minn Combined Industries Limited (Lm23,617), Raniolo and Farrugia Co. Ltd. (Lm1,673) u MSD (Lm815). L-iScanner jew aħjar il-magna tas-sigurta' swiet is-somma ta' Lm9,000. Ix-xiri u x-xogħol tal-magna tas-sigurta' sar minn Malta International Airport. Infurmat ukoll illi l-kumpanija li ħadet it-tender tas-security mal-bibien tal-Qrati tal-Ġustizzja hija Sterling Security Co. Ltd. L-ispiża nvoluta kuljum hija ta' Lm2.45,0 fis-siegħa għal ħames siegħat kull Security Guard. Meta jkun hemm xi Ġuri, jiddaħħal Security Guard ma' impjegat tal-Gvern wara il-ħin stipulat sa kemm dan jintemm.

Pulizija — Sex shops

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid saritx talba mal-pulizija f'dawn l-aħħar tliet snin biex jinfetħu sex shops u table/lap dancing establishments? Jekk iva, kemm? Kemm ġew rifjutati? Kemm hemm żeffiena li jagħmlu dan ix-xogħol u minn liema pajjiżi huma?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, il-liċenzji tan-negozju, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm daħlu Malta immigranti illegali fis-snin 2004, 2005 u din is-sena? Kemm minnhom ġew ripatriati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2004 kienu waslu Malta 1,388 immigranti illegali, filwaqt li ġew ripatrijati 704. Fis-sena 2005 kienu waslu 1,822 u ġew ripatrijati 955.

Ġustizzja u Intern — Cyberspace Solutions Ltd

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru, jew xi kumpanniji parastatali, korporazzjonijiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu f'dawn l-aħħar ħames snin qattx għamlu użu mill-kumpannija Cyberspace Solutions Ltd jew mill-kumpanniji sussidjarji tagħha Digital Signage Cyberspace Solutions, Wicked Promo jew Cyberspace Medical? Jekk iva, x'kien dan ix-xogħol, għal kemm kien jammonta u jekk itteħidx wara sejħa għall-offerti jew b'direct order?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tweġiba hija fin-negattiv.

Pulizija — Splussivi fil-Barrieri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid hux veru li l-bord ta' l-appell dwar liċenzji tal-pulizija waqqaf l-użu ta' l-isplussivi fil-barriera tal-qawwi li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jekk fl-affermattiv, x'kienu r-raġunijiet li dawn l-isplussivi ġew sospiżi?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar tagħrif speċifiku, u ċioe' in-numru ta' barriera li qiegħed jirreferi għaliha, sabiex inkun f'pożizzjoni li nikseb it-tagħrif mitlub.

Liġijiet ta' Malta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinvestiga u jgħid jekk l-emendi li ġew approvati mill-Parlament skond Att XXII ta' l-2005 u xi emendi oħra, ġewx inkorporati fil-liġijiet ta' Malta fejn kulħadd għandu aċċess għalihom bl-internet fuq il-website www.gov.mt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-emendi li ġew approvati mill-Parlament skond l-Att XXII ta’ l-2005 ġew fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar, 2006, u l-emendi kollha ġew inkorporati fil-Liġijiet ta’ Malta fejn kulħadd għandu aċċess għalihom bl-Internet fuq il-website www.gov.mt. Jekk l-Onor. Interpellant bil-kliem “xi emendi oħra” qed jirreferi għall-aġġornar tal-Liġijiet ta' Malta in ġenerali, wieħed jista' jikkonferma li l-website hija aġġornata sal-llum, jiġifieri l-aħħar emendi (l-Att IX ta’ l-2006 u l-avviżi legali 146 u 147 ta' l-2006) huma inkorporati.

Tibdil fil-Liġijiet

Question

Peress li riċentement ġie rrapportat f'xi ġurnal li l-gvern se jibda jemenda/iħassar xi biċċiet mil-liġijiet li kienu/jkunu dikjarati kontra l-provvedimenti tal-Kostituzzjoni mill-Qrati Maltin, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jew jinnega dan? Jekk fl-affermattiv, kif se jkunu magħrufa tali tibdiliet meta l-emendi jiġu fis-seħħ? Se jiġu ppubblikati fil-gazzetta tal-gvern, kif isir meta xi emendi jsiru mill-Parlament?

Response (BORG, TONIO)

Jidher li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta' l-Abbozz ta' Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea li issa ġie imgħoddi mill-Parlament u pubblikat fis-7 ta' Lulju 2006 bħala l-Att IX ta' l-2006. Dak l-Att emenda l-att dwar il-Konvenzjoni Ewropea billi introduċa dispożizzjoni fl-att li jagħti s-setgħa lill-Prim Ministru jagħmel regolamenti li permezz tagħhom iħassar xi strument jew dispożizzjoni legali li tkun ġiet dikjarata inkonsistenti mad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali tal-Bniedmen mill-Qorti Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem. Peress li dan irid isir b'regolamenti allura jrid ikun hemm Avviż Legali li jiġi pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Dan il-poter hu validu biss għal 6 xhur mid-data tas-sentenza tal-Qorti, u tapplika biss għal tħassir ta' liġijiet, u mhux emendi jew sostituzzjoni.

Joint Office — Garages

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-Joint Office jagħti wkoll iċ-ċans liċ-ċenswalisti ta' garaxxijiet li ma jmissux ma' djarhom biex ikunu jistgħu jifdu ċ-ċens huma wkoll, bħalma fil-fatt diġa' qed jagħmlu dawk li l-garaxxijiet tagħhom jifformaw parti mid-dar? Jista' għallinqas dan jingħata, fil-każ li wieħed ikollu aktar minn garage wieħed, fuq il-garage l-iżjed qrib tad-dar taċ-ċenswalist?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi garaxxijiet li m'humiex parti mill-fond t'abitazzjoni, jew li ċ-ċens li jitħallas fuqhom ma jifformax parti integrali miċ-ċens gravanti fuq l-istess fond t'abitazzjoni ma jikkwalifikax għal bejgħ skond l-avviż li għamel il-Gvern fil-Budget tas-sena 2002. Il-Gvern jista' jieħu deċiżjoni jbiegħ id-Dirett Dominju ta' dawn il-garaxxijiet permezz ta' sejħa għall-offerti bl-enfitewta/enfitewti jkollu/jkollhom id-dritt ta' l-Ewwel Rifjut skond il-policy approvata.

Pulizija — Financial Intelligence Analysis Unit

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19491 u jgħid kemm għamlet rapporti l-financial intelligence analysis unit (FIAU) lill-pulizija minn mindu twaqqfet? Jista' jgħid x'riżultati kien hemm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn kemm ilha li twaqqfet l-FIAU, din għaddiet 76 rapport lill-Pulizija. Minn dawn, l-investigazzjonijiet dwar 36 każ ġew konklużi, filwaqt li 40 għadhom qed ikunu investigati. Infurmat ukoll illi b'riżultat ta' dawn ir-rapporti inbdew proċeduri quddiem il-Qorti kontra 25 persuna.